L-Istorja tal-Banda Re Ġorġ V, Mqabba

 

Fl-1939 is-Soċjetà bdiet tħaddan l-arti mużikali meta Giuseppe Galea, mużiċista tajjeb membru tal-każin, beda jgħallem il-mużika biex hekk kif għaddiet il-gwerra, eżattament fl-1945, waqqaf l-Orkestra Santa Marija. L-ewwel Programm Mużikali tal-orkestra sar nhar it-12 ta’ Awwissu 1945 taħt id-direzzjoni ta’ Mro Espedito Deguara.

 

Orkestra

 

Nhar l-20 ta’ Ottubru 1946, waqt seduta ġenerali, il-membri qablu li l-orkestra għandha tinbidel f’banda. F’perjodu qasir ta’ tliet xhur, il-membri tal-Orkestra Santa Marija biddlu l-istrumenti tagħom minn dawk orkestrali għal dawk bandistiċi biex b’hekk nhar Ħadd il-Palm tal-1947, eżattament fid-29 ta’ Marzu, il-Banda Re Ġorġ V għamlet l-ewwel Programm Mużikali tagħha taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph M. Barbara. Minn meta twaqqfet, il-Banda Re Ġorġ V kellha bħala surmastrijiet, diretturi, u oħrajn, lil Mro Leonard Spiteri (1951-1956), Mro George Martin (1956-1991) u Mro Anthony Camilleri (1991-1997).

 

Is-surmast direttur attwali tal-banda huwa Mro David Agius li ilu jokkupa l-kariga minn Marzu tal-1997. F’Ottubru 2018, il-Kumitat Eżekuttiv flimkien mal-Kummissjoni Banda ħatru lil Mro René Camilleri bħala Assistent Surmast direttur tal-Banda.

 

Okkażjonijiet speċjali li baqgħu mniżżlin b’ittri tad-deheb fl-istorja tas-Soċjetà kienu l-Proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunzjoni (1950); iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali f’għeluq il-50, 75 u 100 Sena mit-Twaqqif tas-Soċjetà (1960, 1985 u 2010); għeluq il-50 Sena mill-Miġja tal-Konvoj ta’ Santa Marija (1992); għeluq il-50 Sena mit-Twaqqif tal-Banda (1947); għeluq l-400 Sena mit-Twaqqif tal-Parroċċa (1998); ir-rebħ tal-unur Les Étoiles d’Or du Jumelage (1998) u għeluq il-50 Sena mill-Proklamazzjoni tad-Domma (2000). Bejn is-snin 1996 u 2001 is-Soċjetà fetħet orizzonti ġodda internazzjonali permezz ta’ għadd ta’ kuntatti u skambji ma’ baned minn pajjiżi differenti. Dawn l-iskambji wasslu għall-ġemellaġġ storiku li l-Banda Re Ġorġ V għandha mal-Corpo Bandistico di Santa Vittoria in Matenano, għaż-żjara tal-banda fl-Italja (1996), u sabiex għadd ta’ baned barranin iżuru r-raħal tal-Imqabba għall-festa ta’ Santa Marija.

Banda GemellaggBanda Tejatru Banda Group Banda Plancier