Giuseppe Bugeja

 

Giuseppe BugejaGiuseppe Bugeja twieled l-Imqabba nhar it-22 ta’ Diċembru 1896 iben Mastru Salv u Marija née Farrugia. Is-Sur Joseph Bugeja kien ikkwalifikat fil-Bookkeeping u Typewriting u mgħejjun bil-lingwi li tgħallem, kien Manager dehen tal-grad fl-uffiċju tiegħu. Bil-personalità li kellu kien midħla ta’ ħafna nies professjonisti u oħrajn. Permezz tal-kuntatti li kellu tista’ tgħid li kien jaf lil kulħadd.

 

Joseph Bugeja kellu intuwizzjoni biex jindividwa l-potenzjal ta’ kull membru u kien jgħinu jiżviluppah għall-benefiċċju tas-Soċjetà kif ukoll li jagħraf b’kelma perswasiva kif iżomm il-kumitat u s-Soċjetà magħqudin. Kien bniedem integru u altruwista tant li meta l-gvernatur Sir Charles Bonham Carter spiċċa minn żjara fil-każin, staqsa lis-Sur Joseph Bugeja għal xi rakkomandazzjoni. Ix-xewqa tiegħu kienet ċara għaliex talab telefon pubbliku wara esperjenza personali li kellu. Sa dak iż-żmien l-uniku telefon pubbliku kien jinsab fl-għassa tal-pulizija li mhux dejjem kienet tkun miftuħa. B’hekk dan it-telefon pubbliku kien providenzjali u akkomoda sew lil kulħadd.

 

Fis-sena 1934, insibu li Giuseppe Bugeja kien strumentali fl-akkwist tal-fond tal-Każin Re Ġorġ V meta refa’ r-responsabbiltà tax-xiri u tal-kuntratt u għadda s-sit għas-sede tas-Soċjetà. Dan l-akkwist kien pass ta’ prevenzjoni għaqlija biex is-Soċjetà tiġi kkonsolidata b’sede propjetà tagħha.

 

Matul il-gwerra, l-attività tal-festi waqfet għal kollox. F’dak iż-żmien, meta l-Inġinier Ingliż Mr. Cyril C. Mavity kien inkarigat mill-Air Raid Shelter Construction ta’ Malta, is-Sur Bugeja ġie appuntat Area Officer – Shelter Construction għar-raħal tal-Imqabba. Fil-fatt is-Sur Bugeja kien responsabbli mill-pagi tal-ħaddiema u l-kontijiet tax-xogħol kollu li sar fix-xelters tal-Imqabba. Il-Każin Re Ġorġ V serva ta’ uffiċju għalhekk.

 

Joseph Bugeja iżżewweġ lil Carmela Gauci, bint Baskal u Margherita née Facciol, nhar l-24 ta’ Ottubru 1937. Il-festin sar fil-Każin Re Ġorġ V; kienet l-ewwel okkażjoni ta’ din ix-xorta li saret hemm. Kellhom familja eżemplari b’erbat itfal; Mary, Re. Fr. Joe B.A.,Lic.D., Charlie u Terry. Fl-1972, Joseph Bugeja mar joqgħod Santa Lucija ma’ ibnu Fr. Joe meta kien kappillan t’hemm. Joseph Bugeja għadda għall-ħajja ta’ dejjem fis-sena 1987 fil-Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema, meta ibnu Fr. Joe kien kappillan.

 

Referenzi: Programm Festa Santa Marija 1999; Joseph Bugeja (1896-1987), paġna 25 kitba tas-Sur Joseph Farrugia, Programm Festa Santa Marija 2000; Trijunvirat Amminsitrattiv, paġna 25 kitba tas-Sur Joseph Farrugia.