Leonard Farrugia

 

Leonard FarrugiaLeonard Farrugia bla dubju jibqa’ mfakkar fi ħdan is-Soċjetà tagħna bħala wieħed mill-pijuniera ewlenin li ħadem bla heda sabiex is-Soċjetà tagħna tibqa miexja ‘l quddiem fil-qasam mużikali. Nardu, kif kien l-aktar magħruf magħna, serva bħala bandist tista tgħid sa mill-ewwel snin tal-banda, u baqa sa ftit żmien qabel ħalliena. Żgur li Nardu ma waqafx idoqq għax ried hu. Ċertament kienet saħħtu li waqqfitu. Dan kienet tixhdu l-bixra mdejjqa ta’ wiċċu kull meta kien jisma l-banda waqt il-kunċert u hu ma setax idoqq. Nardu kien ukoll Assistent Surmast tal-Banda Re Ġorġ V, u mexxa għal ħafna snin l-iskola tal-mużika tas-Soċjetà tagħna.

 

Leonard twieled nhar is-26 ta’ Lulju 1931 u kien iben Joseph u Marija Regina, xebba Scicluna. Iżżewweġ lil martu Mansi nhar is-6 ta’ Novembru 1956. Kellhom erba’ t’itfal: Joseph, Gina, Mario u Susan. Ħadem għal aktar minn 30 sena mad-Dipartiment tal-Posta. Kien raġel iddedikat ferm lejn il-familja tant li kien lest jagħmel kull sagrifiċċju meħtieġ. Wara ġurnata xogħol il-posta, kont tarah jibqa’ sejjer ikompli jaħdem xi xogħol fil-ġebel u mbagħad filgħaxija jmur idoqq f’xi tieġ.

 

Tgħallem idoqq il-kurunetta l-Ħamrun għand Mro Twanny Chircop, li jiġi ħu t-tenur ta’ fama mondjali, Oreste. Matul il-karriera mużikali tiegħu tista’ tgħid li daqq mal-baned kollha Maltin. Kien ukoll imfittex biex idoqq mal-orkestra fil-knejjes. Fil-Ġimgħa l-Kbira, ġeneralment kien idoqq ġewwa Ħal Għaxaq u ż-Żejtun. Jiem ta’ mpenn mużikali għal Nardu kienu jkunu żgur dawk tal-Karnival. Allegra wkoll ħafna nies waqt għadd ta’ tiġijiet, flimkien mal-orkestri ta’ Jimmy Dowling u Julio Tanti. Pero l-aktar għall-qalb Nardu kienet bla dubju l-Banda Re Ġorġ V u warajha l-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq, fejn għamel ħafna snin idoqq Kurunetta Solista. Il-mużika kien jeħodha b’serjetà kbira. Daqq saħansitra barra minn Malta, ġewwa l-Awstralja fost l-emigranti Maltin. L-arti u l-mużika kienu ġo qalb Nardu.

 

Fi ħdan is-Soċjetà tista’ tgħid involva ruħu f’kull qasam. Kien fil-kumitat fejn serva anke bħala President u aktar tard President Onorarju. Fiż-żogħżija tiegħu kien membru tal-Għaqda tan-Nar. Kien ukoll jagħmel parti attiva mal-grupp teatrali Aurora. Min jaf kemm daqq il-kurunetta waqt it-teatrin u min jaf kemm organizza kompetizzjonijiet tal-kant ġewwa s-sala prinċipali tal-każin.

 

Pero l-aktar ħaġa għall-qalbu fis-Soċjetà kienet bla dubju l-Banda: t-tieni familja tiegħu kienet tista’ tgħid li hi l-Banda. Nardu regolarment kien jisħaq li: “Il-Każin huwa tal-Banda. Għalhekk fil-Każin il-mużika għandu jkollha l-ewwel prijorità. Il-Banda għandha tkun is-Sinsla tas-Soċjetà “. Nardu sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu kien jemmen li: “Jekk għandek għal qalbek il-ġid tas-Soċjetà ridt tibni pedament sod għall-Banda, permezz tat-tagħlim kontinwu u r-rispett tal-bandisti tal-post”. Kien spiss jgħid: “Daqs kemm iħoss bandist tal-post għall-banda tiegħu, ma jista’ jħoss l-ebda bandist ieħor li jkun qed jiġi maqlugħ bil-flus”. Nardu kien jaf dan mill-esperjenza tiegħu mal-baned. Bandist tal-post mgħallem sew mużikalment iżda li jkollu fil-vini tiegħu jiġri d-demm ta’ Mqabbi ġej minn familja li dejjem kienet qrib il-każin u l-festa ta’ Santa Marija tagħmel id-differenza kollha. Nardu dejjem saħaq li l-banda tkun mibnija madwar l-element Imqabbi. Fit-trufijiet dejjem ried li jkun hemm bandisti Mqabbin!!

 

Nardu ħadem ħafna biex il-banda tibqa ħajja b’mod speċjali wara li ħafna mill-bandisti emigraw fis-snin sittin. Kien jemmen ħafna fit-tagħlim u nistgħu ngħidu li fis-Soċjetà żera ċertu mħabba u fl-istess ħin dixxiplina sabiex dak kollu li għandu x’jaqsam mal-banda jittieħed bl-akbar serjetà. Minbarra dan, kellu wkoll pinna mużikali tajba u l-melodiji li kien juża fil-marċi li kkompona kienu tiegħu biss! Jekk l-Innu Marċ “Marija Assunta” huwa t-timbru ta’ Nardu bħala kompożitur tal-marċi tal-widna, il-marċ Funebri tiegħu “Tislima” juri s-sensittività mużikali kbira li kellu.

 

Nardu baqa’ jħobb il-banda sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Minħabba saħħtu kellu kontra qalbu jieqaf idoqq. Pero xorta waħda baqa’ jinżel il-każin għall-kunċert. Ma kienx joqgħod mingħajr ma’ jara kif inhi sejra l-banda. Kien ħa gost ħafna meta sar jaf li l-banda kienet ser issiefer l-Italja. Ma kellux ix-xorti li jakkumpanjana l-Italja għax miet ftit xhur biss qabel morna ndoqqu l-Italja. Kien ikun żgur sodisfazzjon kbir għal Nardu kieku kellu jara l-banda tagħmel dak is-suċċess kbir internazzjonali f’Lulju tal-1996. Min jaf kemm kien jifraħ, u bir-raġun jitkabbar, li kieku fl-1998 kien għadu magħna meta primarjament bis-saħħa tal-banda li hu tant ħabb, is-Soċjetà tagħna kisbet l-unur prestiġġjuż u uniku, Les Étoiles d’Or du Jumelage. Mhux ta’ b’xejn li t-tifkiriet ta’ dan l-unur illum jinsabu ġewwa l-każin fis-sala tal-kunċerti tal-banda, merfugħa ħdejn il-kurunetta li Nardu daqq għal ħafna snin mal-Banda Re Ġorġ V.

 

Ħajr għall-informazzjoni: Sinjura Mansi Farrugia (mart Nardu) kif ukoll Ing. Mro Anthony Camilleri.