L-Istorja tas-Soċjetà

Kien għall-ħabta tal‐1887 meta Mikiel Zammit, u t‐tifel tiegħu Emmanuel (aktar tard għamel żmien twil fil‐Kumitat tal‐Każin Re Ġorġ V), kien responsabbli mill-Palazz u t‐Torri Vinċenti tal‐Imqabba. Dan Mikiel Zammit, li kien jitgħallem il‐mużika (u l‐klarinett) għand is‐Surmast Taljan Eduardo Farina ‐ kien joqgħod il‐Ħamrun fi Triq Irjali qrib Santunnozzu u kien imexxi l‐Banda San Gejtanu ‐ wara xi żmien għaqqad grupp ta’ nies li kienu jitgħallmu l‐mużika fit‐Torri. Taħt dan is‐Surmast Taljan, kienu jieħdu ħsieb idoqqu fil‐festi tar‐raħal. Iżda ġara li wara xi ħdax‐il sena, kontra qalb Mikiel Zammit li għamel ħiltu kollha biex il‐banda ma tisfrattax, din mietet ħesrem.

 

Fl‐1905 twaqqaf l‐ewwel każin soċjali taħt l‐isem ta’ Santa Marija, bi President is‐Sur Paolo Caruana. Sabiex jibqa’ mfakkar l‐avveniment storiku tal‐Inkurunazzjoni tar‐Re Ġorġ V, fl‐1910, f’Malta kienu saru festi kbar u waqt dawn iċ‐ċelebrazzjonijiet, fil‐każin saret laqgħa ġenerali fejn ġie deċiż li l‐isem jinbidel minn Każin Soċjali Santa Marija għal dak ta’ Re Ġorġ V, bl‐ewwel President ikun is‐Sur Felic Zammit. L‐iskopijiet ewlenin li għalihom ġie mwaqqaf dan l‐ewwel każin soċjali fl‐Imqabba kienu:

 

1) Biex is‐soċji jkollhom fejn jiltaqgħu u jqattgħu l‐ħin liberu tagħhom;

2) Biex jieħdu ħsieb il‐ħtiġijiet tal‐festi esterni ta’ Santa Marija, Titular tal‐Parroċċa.

 

F’dawk iż‐żminijiet bikrin, partikolarment fis‐snin għoxrin, ingħatat spinta kbira fuq l‐armar tal‐festa, fuq disinn tal‐kbir artist Bormliż Abram Gatt, fosthom it-tnax‐il Appostlu, Sant’Anna, San Ġwakkin u fl‐aħħar u żgur mhux l‐anqas, il‐kapolavur artistiku u magħruf ma’ Malta kollha bħala l‐Inkoronazzjoni. L‐istatwi nafu li kienu saru fuq disinn ta’ artist daqstant ieħor famuż iġifieri Karlu Darmanin. Kienu ħafna s‐soċji u l‐partitarji li taw sehemhom f’dan ir‐rigward iżda żgur, b’ċertezza assoluta ngħidu, li ħadd daqs il‐mibki iżda qatt minsi ex-President tas‐Soċjetà tagħna s‐Sur Giovanni Ghigo ma ħadem biex sal‐lum għadna ngawdu dawn l‐opri artistiċi matul il‐Festa Titulari ta’ Santa Marija. Fit‐23 ta’ Jannar, 1934 bit‐tħabrik tal‐President is‐Sur Guzè Bugeja, inxtara l‐każin preżenti u b’hekk żgurat ruħha l‐ħajja tas‐Soċjetà. Ta’ min wieħed jgħid li qabel din id‐dar li tinsab f’41, Pjazza tal‐Parroċċa, is‐Soċjetà tagħna kellha s‐sede tagħha fi tliet postijiet oħra, jiġifieri:

 

(i) l‐ewwel każin kien f’numru 2, Triq il‐Karmnu,

(ii) it‐tieni kien f’numru 30, Pjazza tal‐Parroċċa, u

(iii) it‐tielet kien f’numru 38, Pjazza tal‐Parroċċa.

 

Fis‐16 ta’ Ottubru, 1936 saret żjara uffiċjali mill‐Gvernatur ta’ dak iż‐żmien Sir Charles Bonham Carter fejn ġie milqugħ b’entużjażmu. Bejn l‐1939 u l‐1945, matul it‐Tieni Gwerra Dinjija, il‐bini tal‐każin serva bħala uffiċini tal‐Gvern, hekk kif servew diversi każini oħra f’Malta u baqa’ hekk sakemm għadda t‐tiġrib. Mhux biss iżda bejn l‐1939 u l‐1942, twaqqfet il‐festa wkoll. Għall‐ħabta tal‐1939, Guzeppi Galea li kien mużiċist tajjeb beda jgħallem il‐mużika fil‐każin bl‐iskop li jwaqqaf orkestra, iżda ġara li faqqgħet il‐gwerra u t‐tagħlim kellu jieqaf. Fis‐sena 1943, reġgħet bdiet issir il‐festa u fl‐1944, meta l‐qilla tat‐tiġrib tal‐gwerra kienet naqset mis‐snin ta’ qabel, l‐istess Guzeppi Galea reġa’ ntefa b’ruħu u ġismu għat‐tagħlim tal‐mużika fil‐każin tagħna biex flimkien mas‐surmastrijiet Charles Schembri, Antonio Mamo, Espedito Deguara, il‐Professur Pawlu Carabott u Francesco Azzopardi waqqaf l‐Orkestra ‘Santa Marija’. L‐ewwel Programm immexxi minn Mro Espedito Deguara sar ġor‐raħal fit‐12 ta’ Awwissu, 1945. Fl‐20 ta’ Ottubru, 1946, waqt seduta ġenerali, l‐Orkestra nbidlet f’banda, bl‐ewwel surmast ikun Mro J. M. Barbara. L‐ewwel Programm Mużikali twettaq nhar Ħadd il‐Palm ta’ sena wara, jiġifieri fid‐29 ta’ Marzu, 1947, b’għadd ġmielu ta’ bandisti tal‐post li fi tlett xhur bidlu l‐istrumenti minn dawk tal‐orkestra għal dawk ta’ banda kif nafuha llum. Din hija prova oħra ta’ kemm kien sod it‐tagħlim mużikali li ħadu dawn l‐ewlenin mużiċisti Mqabbin. Wara Mro J.M. Barbara, fl‐1951 il‐Banda għaddiet taħt it‐tmexxija ta’ Mro Leonard Spiteri, iben il‐Banda. Fl‐istess żmien, is‐Sur John Camilleri wieħed mill‐ewlenin bandisti tagħna wkoll kien ġab id‐diploma mużikali. Dan ikompli juri b’liema ħeġġa u determinazzjoni l‐Banda kienet miexja ‘l quddiem. Fl‐1956, Mro Leonard Spiteri emigra l‐Ingilterra u għalhekk il‐Banda għaddiet taħt it‐tmexxija ta’ Mro George Martin, li kellu ħajja twila mal‐Banda u żgur jibqa’ mfakkar għall‐Innu kapolavur ‘Lil Marija Mtellgħa s‐Sema’, fuq versi tal‐mibki Direttur Spiritwali tas‐Soċjetà l‐W.R. Patri J.M. Ghigo. Wara l‐mewt ħesrem ta’ Mro George Martin, fi Frar tal‐1991 il‐Banda għaddiet taħt it‐tmexxija ta’ iben ieħor is‐Soċjetà, jiġifieri Mro Anthony Camilleri. Dan ma kienx ikun possibli li kieku mhux għat‐tħabrik tal‐mibki ex-President Onorarju tas‐Soċjetà u wieħed mill‐ewlenin bandisti tal‐Banda tagħna, is‐Sur Leonard Farrugia, li partikolarment ħadem bis‐sħiħ biex jgħallem il‐mużika fil‐każin tagħna. Inkomplu nsemmu xi żjarat oħra uffiċjali, proprju dik li seħħet fis‐6 ta’ Ġunju, 1948, mill‐Isqof ta’ dak iż‐żmien l‐Eċċellenza Reverendissima Monsinjur Mikiel Gonzi, li saritlu laqgħa kbira denja bħala ragħaj Spiritwali tal‐Gżejjer Maltin. Lejliet Santa Marija tal‐istess sena, ġew imbierka u mżanżna tliet standardi, dak Ingliż (mogħti mis‐Sur Rokku Camilleri), tal‐Papa (irregalat mis‐Sur Spiru Schembri) u dak Malti (miġbur mill‐partitarji nisa).

 

Fl‐14 ta’ Novembru, 1948, waqt seduta ġenerali oħra ġie deċiż li l‐każin jitkabbar skond il‐pjanta ta’ Guze’ D’Amato ta’ Raħal Ġdid. Ix‐xogħol inbeda fit‐12 ta’ April 1949 u b’sagrifiċċji li llum ma jitwemmnux ix‐xogħol intemm b’suċċess fit‐13 ta’ Mejju, 1951.  Fis‐sena 1950, kienet is‐sena Mqaddsa bid‐Domma tat‐Tlugħ fis‐Sema tal‐Madonna bir‐Ruħ u l‐Ġisem. Għal din l‐okkażjoni, bit‐tħabrik tal‐Kumitat ta’ dak iż‐żmien, nhar id‐19 ta’ Awwissu ġew iżuru l‐każin tagħna Mons. Isqof Gonzi, il‐Prim Ministru Dr George Borg Olivier, il‐Ministru tal‐Ġustizzja Dr Joseph Cassar, u l‐Ministru tal‐Kummerċ Dr Carmelo Caruana. Min jiftakar dik is‐sena jaf x’festi kbar kienu saru ġewwa l‐Imqabba. Ta’ min wieħed ifakkar li l‐istandard il‐prim tal‐Banda ġie mżanżan ukoll f’din is‐sena storika.  Fit‐23 ta’ Novembru, 1951, il‐Gvernatur ta’ dak iż‐żmien Sir Gerald Creasy għamel żjara uffiċjali fil‐każin. F’Ġunju tal‐1952, benefattur kbir tas‐Soċjetà tagħna s‐Sur Lorenzo Ellul irregala statwa ta’ daqs naturali, maħduma fil‐ġebla Maltija mill‐iskultur famuż Marco Montebello u li tpoġġiet fuq il‐bini tal‐każin proprju fuq il‐faċċata fejn tiddomina mill‐għoli.

 

L‐ewwel 50 sena tal‐eżistenza tal‐ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija ġew iċċelebrati bil‐kbir fl‐1960, u biex jibqa’ mfakkar dan l‐avveniment, twaħħlet lapida kommemorattiva fl‐intrata tal‐każin. Sa minn meta nxtara u tkabbar il‐każin, sar ħafna xogħol ieħor bħall‐abbelliment tas‐sala prinċipali fl‐1964, u fl‐1981 ġiet irrestawrata u mżejna bi tliet linef mill‐isbaħ. Fl‐1989 infetħet uffiċjalment sala oħra maħsuba biex fiha jsiru l‐kunċerti tal‐banda. Barra dan, nhar it‐30 ta’ April, 1963 ġiet inawgurata kamra tan‐nar ġdida filwaqt li fil‐25 ta’ Ġunju 1984, ġiet irregalata biċċa art oħra mill‐aħwa Ghigo, li flimkien ma’ dik li nxtrat sena wara kienu strumentali biex is‐Soċjetà jkollha żewġ imħażen kbar għall‐bżonnijiet tagħha, u sala oħra kbira li nbniet fuqhom. Nhar l‐10 ta’ Awwissu 1981, f’għeluq il‐25 sena tas‐Surmast Chev. Mro George Martin, bħala Direttur tal‐Banda, saru festi speċjali ad unur tiegħu.

 

Il‐75 sena mit‐twaqqif tas‐Soċjetà ġie mfakkar bil‐kbir fl‐1985. Taħt id‐direzzjoni ta’ Mro George Martin, kien sar Programm Strumentali ta’ tifkira nhar it‐Tlieta, 30 ta’ Lulju. Wara l‐President ta’ Malta ta’ dak iż‐żmien, is‐Sinjorina Agatha Barbara kixfet lapida kommemorattiva. Fl‐1986 kien imiss anniversarju ieħor ferm importanti għas‐Soċjetà tagħna, jiġifieri l‐150 sena mill‐miġja tal‐vara artistika u devota ta’ Santa Marija fostna l‐Imqabbin. Kienu reġgħu saru festi kbar, iżżanżnet induratura fuq ix‐xbieha devota tal‐Assunta, xogħol l‐imgħallem Horace Farrugia tal‐Imdina, u nkixfet lapida kommemorattiva oħra mill‐Eċċellenza Tagħha President ta’ Malta. Matul Ottubru tal‐1990, saru diversi seduti ġenerali biex jiġi approvat ir‐reviżjoni ġenerali tal‐Istatut. Kien f’dan iż‐żmien li ġie deċiż li l‐isem tal‐każin ikun jiġbor fih l‐istorja kollha ta’ din l‐ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija, sa mit‐twaqqif tagħha, jiġifieri Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Fl‐1991, bħal dejjem bl‐għajnuna tal‐benefatturi tas‐Soċjetà saru l‐armi tal‐ġnub fuq il‐faċċata tal‐każin u li nkixfu uffiċjalment nhar is‐Sibt, 10 ta’ Awwissu. Dawn l‐opri kienu mħallsa mill‐aħwa Ellul, li komplew fuq il‐passi ta’ missierhom. Nhar it‐13 ta’ Awwissu tal‐istess sena, ġie mżanżan pedestall, maħdum mill‐membru tagħna s‐Sur Pawlu Mifsud għal taħt l‐istatwa tal‐Papa Piju XII (xogħol l‐artist is‐Sur Renzo Gauci). L‐ispejjeż tal‐pedestall għamel tajjeb għalihom il‐President Onorarju tas‐Soċjetà s‐Sur Joe Farrugia. Is-sena 1992 kienet waħda storika għas‐Soċjetà tagħna meta tfakkar bil‐kbir il‐Ġublew tad‐Deheb tal‐Konvoj ta’ Santa Marija. Taħt id‐direzzjoni tas‐Surmast Direttur preċedenti u iben is‐Soċjetà tagħna Mro Anthony Camilleri sar Programm Strumentali nhar il‐Ħamis, 30 ta’ Lulju, taħt il‐Patroċinju tal‐Eċċellenza Tiegħu Dr Censu Tabone, President ta’ Malta. Wara, sar il‐kxif tal‐Pedestall ta’ taħt Santa Marija ta’ fuq il‐faċċata tal‐każin (imħallas mill‐aħwa Ellul), tal‐lapida kommemorattiva u tal‐pittura tal‐Konvoj (imħallsa mill‐aħwa Ghigo). Fl‐1992 seħħew żewġ avvenimenti oħra ferm importanti:

 

1) f’Mejju, delegazzjoni mill‐Kumitat iltaqgħet mal‐Altezzi Rjali waqt iż‐żjara tagħhom f’Malta;

2) nhar it‐12 ta’ Awwissu, il‐piloti ferm magħrufa tar‐Red Arrows kienu l‐mistiedna tas‐Soċjetà tagħna.

 

Nhar id‐9 ta’ Awwissu 1994, kellna żjara oħra minn piloti u ‘crew’, din id‐darba tal‐Bastiment Navali l‐Ark Royal, li għaddew serata memorabbli flimkien magħna.  Nhar l‐10 ta’ Awwissu 1995, ġiet organizzata serata memorabli biex tfakkar għeluq il‐50 sena mit‐twaqqif tal‐Orkestra Santa Marija fil‐każin tagħna. Taħt il‐Patroċinju tal‐E.T. Dr Ugo Mifsud Bonniċi, President ta’ Malta, saret Akkademja Mużika Letterarja li laħqet il‐qofol tagħha bi Programm Vokali u Strumentali taħt id‐direzzjoni ta’ Mro Anthony Camilleri u bis‐sehem sħiħ tal‐Banda Re Ġorġ V, tas‐solisti Marie Therese Vassallo (Soprano), Francis Mangion (Tenur) u Alfred Camilleri (Baritonu), u tal‐Kor Marija Bambina tal‐Isla. Wara diversi nterventi fosthom mis‐Sindku tal‐Imqabba s‐Sur Emanuel Buttigieg, mill‐ex-President tas‐Soċjetà s‐Sur Guzeppi Farrugia, mill‐President tas‐Soċjetà s‐Sur Carmel Zahra, u minn iben il‐fundatur tal‐Orkestra Santa Marija jiġifieri l‐Onor. Dr. Louis Galea B.A. LL.D., M.P., kien imiss kelmtejn mill‐E.T. President ta’ Malta. Din l‐ewwel serata tax‐xorta tagħha ġol‐Imqabba tkompliet b’diversi għotjiet ta’ rigali u ‘souvenirs’ tal‐okkażjoni segwit mill‐kxif ta’ lapidi tal‐Presidenti tas‐Soċjetà u tal‐fundaturi tal‐Orkestra. Riċeviment kbir fis‐swali tal‐każin ġab fit‐tmiem din il‐ġurnata storika għas‐Soċjetà tagħna.

 

Fis‐sena 1996 inkitbet paġna storika oħra fi ħdan is‐Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Is‐Soċjetà tagħna ħasbet sabiex torganizza Ġemellaġġ mal‐Banda Taljana Corpo Bandistico ta’ Santa Vittoria in Matenano ġewwa Ascoli Piceno. Dan kien ifisser li l‐Banda Re Ġorġ V kienet ser toħroġ għall‐ewwel darba barra minn xtutna. Kien proprju fuq inizjattiva personali tal‐ħabrieki s‐Sur Alfred Galea, bandist attiv u uffiċjal għar‐relazzjonijiet internazzjonali li dan l‐avveniment seta’ jkun suċċess totali.  F’dik l-istess sena, is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V ingħatat rikonoxximent bħala l-Każin tal-Banda bl-akbar numru ta’ donaturi tad-demm. Fis‐sena 1997 kien imiss it‐tieni parti tal‐Ġemellaġġ fejn il‐Banda ġemella kienet il‐mistiedna speċjali matul il‐festa ad unur Santa Marija. Dan il‐Ġemellaġġ kompla bis‐suċċess tiegħu meta fl‐1998 l‐Unjoni Ewropea ppremjat lis‐Soċjetà tagħna bl‐unur uniku Les Étoiles d’Or du Jumelage, ġewwa Ferrara l‐Italja.

 

Fis‐snin segwenti kienu bosta l‐baned, korijiet u mistiedna distinti kemm Maltin kif ukoll barranin li kienu mistiedna ġewwa l‐każin tas‐Soċjetà fejn fost l‐oħrajn kellna baned mill‐Ġermanja, Greċja, Iżrael kif ukoll mill‐Ingilterra. Fis‐sena 2000 il‐Banda Re Ġorġ V esegwiet Programm Mużikali ġewwa l‐Knisja Parrokkjali tal‐Imqabba fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Deheb tad-Domma tal-Assunzjoni kif ukoll l-400 sena Fratellanza tas-Sagrament. Hawn kienet reġgħet ħarġet proċessjonalment il-vara Titulari ta’ Santa Marija billi sar pellegrinaġġ aux flambeaux.

 

Is‐sena 2005 immarkat bosta avvenimenti importanti. Proprju f’din is‐sena s‐Soċjetà tagħna kienet impenjata sew. F’Ġunju kienet mistiedna toffri spettaklu ta’ nar tal‐art bħala parti miċ‐ċelebrazzjonijiet tal‐25 anniversarju tal‐FECC (Federazzjoni Ewropea tal‐Bliet tal‐Karnival). F’Novembru l‐Banda Re Ġorġ V kienet l‐ewwel banda Mqabbija li esegwiet Program Strumentali ġewwa t‐Teatru Manoel, taħt il‐Patroċinju tal‐E.T. President ta’ Malta Dr Edward Fenech Adami. Fl‐istess sena l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija ġiet għal darba oħra mistiedna toffri spettaklu ta’ nar tal‐ajru sinkronizzat mal‐mużika bħala għeluq taċ-ċena offruta mill‐E.T. Reġina Eliżabetta II lir‐rappreżentanti tal‐pajjiżi tal‐Commonwealth (CHOGM), kif ukoll rappreżentanti tas‐Soċjetà ġew mistiedna għal riċeviment offrut mill‐E.T. Reġina Eliżabetta II fuq il‐Bastiment Navali HMS Illustrious. F’April tas‐sena 2006, l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija ħarġet bl‐unuri meta kienet ir‐rebbieħa tal‐Ewwel Festival Internazzjonali tan‐Nar ta’ Malta minn fost fabbriki tan‐nar kemm Maltin kif ukoll barranin. Fl‐istess sena, l‐Għaqda offriet żewġ spettakli oħra fil‐Port il‐Kbir bħala parti minn konferenza ta’ Thomas Cook. Is‐swali komplew jissebbħu b’pitturi li jirrappreżentaw il‐Madonna fil‐Glorja, il‐Mużika, il‐Pittura, l‐Arti u l‐Iskultura. Proprju fis‐sena, 2006, ġiet inawgurata biċċa pittura oħra fis‐saqaf tal‐istess sala. Dik is‐sena stess kellna fostna mistieden speċjali s‐Sur David Morris World Whistling Champion li akkumpanja l‐Banda Re Ġorġ V matul il‐Programm Sinfoniku tal‐10 ta’ Awwissu. Fil-ġranet tal-Milied, is-Sezzjoni Żgħażagħ organizzat għall-ewwel darba l-Presepju Ħaj ġewwa l-Bini tal-Isptar il-Qadim.

 

Is-sena 2007 kienet sena impenjattiva għas-Sezzjoni Żgħażagħ fejn għall-ewwel darba ġewwa l-Imqabba ġiet organizzata l-wirja oriġinali ta’ vari ta’ Spanja – La Semana Santa. Il-ftuħ ta’ din il-wirja sar mill-E.T. Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona OP li kien għadu kif ħa l-pussess tiegħu ftit xhur qabel. Hawn is-Sezzjoni Żgħażagħ kienet strumentali sabiex saret din l-ewwel Viżta Pastorali tal-Arċisqof ġewwa l-Imqabba. F’Awwissu tas-sena 2007 l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija kkompetitiet għall‐ewwel darba barra minn xtutna matul il‐Kampjonati Mondjali tan‐Nar Caput Lucis li sar Val Montone viċin Ruma fl‐Italja fejn hemm l-Għaqda tan‐Nar Santa Marija kisbet l-ewwel post. Is-Sezzjoni Żgħażagħ fil-ġranet tal-Milied tal-istess sena organizzat ukoll it-tieni edizzjoni tal-Presepju Ħaj, ġewwa l-Bini tal-Isptar il-Qadim.

 

Fil-lejl tal-ewwel tas-sena tal-2008 l-Għaqda tan-Nar Santa Marija ġiet mistiedna toffri spettaklu ta’ nar ġewwa l-Port il-Kbir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-dħul tal-Ewro. Hawn spikkaw ħafna d-disinni forma tal-€. Paġna oħra tnaqqxet fl‐istorja tas‐Soċjetà meta l‐Banda Re Ġorġ V kienet impenjata għat‐tieni darba barra minn xtutna proprju ġewwa l‐provinċja ta’ Ruma l‐Italja. Dan kien it‐tieni ġemellaġġ li l‐Banda tagħna għamlet. Il‐Banda Taljana mill‐belt ta’ Cave f’Ruma kienet il-mistiedna tal‐unur għall‐festa ta’ Santa Marija fl‐Imqabba tas‐sena 2008. Lejn l-aħħar ta’ Ottubru tal-istess sena beda x-xogħol tat-twaqqiħ tal-post li kien jinsab biswit il-każin sabiex jagħmel spazju għall-proġett tal-estensjoni tal-każin. Fis-sena 2009 is-Sezzjoni Żgħażagħ għall-ewwel darba fl-Imqabba, organizzat Ċenaklu Ħaj fis-sotteran tal-każin kif ukoll f’parti mix-xelter tal-każin.

 

Dan kollu wassalna sabiex fis‐sena 2010, is‐Soċjetà ċċelebrat bil‐kbir l‐ewwel ċentinarju mit‐twaqqif tagħha. Kienu diversi l-attivitajiet li saru, fosthom, it-tnedija tal-Logo Uffiċjali – Mitt Sena għall-Imqabbin … Mużika, Kultura, Suċċess. Wara din kien imiss żjara mill-E.T. President ta’ Malta Dr George Abela segwita bl-attivita ‘9 t’April 1942 … Ġrajjiet l-Imqabba’, fejn għall-ewwel darba ġie miftuħ għall-pubbliku x-xelter li jinsab fil-każin. F’din is-sena l-Għaqda tan-Nar tal-Art ħadet sehem fir-IV Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art li ġie organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana nhar is-Sibt 24 ta’ April 2010. L-Għaqda tan-Nar tal-Art ġiet iddikjarata bħala rebbieħa ta’ dan il-festival wara li rebħet tliet kategoriji. Sabiex is-Soċjetà tkun iktar inklussiva, is-Sezzjoni Żgħażagħ għamlet pass ieħor ‘il quddiem permezz ta’ grupp ġdid għal partitarji ċkejknin fi ħdanha: Il-Klabb Tfal tat-Titular. Dan il-klabb beda l-ħidma tiegħu fl-20 ta’ Novembru 2010. Fl-istess sena saret it-Tielet Edizzjoni tal-Presepju Ħaj li kien organizzat f’post prinċipali fir-raħal tagħna li kien mifrux fuq medda ta’ 1,700 metru kwadru t’art, b’aktar minn 100 personaġġ jipparteċipaw f’rakkont animat mill-Bibbja. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel ċentinarju mit‐twaqqif tas‐Soċjetà laħqu l-qofol tagħhom fil-21 ta’ Diċembru 2010 fejn ġie nawgurat il-proġett ambizzjuż, dak tal-estensjoni tal-każin.

 

Fis-sena 2011 saret it-Tieni Edizzjoni taċ-Ċenaklu Ħaj li bdiet nhar it-12 ta’ April. Is-sena 2011 wasslitna wkoll għall-anniversarju tal-175 sena mill-miġja tal-Vara Titulari ta’ Santa Marija fl-Imqabba. Kienu d-diversi attivitajiet u ċelebrazzjonijiet li tħejjew għal dan l-anniversarju tassew importanti. Il-vara tal-Assunta nħarġet min-niċċa biex tkun esposta fil-Knisja Parrokkjali nhar it-Tnejn 24 ta’ Ottubru, il-fratellanzi tar-raħal kollha ġew mistiedna janimaw ir-rużarju madwar il-vara tal-Patruna fil-ġranet segwenti. L-Erbgħa 26 ta’ Ottubru sar is-seminar bl-isem “Lejla kulturali madwar il-Vara ta’ Santa Marija” fil-Knisja Parrokkjali. Il-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru s-Soċjetà Santa Marija permezz tal-Banda Re Ġorġ V tellgħet Akkademja Mużiko-Letterarja taħt il-Patroċinju tal-Isqof Monsinjur Adeodato Micallef O. Carm fil-Knisja Parrokkjali. Il-Ħadd 30 ta’ Ottubru sar il-Pontifikal Solenni ta’ ringrazzjament immexxi mill-E.T. Mons. Pawlu Cremona O.P. Dawn l-attivitajiet saru kollha ġewwa l-Knisja Parrokkjali li kienet armata kważi daqs il-festa prinċipali: bid-damask, bl-armar tal-maġġur u tal-kor, u naturalment bil-vara meraviljuża. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ingħalqu bil-kbir permezz ta’ Pellegrinaġġ Devot aux flambeaux qalb it-toroq ċentrali tal-Imqabba bil-vara ta’ Santa Marija, meta nhar l-1 ta’ Novembru ħafna mill-partitarji tas-Soċjetà Santa Marija refgħu lill-istess vara tal-Patruna tal-Imqabbin bil-Mozzetta l-Ħamra.

 

Fit-23 ta’ Frar 2012 is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija ngħatat Rikonoxximent Nazzjonali permezz tal-Premju Nazzjonali f’Ġiegħ il-Kreattività u l-Innovazzjoni fl-Artiġġjanat Malti għall-Gwarniċun Mekkanizzat, waqt serata gala ġewwa l-Lukanda Corinthia f’Ħ’Attard. Il-preżentazzjoni saret mill-Onor. Jason Azzopardi, Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur, fil-preżenza tas-Sur Francis Gurry, Direttur Ġenerali tal-World Industrial Property Organization (WIPO).

 

Fil-festa ta’ Santa Marija tal-2012 tfakkar kif jixraq is-70 sena tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Dawn il-memorji ġew imġedda permezz ta’ rikostruzzjoni piroteknika tal-Konvoj ta’ Santa Marija bil-logħob tan-nar, flimkien ma’ rakkont qasir u mużika adattata. Saret ukoll wirja fis-sala prinċipali tal-każin dwar it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Konvoj ta’ Santa Marija, bil-għajnuna ta’ Leonard Azzoppardi. Fis-17 ta’ Ottubru 2012 twaqqaf uffiċjalment is-St. Mary Mqabba Pool Team. Proprju f’din is-sena, fl-20 anniversarju mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ sar ir-Raba’ Edizzjoni tal-Presepju Ħaj li kien organizzat fi Triq Ħal Kirkop u kien mifrux fuq medda ta’ ‘l fuq minn 1,400 metru kwadru t’art, b’aktar minn 100 personaġġ jipparteċipaw f’rakkont animat mill-Bibbja, meħud mill-Evanġelju ta’ San Luqa, li jibda miċ-Ċensiment sal-wasla tal-Maġi. Dan il-Presepju Ħaj żaruh madwar 18,000 persuna, u l-ftuħ uffiċjali sar taħt il-Patroċinju tal-Prim Ministru ta’ Malta, dak iż-żmien Dr Lawrence Gonzi fil-preżenza ta’ diversi mistednin distinti oħrajn fosthom ministri, deputati u kandidati taż-żewġ partiti politiċi. Il-ftuħ uffiċjali kien jikkonsisti fi Programm Vokali u Strumentali mill-Banda Re Ġorġ V u diversi diskorsi. Dan wassal sabiex dan il-Presepju Ħaj organizzat mis-Sezzjoni Żgħażagħ ikklassifika fl-ewwel post tal-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji Milied 2012, kompetizzjoni organizzata mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Il-Presepju Ħaj kiseb 95% tal-voti tal-ġurija. The Malta Records iddikjara wkoll il-Presepju Ħaj 2012 bħala l-akbar Presepju Ħaj fil-gżejjer Maltin.

 

Fis-sena 2013 twaqqfu żewġ kummisjonijiet oħra fi ħdan is-Soċjetà: l-Kummissjoni WEB li ser tkun qed tieħu ħsieb il-koordinament tal-websajt, midja soċjali u t-tixrid tal-informazzjoni fi ħdan l-istess Soċjetà, u l-Kummissjoni Manutenzjoni li ser tkun qed tieħu ħsieb ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-każin u l-proprjetajiet l-oħra tal-istess Soċjetà. F’Mejju 2013 is-St. Mary Mqabba Pool Team ġie promoss għat-Tieni Diviżjoni tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Pool. Fis-sena 2013 tfakkar ukoll il-50 sena mit-Tberik tal-Post tan-Nar permezz ta’ spettakli ta’ nar tal-ajru kif ukoll tal-art. L-Għaqda tan-Nar tellgħet spettaklu tassew oriġinali lejliet il-festa, fejn hawn assistejna għal funtana tan-nar u diversi mriewaħ li jitilgħu mill-art, kif ukoll inħarqu disinni ġodda li ntlaqgħu ferm tajjeb mill-pubbliku. Għat-tielet sena konsekuttiva, intrama t-torri permezz ta’ tower crane li minn fuqu nħaraq nar sinkronizzat mal-mużika. Dan it-torri ġie rikonoxxut minn The Malta Records bħala ‘L-akbar spettaklu pirotekniku vertikali’. L-Għaqda tan-Nar tal-Art offriet raddiena tal-ewwel xorta tagħha ġewwa l-Imqabba minħabba l-fatt li hija raddiena maħduma fuq tliet dimensjonijiet (3D). Fl-istess sena l-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ taw bis-sħiħ l-għajnuna tagħhom lid-diversi fergħat fi ħdan is-Soċjetà. Flimkien mal-Għaqda tal-Armar inħadem pavaljun li jintrama mal-faċċata tal-każin matul il-jiem tal-festa u li dan inkixef waqt il-marċ tat-tielet tridu. Fit-tielet tridu s-Sezzjoni Żgħażagħ ħadet ħsieb li ttellgħa spettaklu quddiem il-każin permezz tal-laser, filmati mill-aktar informattivi li ntwerew fuq LED screen, spettaklu tad-dwal u kanuni tal-karti ssinkronizzati mal-mużika kif ukoll nar minn fuq struttura forma ta’ piramida li tpoġġiet apposta fuq il-bejt l-għoli tal-każin. F’din l-istess ġurnata, inxtegħlet għall-ewwel darba l-faċċata tal-każin permezz tal-bozoz LED li għal darb’ oħra kien proġett iffinanzjat mis-Sezzjoni Żgħażagħ. Waqt il-Programm Vokali u Strumentali ta’ din l-istess sena, ġie nawgurat iċ-Ċentru artistiku fis-Sala Prinċipali tal-Każin.

 

Sabiex ikompli jkun żgurat il-futur tas-Soċjetà, twaqqaf grupp ġdid Go Reds – Grupp Adoloxxenti li huwa mmirat għall-adoloxxenti ta’ bejn it-12 u l-15-il sena. L-iskop ta’ dan il-grupp huwa li dawn il-blanzuni taż-żgħożija jkollhom idea ta’ x’inhu kumitat u jitrawmu b’ċertu responsabbiltajiet u valuri, filwaqt li jkunu mħeġġa jaqsmu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom.  Dan ġie mwaqqaf uffiċjalment nhar is-Sibt l-1 ta’ Frar 2014 fuq inizjattiva ta’ diversi partitarji fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba. Żdied ukoll interess qawwi fil-logħba tal-pool, u kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jiġi ffurmat it-tieni tim fi ħdan is-Soċjetà. B’hekk f’dan l-istaġun 2013/14 insibu liż-żewġ timijiet li qiegħdin jikkompetu fil-Kampjonati Nazzjonali tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni rispettivament.  Fuq inizjattiva tal-istess timijiet u bl-appoġġ tal-Kumitat Eżekuttiv, il-każin ġie mgħammar bit-tieni mejda tal-pool. Fis-17 ta’ Frar 2014 l-Għaqda tan-Nar tal-Art Santa Marija ngħatat Rikonoxximent Nazzjonali permezz tal-Premju Ġiegħ l-Artiġjanat Malti 2013 fil-kategorija ‘L-Aktar Prodott Innovattiv minn Grupp ta’ Artiġjani’ għar-raddiena tan-nar tal-art maħduma fuq tliet dimensjonijiet (3D) li kienet iżżanżnet fil-festa tal-2013. Il-premjazzjoni ngħatat waqt serata ġewwa l-Lukanda Westin Dragonara Resort, St. Julians u l-preżentazzjoni saret mill-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr Chris Cardona flimkien mad-Direttur tal-Uffiċju tal-Business and Commerce, Godwin Warr.

 

Fit- 8 ta’ Awwissu 2014, ġiet inawgurata l-istatwa artistika ta’ Santa Marija fuq il-Mentna.

 

Fil-Festa tas-sena 2015 kellna mistiedna fostna il-Bedford Town Band mill-Ingilterra.

 

F’Marzu tas-sena 2018, is-Soċjeta’ niżżlet isimha bħala l-ewwel Soċjeta’ f’Malta Ii tellgħat kunċert fil-Gran Salon ta I-Auberge de Provence fil-Belt Valletta proprju fis-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-okkażjoni tas-Semana Santa. F’ April 2018 lkoll flimkien bkejna bin-niket mal-aħbar Ii kien ħalliena I-President Onorarju u eks President tas-Soċjeta’ Carmel Zahra f’ April. Is-Soċjeta’ tat tislima xierqa lis-Sur Zahra matul il-funeral tiegħu.

 

Lejn tmiem is-sena 2018 il-Kumitat Eżekuttiv vara l-proġett ta’ rinnovazzjoni estensiva tas-Sala Marija Assunta, is-Sala tal-Pittura Ii ingħatat dehra aktar maestuża permezz ta’ xogħol estensiv fiż-żebgħa, induratura, irħamar, linef u l-madum tal-art. Ix-xogħol relatat ma din ir-rinnovazzjoni kien fdat f’idejn I-artist John Pace b’ konsultazzjoni kontinwa mall-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi u Prof. Keith Sciberras. Ilum il-gurnata nistgħu ngħidu Ii s-Sala ‘Marija Assunta hi meqjusa bħala ċentru artistiku ewlieni fl-lmqabba. Dan ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni Ii ħa madwar xagħrejn u nofs kien ta’ sostenn mill-Kunsill Malti għal-Arti u mill-Għaqda Każini tal-Banda. Dan il-proġett ġie kkumplimentat ukoll b’għotja ta’ sett siġġijiet fuq stil rustiku mis-Sur Mario Grixti. L-entratura prinċipali tal-każin ingħatat dehra komplimentuża mas-sala tal-pittura, dan għaliex is-Sezzjoni Żgħażgħ Santa Marija investiet ukoll bil-kbir fid-dehera artistika tal-intrata principali tal-każin, pitturi mill-isbaħ tal-Kav. Paolo Camilleri Cauchi. Dawn saru bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 sena Sezzjoni Żgħażagħ.