L-Imqabba

 

L-Oriġini tal-Kelma ‘Mqabba’

 

mqbTista’ tgħid li kull min kiteb biex jagħti tifsir ta’ isem dan ir-raħal prova jkun oriġinali billi qal xi ħaġa li ma qalha ħadd qabel. Hemm min qal li Mqabba hi ġejja minn ‘imħabba’. L-avukat Bellanti, meta ċċita lit-tabib G. Micallef, seta’ qorob aktar lejn is-sewwa meta qal li Mqabba ġejja mill-verb ‘qabb’ (taqta’ ġebla) u allura b’xi mod jasal għall-konklużjoni, forsi xejn ġusta, li n-nom huwa ‘Mqabba’ (barriera). Dan jista’ jkun tassew minnu għaliex ir-raħal kien sa minn ħafna żmien ilu ċ-ċentru tal-barrieri f’Malta. Oħrajn ippruvaw jgħidu li isem dan ir-raħal hu ġej mill-kelma semitika ‘Micabba’ li tfisser għatu moħfi. Kittieb ieħor li qal li hi kelma Għarbija huwa l-Konti Ciantar li kiteb bejn l-1772 u l-1780. Dan qal li Mqabba ma tfisser xejn ħlief una copletta jew aħjar vażett li jservi biex jgħatti. Dan qisu jikkonfermah il-Professur Guzè Aquilina għaliex minn sejbiet arkeoloġiċi jidher biċ-ċar li f’dawn l-inħawi kien hemm xi kolonja ta’ nies li difnet il-mejtin tagħha f’oqbra għamla ta’ ċelel bħal tal-Feniċi. Issa jekk dan hu minnu, n-nies tal-Orjent iħobbu jibnu l-bini tagħhom bħall-koppla. Dan għadu jidher sal-lum fl-ibliet Għarab.

 

L-arma tal-Imqabba tikkonsisti f’faxx djagonali ta’ lewn il-fidda fuq sfond aħmar, filwaqt li l-motto tar-raħal huwa Non Nisi per Ardua li jfisser ‘Biss bil-Ħila’. L-Imqabba tiġbor fiha madwar 850 familja u bħala popolazzjoni tqarreb it-3,000 ruħ.

storjamqabba04storjamqabba02DSC_5715barriera1 barriera2 barriera3

 

Ir-Rollo tal-Isqof De Mello

 

Bla ebda dubju wieħed mid-dokumenti l-aktar interessanti fl-istorja tal-knisja f’Malta huwa ‘l hekk imsejjaħ Quinterniolus pro Concordia Taxarum, jew aħjar ir-Rollo tal-1436. Dan huwa ġabra ta’ benefiċċji li kellha f’dawk iż-żminijiet il-knisja Maltija u min kien igawdi minnhom. Kien ġie ordnat mill-Isqof Senatore de Mello permezz ta’ erba’ kanonċi tal-Katidral sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni twila bejn il-kleru f’Malta u dak ta’ Għawdex dwar it-taxxi ekkleżjastiċi li wieħed kellu jħallas. Il-benefiċjarji msemmija f’din il-ġabra kienu: arċidjakni, dekan, kantur, teżorier, tnax-il kanonku tal-Katidral tal-Imdina, tlettax-il presbiteru, u żewġ benefiċjarji. Ir-Rollo jagħti lista ta’ 144 benefiċċju, fosthom id-dħul minn tnax-il kappella li kienu: lu Zurrico, Zebbug, Bir Miftuh (Gudja), San Catharina (Zejtun), Mellecha, lu Naxaru, Bircircara, Rahal Curmi, Santa Dominica (Dingli), lu Burgu, Sigeui u San Paolo di fora (Rabat). Sa dan iż-żmien l-Imqabba, bħall-irħula oħra żgħar ħdejha, kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ (Gudja).

 

L-Imqabba ssir Parroċċa

 

Fl-1575 il-poplu tal-Imqabba ressaq it-talbiet tiegħu biex jinqata’ f’parroċċa għalih quddiem il-viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina, iżda t-talba ma ntlaqgħetx. Ġara li fl-1592, wara l-mewt tal-kappillan ta’ Bir Miftuħ Dun Bertu Mangion, l-Isqof Tumas Gargallo, preċiżament fid-29 ta’ Mejju, fired mill-matriċi ta’ Bir Miftuħ il-knisja ta’ Ħal Kirkop taħt it-titlu ta’ San Ġakbu. Hawn hekk ittellgħet knisja ġdida li ġabret magħha l-irħula ta’ Ħal Safi u l-Imqabba. X’aktarx li t-talb tal-abitanti ma waqafx għaliex nhar il-15 ta’ Settembru 1598, l-imsemmi Gargallo fired mill-ġdid iż-żewġ irħula mill-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop u waqqafhom f’żewġ parroċċi għalihom.

 

Il-Parroċċa tal-Imqabba ġiet imwaqqfa taħt it-titlu tal-Assunzjoni tal-Madonna, u hawn ta’ min jgħid kelma dwar kif taħsibha l-liġi tal-knisja rigward it-titular tal-parroċċi. Mis-seklu seba’ l-liġijiet tal-knisja bdew jinsistu li t-titular għandu jġib biss l-isem ta’ qaddis jew ta’ Misteru tal-Fidi u mhux aktar tal-fundatur jew donatur tal-post bħalma kien il-każ fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu u anke qabel, skont l-użanza pagana. L-idea tal-qaddis padrun kompliet tissaħħaħ u ċ-ċelebrazzjonijiet inbidlu f’manifestazzjonijiet kbar ċivili f’okkażjonijiet ta’ laqgħat u swieq pubbliċi. L-offerti lil xi knisja bdew jitqiesu daqs kieku mogħtija lill-padrun bħal ħwejjeġ imħarsa minnu u kull vjolazzjoni tal-ġid tal-knisja kienet titqies daqs li kieku att kontra l-qaddis protettur. Skond il-liġi tal-knisja kull knisja kkonsagrata, kull altar u kull oratorju jrid ikollu ‘titolu’ ta’ xi qaddis, misteru tal-Fidi, tal-anġli jew tal-Madonna. Titolu ta’ knisja ġeneralment ikun stabbilit mill-isqof li jbierek il-knisja, fuq proposta tal-poplu tal-lokal jew ta’ min jieħu ħsieb dik il-knisja. Skond ir-ritwal Ruman isem il-qaddis jew il-Madonna jiġi msejjaħ fit-tberik tal-ewwel ġebla, jingħad mal-litanija tal-qaddisin u fl-orazzjonijiet tal-Konsagrazzjoni tal-istess tempju, u jitniżżel bil-kitba fil-parċmina li tindifen fl-altar maġġur. Il-qaddis titulari jrid ikun wieħed li ismu jidher almenu fil-kalendarju tal-lokal.