David Morris – ‘Whistling World Champion’ mill-Ingilterra 2006

 

2006davidmorris01Il-programm annwali tal-10 ta’ Awwissu li l-Banda Re Ġorġ V tagħmel fl-okkażjoni tal-festa, fis-sena 2006 kellu xejra kemmxejn differenti mis-soltu u kien bla dubju wieħed oriġinali għall-aħħar. Dan mhux biss minħabba li kien hemm parteċipazzjoni internazzjonali flimkien mal-banda, iżda wkoll minħabba li ġiet ippreżentata novità ġdida li x’aktarx qatt ma saret s’issa fi programm mużikali ta’ banda hawn Malta. Flimkien mal-banda kellna personalità mir-Renju Unit li la daqq xi strument partikolari u lanqas kanta xi arja minn xi opra ……. Minflok akkumpanja l-melodija tal-banda billi saffar!!

 

David Morris twieled ġewwa Dobcross, provinċja ta’ Saddleworth fin-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra fil-25 ta’ Marzu 1950. Beda jdoqq Cornet fl-età ta’ 13-il sena u baqa’ miexi ‘l quddiem sakemm fl-1975 sar Cornet Champion tar-Renju Unit. Matul il-karriera mużikali tiegħu bħala strumentalista daqq mal-wisq popolari Kings of Brass & Virtuosi Brass of Great Britain. Kien ukoll direttur ma’ għadd ta’ Brass Bands min-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra fejn wassalhom sa National Finals u Championships.

 

Pero’ qabel ma’ David beda jdoqq il-Cornet ġewwa Saddleworth fejn għex tul ħajtu kollha, kellu jkun it-tisfir tiegħu li ġibed l-attenzjoni tal-għalliem tal-mużika tiegħu. Innoċentament isaffar fuq wara tal-karozza, David ma kellu l-ebda idea ta’ dak li nnota l-għalliem tiegħu – Kellu intonazzjoni perfetta u stil uniku.

 

Bl-esperjenza tiegħu fil-Brass Bands u permezz tat-teknika li kien juża biex idoqq l-istrument tiegħu, David żviluppa wkoll it-teknika fit-tisfir biex aktar tard fil-karriera mużikali tiegħu beda jiġi nnutat u mistieden sabiex isaffar xi biċċa ‘l hemm u ‘l hawn waqt xi festini privati, sakemm ġie pperswadut jirrekordja l-ewwel CD tiegħu “Whistling Down the Wind”, kollezzjoni ta’ Ballads antiki Ingliżi, biċċiet popolari għall-Brass Band, u xi Arjiet minn opri magħrufin. Kollox akkumpanjat minn Brass Band.

 

F’April tal-2003 David Morris ġie mistieden ġewwa l-Istati Uniti sabiex jipparteċipa fil-World Whistling Championship li jsir kull sena ġewwa Louisburg, North Carolina. Dan hu avveniment internazzjonali li ilu jsir għal dawn l-aħħar 30 sena, li jlaqqa’ flimkien l-aħjar whistlers tad-dinja. Isir fuq temp ta’ jumejn ġewwa l-auditorium ta’ Louisburg. Il-parteċipanti jridu jikkompetu f’żewġ kategoriji, waħda klassika u l-oħra popolari. Seba’ finalisti jiġu magħżula mill-ewwel round u r-rebbieħ overall jiġi dikjarat International Grand Whistler Champion tad-dinja. Dan l-avveniment jiġi trasmess saħansitra madwar l-Amerika kollha permezz ta’ CBS Television. Fl-2003 David Morris irnexxielu jirbaħ dan it-titlu u jieħu miegħu it-trofew prestiġġjuż lejn Dobcross. Kien wara dan is-suċċess li David irrekordja t-tieni CD tiegħu “David Morris presents -World Champion Whistling”.

 

Wara s-suċċess ġewwa l-Amerika u wara s-suċċess kbir li kisbu ż-żewġ CDs li ħareġ, illum il-ħajja professjonali ta’ David Morris hija kollha ddedikata lill-mużika. Jiġi mistieden f’ħafna okkażjonijiet sabiex jagħti performances. Żar erba’ darbiet oħra l-Istati Uniti u riċentament kien mistieden ġewwa New Zealand. Deher ukoll f’ħafna shows televiżivi fosthom fuq BBC u ITV. Apparti dan David huwa wkoll mfittex ħafna bħala Brass Tutor kemm minn skejjel, kif ukoll minn studenti li jkunu jixtiequ javvanzaw fl-istudji mużikali tagħhom.

 

Messaġġ minn David Morris

 

“Huwa diffiċli ngħid x’kien il-fattur ewlieni biex qbadt karriera professjonali fil-mużika, jekk hux bit-tisfir jew inkella bid-daqq tal-Cornet! Meta kont għadni tifel, bit-tisfir ġbidt l-attenzjoni ta’ George Gibson, Brass Tutor magħruf ġewwa Saddleworth. Id-daqq tal-istrument għinni ħafna sabiex niżviluppa aktar it-teknika, l-espressjoni u l-ħoss fit-tisfir.

 

Riżultat ta’ dawn iż-żewġ fatturi marbutin flimkien, kienet ħaġa naturali li jien nagħżel Brass Band sabiex takkumpanjani fir-recordings tal-ewwel CDs tiegħi. Il-banda li akkumpanjatni f’dawn l-okkażjonijiet kienet il-Boarshurst Brass Band, l-ewwel banda tiegħi, u dik il-banda li flimkien magħha wasalt kemm-il darba biex nieħu sehem fil-Brass Band National Finals, kemm bħala mużiċist u kemm bħala direttur.

 

L-għan tiegħi huwa li nkompli niġi rikonoxxut bħala wieħed mill-aħjar Whistlers tad-Dinja u nixtieq nirringrazzjakom talli tajtuni din l-opportunità biex naqsam it-talenti tiegħi magħkom ġewwa pajjiż ġdid. Marti Helen u jien ninsabu ħerqana ħafna sabiex inżuru Malta għall-ewwel darba. Ninsab ċert li ser ikollna esperjenza sabiħa ħafna. Narakom.”

 

Messaġġ ieħor minn David Morris wara l-esperjenza tiegħu fl-Imqabba

 

“Nixtieq nirringrazzja lil Alfred Galea u lill-organizzaturi tal-festa Santa Marija Mqabba 2006, talli għoġobhom jistednuni nidher flimkien mal-Banda Re Ġorġ V. Kienet esperjenza tant sabiħa! Grazzi anke lis-Surmast David Agius għax-xogħol siewi li wettaq sabiex jipprepara l-banda fis-siltiet tiegħi. Verament nispera li għall-futur terġgħu tistednuni mill-ġdid.”

 

David Morris
World’s Top Whistler

2006davidmorris02