Is-Saint Mary Pool Team

 

Is-Saint Mary Pool Team huwa tim ġdid fil-logħba tal-pool li jirrappreżenta lis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Beda jiffunzjona uffiċjalment fis-17 ta’ Ottubru 2012. It-tim huwa kompost mill-membri Fausto Barbara, Twanny Briffa, Mario Darmanin, Victor Debono, Tonio Debono, Alex Falzon, Chris Galea, Reuben Farrugia, Jurgen Farrugia, Maverick Farrugia u Bevill Ghigo.

 

Id-debutt ta’ dan it-tim kien wieħed tajjeb meta bdejna b’rebħa sodisfaċenti kontra s-Siġġiewi f’logħba ta’ ħbiberija. Wara ntlagħbu aktar logħbiet ta’ ħbiberija qabel ma dan it-tim irreġistra fil-Malta Pool Association biex seta’ jieħu sehem fil-Kampjonat Nazzjonali b’logħbiet kompetittivi f’knock-outs u f’tournaments organizzati u aktar iebsin.

 

Il-logħob kompetittiv beda fis-6 u d-9 ta’ Novembru 2012 meta it-tim tagħna ġie eliminat mill-Malta Sightseeing Tours Knock-Out Competition fil-kwarti tal-finali kontra Zunaru Żejtun Band Club bl-iskor ta’ 7-19. Xahar wara, it-tim ipparteċipa fit-Tazza tal-Milied 2012, fejn tilef fl-ewwel rawnd 19-10 kontra Splendid Bar. Dawn il-logħbiet intlagħbu fit-3 u l-4 ta’ Diċembru. Il-bidu kien iebes għat-tim tagħna iżda aktar ma beda jgħaddi ż-żmien il-plejers bdew juru l-kapaċitajiet tagħhom f’dan l-isport. Fit-18 ta’ Marzu 2013 it-tim ħa sehem fl-Easter Tournament Cup iżda naqas milli javvanza għat-tieni rawnd fejn tilef fil-Klabb tal-Boċċi tal-Isla kontra St.Georges Boċċi Club bl-iskor ta’ 10-6.

 

Bħala parteċipant għall-ewwel darba fl-istorja tal-pool, it-tim tagħna kellu jibda mill-qiegħ nett u b’hekk fl-istaġun 2012/13 ħa sehem fit-Tielet Diviżjoni tal-Kampjonat Malti. Fl-ewwel logħba tal-league li saret fit-2 ta’ Jannar bdejna b’telfa ta’ 10-2 kontra Constitution Bar. Minn hawn il-plejers bdew irabbu l-fiduċja u l-attendenza fil-partitarji li kienu jiżdiedu partita wara l-oħra bdiet timliehom b’aktar kuraġġ u bdejna naraw titjib konsiderevoli minn partita għal oħra. Hawn it-tim irnexxielu jġib 12-il rebħa, f’logħba oħra ġie draw u tilef ħames logħbiet. Dawn ir-riżultati waslu lit-tim tagħna fis-semifinali kontra Ħamrun Liberty bħala r-rebbieħa mill-play-off. Wara logħba kumbattuta t-tim ta’ Santa Marija ħareġ rebbieħ 19-15. Din ir-rebħa tat id-dritt sabiex it-tim tagħna jkun jista’ jikkompeti fil-finali għal darb’oħra kontra Constitution Bar ta’ Ħaż-Żebbuġ li ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 19-12. Dan it-tim temm il-kampjonat b’punti massimi (54 punt), segwit fit-tieni post mit-tim tagħna b’37 punt fil-Logographic Third Division League minn total ta’ 18-il logħba. B’hekk it-tim tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V spiċċa l-kampjonat bħala Runner Up u ġab suċċess ieħor lejn il-każin tagħna. B’dan l-unur il-plejers tagħna f’dan l-istaġun 2013/14 qegħdin jieħdu sehem fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni wara li t-tim kiseb il-promozzjoni.

 

Minħabba li ntwera interess qawwi fil-logħba tal-pool, inħasset il-ħtieġa li jiġi ffurmat it-tieni tim. B’hekk f’dan l-istaġun 2013/14 insibu liż-żewġ timijiet li qegħdin jikkompetu fil-Kampjonati Nazzjonali tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni rispettivament.  Fuq inizjattiva tal-istess timijiet u bl-appoġġ tal-Kumitat Eżekuttiv, il-każin ġie mgħammar bit-tieni mejda tal-pool.

 

Minn hawn nifirħu lill-players kollha għas-suċċess miksub waqt li nawgurawlhom minn issa għall-istaġuni fil-futur.