Mro Espedito Deguara A.L.C.M

 

Espedito DeguaraEspedito Deguara twieled iż-Żejtun fis-26 ta’ Lulju tal-1904 iben Salvu, mużiċista, u Marija xebba Vella. Ġie mgħammed fit-28 ta’ Lulju u mogħti l-ismijiet ta’ Espedito, Frangisku u Karmenu. It-tieni wild fost tmien aħwa u kien imur l-Iskola Primarja taż-Żejtun. Wara kompla jistudja fil-Kulleġġ tal-Freres f’Bormla. Meta kien għadu żgħir, Espedito wera mill-ewwel x’kienet sejra tkun il-karriera tiegħu, u fl-1919 huwa beda jitgħallem il-klarinett mingħand missieru stess. Studja wkoll il-kurunetta u kompla jitħarreġ taħt is-Surmast Guzè Cassar, li dak iż-żmien kien Direttur tal-Orkestra Santa Katarina taż-Żejtun. Fil-fatt kien hu li nkuraġġieh biex jagħmel kors tal-armonija, kompożizzjoni u kontrapunt. Fis-sena 1919, beda kors ta’ apprentist bħala engine fitter fid-Dockyard. Fis-sena 1927 daħal bħala impjegat mar-Royal Air Force fejn dam sas-sena 1932. Wara kompla fl-istess xogħol mal-Air Ministry minn fejn irtira fis-sena 1964.

 

Fl-10 ta’ Novembru tas-sena 1931, Espedito żżewweġ lil Marija Speranza Palmier u kellhom tifel wieħed Joseph. Wara li fis-sena 1933, miet is-Surmast Guzè Cassar, Espedito ġie maħtur bħala Direttur tal-Orkestra Santa Katarina taż-Żejtun fejn baqa’ sas-sena 1948. Taħt id-direzzjoni tiegħu, l-Orkestra Santa Katarina kienet tesegwixxi programmi operistiċi u sinfoniċi fil-pjazez ta’ xi rħula u servizzi reliġjużi fil-Parroċċa ta’ Santa Katarina taż-Żejtun kif ukoll fi knejjes oħra. Barra mill-kompożizzjoni, is-Surmast Deguara tgħallem il-pjanuforti għand is-Surmast Carmelo Pace u fis-sena 1940 ħa d-diploma ta’ A.(Mus.)L.CM. minn taħt idejh.

 

Fis-6 ta’ Marzu tal-1943, Espedito ġarrab il-mewt ta’ martu Marija Esperanza. Fis-sena 1944, is-Surmast Deguara ġie maħtur Direttur tal-Orkestra Santa Katarina taż-Żurrieq wara r-riżenja tas-Surmast Ferdinandu Falzon, u fl-1945 huwa kien strumentali fit-twaqqif tal-Orkestra Santa Marija fil-Każin tal-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba flimkien ma’ Charles Schembri L.R.C.M., Antonio Mamo L.R.C.M. u l-Professur Pawlu Carabott. Fid-9 ta’ Frar tal-1947, is-Surmast Deguara żżewweġ lil Fortunata Micallef u minn dan it-tieni żwieġ kellhom żewġt itfal, Salvinu u Doris. Is-Surmast Deguara kien awtur ta’ bosta mużika sagra għall-vuċijiet u l-orgni, għall-vuċijiet u l-orkestra, fosthom innijiet, sitt Tantum Ergos, Salve Regina, Te Deum, Miserere, diversi Għosrien, Responsorji għall-Matutin tal-festa ta’ Santa Katarina, u ħames Antifoni. Kiteb ukoll disa’ Responsorji għall-Ġimgħa l-Kbira; erba’ minnhom huma: ‘Piange’, ‘Astiterunt’, ‘Jerusalem’ u ‘Sepulto Domino’. Ikkompona wkoll Innu Marċ ‘Santa Katarina’ fuq versi miktuba minnu stess. Fis-16 ta’ Ottubru tal-1978, mietet it-tieni mara tiegħu, Fortunata. Mro Espedito Deguara miet nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Jannar tal-1994 fid-dar tiegħu ġewwa Ħal Luqa fl-età ta’ 89 sena.

 

Referenzi: Programm Festa 1994 Banda Santa Katarina, Żurrieq – Kitba tas-Sur Karmenu Zerafa. Programm Festa Santa Marija 1995, Mqabba, paġna 113 – Kitba tas-Sur Joseph Farrugia.