Il-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament

 

Il-Fratellanza tas-Sagrament tal-Imqabba hi waħda antika jew waħda mill-eqdem tal-gżejjer Maltin. Din il-fratellanza għandha rabta kbira mal-kappella ta’ San Bażilju li għandna ġewwa l-Imqabba stess. Tajjeb li qabel xejn niktbu biċċa mill-istorja biex naraw kif kien il-bidu tal-fratellanza.

 

Il-parroċċa antika ta’ Bir Miftuħ iddedikata lil Marija Assunta kienet eretta mill-Isqof Mons. De Mello fl-1436. Issa f’dan iż-żmien l-Imqabba kien fiha madwar 30 dar li kważi kienu jinsabu kollha qrib il-knisja ta’ San Bażilju. Ħal Farruġ kien fih 10 djar. Meta l-knisja ta’ Bir Miftuħ saret parroċċa fl-1436, f’dan iż-żmien fil-knisja ta’ San Bażilju kienu diġà nbnew l-ewwel tlett arkati u kienu qed jissemmew li se jsiru tnejn oħra. Però biex dejjem nibqgħu dwar il-fratellanza tas-sagrament jaqbel li nħallu għal ftit l-istorja ferm interessanti ta’ San Bażilju għal darb’oħra. Minn dan naraw li din il-knisja kienet diġà qed tiġi ffrekwentata sew jew aħjar kien hemm devozzjoni lejn din il-knisja għax kienet qed tiġi ffrekwentata ta’ spiss peress li l-knisja ta’ Bir Miftuħ kienet xi żewġ mili bogħod. Minkejja t-tbatija li missirijietna kellhom u anke l-faqar li kien hawn, kellhom devozzjoni serja li jwettqu dak li jemmnu. F’waħda mir-riċerki li ltqajt magħhom u ta’ interess hija li fiż-Żurrieq, fl-Imqabba u Ħal Safi, kienu jiltaqgħu xi nies jitolbu lil Ġesù wara li tispiċċa l-quddiesa tal-Ħadd filgħodu. Din iġġib l-annu 1310.

 

Kitba antika oħra li kienet tinsab għand G. Theuma minn 13–il riċerka u li vverifikajt mal-Propostu Monsinjur Vella fl-1960, tgħid li fl-Imqabba u ż-Żurrieq kienet twaqqfet kumpanija ta’ nies li jagħmlu ħin ta’ talb quddiem Ġesù Sagramentat wara l-quddies tal-Ħadd u dawn kienu jissejħu adoraturi. Dan kien circa 1210. Issa wieħed jista’ jifhem li l-idea tal-fratelli bdiet minn hawn. Però bħala fratelli tas-Sagrament insibu li fl-1575 Monsinjur Dusina żar il-knisja ta’ Bir Miftuħ, li kellha Kappillan lil Dun Bartilmew Mangion mgħejjun mill-qassis Dun Pankrazju Cafur. F’din il-knisja kienu jinsabu ħames altari u fl-altar maġġur waqqaf il-Konfraternità tas-Sagrament u f’dak l-istess ħin kiteb erbatax-il fratell tas-Santissmu Sagrament. Dan kien fis-7 ta’ Frar 1575. Li għandna nifhmu li dawn kienu mill-inħawi kollha li kienu jagħmlu ma’ Bir Miftuħ.

 

Fit-8 ta’ Frar 1575 ġie l-Imqabba Mons. Dusina li żar it-tmien knejjes li kien hawn dak iż-żmien. F’dan iż-żmien kien diġà hemm l-idea li l-Imqabba għandha ssir parroċċa. Infatti Mons. Gargallo fl-1598, għamel parroċċa l-knisja tal-Imqabba bil-kappillan ikun Dun Gwann Mizzi. Fil-vista ta’ Mons. Tommasu Gargallo, però meta kien Kappillan Dun Pietru Pace, twaqqfet il-Konfraternità tar-Rużarju. F’dan iż-żmien l-Imqabba kienet tikkonsisti f’130 dar li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu qrib il-knisja ta’ San Bażilju. Issa għalkemm fl-istorja ta’ Dun L. Zammit ma semmix kif kienu mqassmin il-fratelli li saru fis-7 ta’ Frar 1575, dawn kollha kienu mill-irħula li kienu jaqgħu taħt Bir Miftuħ. Dawn kienu mqassmin hekk: 5 mill-Gudja, 3 minn Ħal Kirkop, 3 mill-Imqabba, 2 minn Ħal Safi u 1 minn Ħal Farruġ, għal total ta’ 14-il fratell li kif diġà għidna saru minn Mons. Dusina fis-7 ta’ Frar 1575. Dawn bdew iħajru oħrajn tant li l-Imqabba kienu żdiedu numru sabiħ ta’ fratelli tas-Sagrament u għalhekk fl-1600 diġà kienet tiffunzjona sew din il-fratellanza. Skond l-istoriku Dun L. Zammit, din il-fratellanza ma kelliex l-approvazzjoni sħiħa tal-Isqof u ma kellhiex indulġenzi preskritti. Meta ġie Mons. Cagliares li għamel vista fis-6 ta’ Ġunju 1621, ordna lill-Kappillan Dun Pietru Pace u lil Andrea Schembri, prokuratur tal-imsemmija Konfraternità, li jgħidu mill-aktar fis lill-Isqof biex din il-fratellanza jżejjinha bl-indulġenzi u jagredawha ma’ dik ta’ Santa Marija ta’ Ruma. U ordna l-istess lill-Konfraternità tar-Rużarju li din ġiet imwaqqfa fil-parroċċa ta’ San Bażilju. Fis-sena 1634 kienet magħquda wkoll ma’ dik ta’ Santa Marija ta’ Ruma. Wara din ir-riċerka li bdejt qabel l-1970 irrikorrejt lejn Dun Nikol Aquilina mis-Siġġiewi li kien intiż ħafna f’dan ir-rigward u qalli li Mons. Cagliares ried li peress li fl-Imqabba diġà kien hemm devozzjoni kbira, kif għidna qabel, lejn Ġesù fl-Ewkaristija, u fl-istess żmien kienet qed tinxtered id-devozzjoni lejn Marija Assunta, allura kien xieraq li tiġi mogħnija b’indulġenzi kbar u magħquda ma’ dik ta’ Santa Marija ta’ Ruma. Tant li fil-festi prima klassi, riedu jitwaħħlu mal-bieb tal-knisja, inkwadru bl-indulġenzi kif preskritti.

 

Riċerka oħra li għamilt mal-Professur Andrew Vella O.P., sibna li Ruma hemm imniżżla d-data tal-1600 fit-twaqqif tal-Konfraternità tas-Santissmu Sagrament u msemmi wkoll Dun Pietru Pace bħala kappillan u Andrew Schembri bħala Prokuratur u li din il-Konfraternità qed tiffunzjona fil-parroċċa tal-Imqabba. Aktar tard erġajt iltqajt mal-Professur Andrew Vella biex inkomplu fejn ħallejna, jiġifieri biex insibu x’kienet ir-raġuni għaliex saret il-fratellanza. Il-verità kienet li dawk li ġew approvati fratelli f’Bir Miftuħ, biż-żmien saru retturi u allura kellhom il-fakultà li jkabbru l-fratellanza. Mill-bqija kif qalilna Dun Nikol Aquilina, tana spjegazzjoni tajba għaliex dan jirriżulta wkoll li diġà kien hemm il-ħsieb li l-Beata Marija Assunta ssir parroċċa tal-Imqabba.

 

statwa03