Il-Kummissjoni Manutenzjoni

Il-Kummissjoni Manutenzjoni twaqqfet waqt laqgħa ġenerali fi Frar 2013. L-iskop prinċipali ta’ din il-Kummissjoni huwa li tieħu ħsieb xogħol u manutenzjoni, tisbieħ kemm fil-każin kif ukoll fil-propretajiet kollha li għandu l-każin, u tieħu ħsieb l-inġenji li għandha s-Soċjetà. Tingħata attenzjoni kbira li l-propretajiet ikunu fl-aqwa kundizzjoni, kif ukoll li l-inġenji jiffunzjonzaw kif meħtieġ.

 

Kienu diversi x-xogħolijiet li twettqu s’issa mill-Kummissjoni Manutenzjoni, fejn fosthom insibu r-restawr fuq il-madum tas-Sala Marija Assunta, fejn anke saru xi tiswijiet fuq dan il-madum, biex b’hekk din is-sala meraviljuża, li ftit hawn bħala ġewwa Malta, tibqa’ tinżamm fl-aħjar kundizzjoni minn kull aspett dettaljat tagħha. Sar ukoll xogħol fuq il-forklifter li jiġi użat partikolarment għat-tiżjin tal-festa, u attivatijet oħra matul is-sena. Dan kien jirrikjedi xogħol ta’ żebgħa, service tal-magna, kif ukoll sistema ta’ dawl ġdida, sabiex il-partitarji jkunu komdi jaħdmu filwaqt li jkunu protetti minn kull periklu. Fl-istess waqt, sar xogħol ta’ manutenzjoni fil-post tan-nar, fejn inżebgħu l-bibien tal-post u twaħħlu tabelli ġodda, biex b’hekk tkompliet tiżdied is-sigurtà ġewwa l-post tan-nar.

 

Fost xogħolijiet oħra li twettaqu mill-Kummissjoni Mantuenzjoni insibu t-tiżbigħ tas-sala tal-Bar tal-Każin, x-xogħol ta’ żebgħa fuq l-arbli tal-palazz tas-Soċjetà, kif ukoll xogħol fuq dawl fejn jinsabu l-imwejjed tal-pool.

 

Il-Kummissjoni Manutenzjoni ġiet imwaqqfa fl-2013 u taħdem volontarjament. Il-membri attivi f’din l-għaqda fis-sena 2019 huma Felix Galea, Osvaldo Vella, Roderick Tonna, Ivan Falzon, Jeremy Buttigieg, Pierre Farrugia, Karl Ellul, Joseph Galea, Emmanuel Pace u Roderick Pace. Dawn il-membri daħlu f’din il-kummissjoni b’ħeġġa kbira u bl-għan ewlieni li jagħmlu dak kollu meħtieġ sabiex il-palazz u l-propjetajiet kollha tas-Soċjetà jkunu miżmuma fl-aħjar kundizzjoni. Dan ix-xogħol isir mill-qalb, u l-kummissjoni tagħmel appell u tistieden lil dawk kollha mħajra u motivati, sabiex jingħaqdu f’din il-kummissjoni.

 

Kummissjoni Manutenzjoni tirringrazzja lil kull soċju u partitarju li jagħtu s-sehem tagħhom, kemm dak manwali, kif ukoll finanzjarju, biex b’hekk flimkien inkomplu nsebbħu l-palazz tagħna li huwa d-dar tal-istess soċji u partitarji.