The First Malta International Fireworks Festival – 2006

 

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieni anniversarju minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Piroteknika ta’ Malta, organizzat il-Ħames Edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tan-Nar ta’ Malta bejn id-29 u 30 ta’ April 2006.

 

Għall-ewwel darba fil-festival ġiet introdotta sistema ta’ kompetizzjoni fejn ħames parteċipanti, tliet għaqdiet Maltin u tnejn barranin offrew spettakli ta’ nar sinkronizzati mal-mużika għal madwar għaxar minuti sħaħ. L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba kienet waħda minn dawn il-parteċipanti li żgur li l-ispettaklu li offriet kien uniku u oriġinali. Dan jista’ jixħdu kull min kien preżenti. It-tema magħżula kienet ‘Dancing Stars over the Water’ fejn assistejna għal diversi tipi ta’ logħob tan-nar oriġinali sinkronizzat ma’ tlett siltiet mużikali: Sinfonija Nru. 5 ta’ Ludvig van Beethoven, arranġament orkestrali minn xogħolijiet ta’ John Williams b’temi mill-films Star Wars, E.T. The Extra Terrestial u tema mużikali mill-Olympic Fanfare. It-tielet silta mużikali kienet dik ta’ Radetzky March ta’ Johann Strauss.

 

L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba offriet spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika fosthom beraq, beraq li ma jidhirx, bebbux, blalen, ċentrijiet, bombi tal-lampjun, kurċetti, raxx u disinni bħal qlub, uċuh, stilel, trijangli ġo ċrieki kif ukoll slaleb tal-kavallieri. Innovazzjoni ġdida kienet il-kelma MALTA ffurmata permezz ta’ żbruffaturi li ntlaqet b’ċapċip kbir minn dawk preżenti. L-Għaqda fil-fatt rebħet l-unuri bħala l-aħjar spettaklu sinkronizzat mal-mużika, l-aħjar korjografija kif ukoll dak tal-oriġinalita’. B’hekk l-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba rebħet l-ewwel unur ta’ dan l-ewwel Festival Internazzjonali ta’ Malta 2006 bħala l-overall winner.

 

Dan l-unur ikompli jimla’ lil din l-għaqda b’kuraġġ kbir sabiex tkompli taħdem u turi t-talenti u l-ħila tagħha. Żgur li nies bħal dawn, li b’mod volontarju jaħdmu tul is-sena kollha, jixirqilhom kull tifħir.

 

 

 Filmati