Mro Anthony Camilleri L. (Mus.) V.C.M. (Hons.), A. (Mus.) L.S.M.

 

Anthony CamilleriIng. Mro Anthony Camilleri, B.Mech.Eng.(Hons), F.V.C.M.(Hons), L.Mus.V.C.M.(Hons), A.Mus.L.S.M, iben Nikol Camilleri mis-Siġġiewi u Gwakkina née Zammit mill-Imqabba, twieled l-Imqabba nhar it-8 ta’ Frar 1965. Huwa rċieva l-edukazzjoni ġenerali tiegħu fl-iskola Primarja tal-Imqabba u fil-Kulleġġ tal-Karmnu ta’ Santa Venera. Wara sentejn fil-Liċeo l-ġdid tal-Imsida, fl-1984 daħal l-Università ta’ Malta minn fejn, wara kors ta’ ħames snin, kiseb bl-unuri l-Baċellerat fl-Inġinerija Mekkanika (B.Mech.Eng.(Hons)). Wara li ngħata l-warrant biex jeżerċità din il-professjoni tiegħu, huwa ngħaqqad mas-Servizz Pubbliku fejn għadu jservi sal-lum. Huwa miżżewweġ lil Louise née Camilleri miż-Żurrieq, għandu żewġt itfal – Elaine u René – u joqgħod l-Imqabba.

 

Il-kbir fost tliet aħwa, huwa beda jieħu l-ewwel taħriġ mużikali tiegħu ta’ erbatax-il-sena mingħand il-mibki iżda qatt minsi l-mużiċist is-Sur Leonard Farrugia, li dik il-ħabta kien inkarigat mit-tagħlim tal-aljievi tal-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba. Mill-ewwel wera l-ġibda kbira li kellu lejn l-arti mużikali u wara ftit xhur ta’ taħriġ bażiku fit-teorija u s-solfeġġ, beda jattendi u jieħu sehem regolarment għall-kunċerti li kienet tagħmel din l-istess banda taħt id-direzzjoni tal-mibki iżda qatt minsi Surmast Chev. George Martin A.Mus.L.C.M., O.S.T.J. Għall-festa ta’ Santa Marija tal-1980, huwa ħareġ għall-ewwel darba jdoqq mall-banda s-saxaphone tenor waqt is-servizzi u Programmi Mużikali tal-istess banda: xi ħaga li baqa’ jagħmel b’impenn, lealtà u serjetà kbira għal ‘l fuq minn għaxar snin. Bl-inkoraġġiment tas-Sur Leonard Farrugia, f’Ottubru tal-1983, beda jieħu l-ewwel formazzjoni mużikali-professjonali tiegħu minn għand il-Professur Mro Dr Charles Zammit, Ph.D., D.Mus., G.L.S.M., F.L.C.M., F.V.C.M., F.C.S.M. Cert.F.B.C.M., Hon. F.N.S.C.M., F.W.T.C., fejn wara li għadda l-gradi preliminari kollha, kompla jistudja b’mod aktar estensiv it-teorija tal-mużika, l-armonija, il-kuntrapunt, il-fuga, l-istorja tal-mużika, l-arranġament u l-orkestrazzjoni kif ukoll il-kompożizzjoni klassika, li wasluh biex fl-1991 ingħata l-Associate Diploma mill-Lancashire School of Music (A.Mus.L.S.M.) u fl-1993 akkwista bl-unuri l-Liċenzjat fil-kompożizzjoni mill-Victoria College of Music (L.Mus.V.C.M. (Hons)).

 

Fil-frattemp kien ukoll iggradwa mill-Università ta’ Malta bħala Inginier (B.Mech. Eng. (Hons)) u kien proprju din il-bażi xjentifika u matematika li ġiegħlitu jikkorrispondi ma’ kompożituri kontemporanji oħra barranin biex flimkien jesploraw it-tħaddim tal-matematika fil-mużika. Permezz tal-użu ta’ programming language speċjalizzat għall-kompjuter, imħaddma fil-kuntest mużikali modali u atonali, huwa kkompona diversi xogħolijiet imsejjħa “algorithmic” li, fuq il-pariri siewja ta’ Mro Manoel Pirotta, DNESM (Lyon), Dip.CNR (Lyon), Hon.VCM CT, FVCM (Hons.), FTCL, FLCM, FNCM, LTCL, L.Mus LCM, uħud minnhom ġew miġbura u ppreżentati biex ikunu eżaminati mill-kompożitur famuż Ingliż Martin Ellerby fl-1998. Il-kompożizzjonijiet, li kienu jikkonsistu fi suite atonali maqsuma fi tlett movimenti għall-klarinett u pjanu bl-isem ta’ ‘Heat Transfer’ kif ukoll f’Poema Sinfonika modali għall-Brass Quintet bl-isem ‘A Maltese Village Scenario’ kellhom kliem ta’ tifħir mill-istess eżaminatur tal-Victoria College of Music, li ddeskriva din il-ġabra ta’ xogħolijiet bħala “a very competent and musical portfolio”, tant illi Mro Camilleri ngħata mill-ewwel il-Fellowship bl-unuri minn dan il-kulleġġ prestiġjuż ta’ Londra.

 

Fi Frar tal-1991, Chev. Mro George Martin ħalla ħesrem dan il-wied tad-dmugħ u l-Kumitat Eżekuttiv ta’ dak iż-żmien kien avviċina lill-Mro Camilleri biex jieħu t-treġija tal-Banda Re Ġorġ V f’idejh. Bħala Surmast Direttur, huwa mexxa din il-banda b’għaqal u dedikazzjoni kbira għal sitt snin sħaħ sa Marzu 1997: xhieda ta’ dan kienu l-Programmi Mużikali ta’ livell għoli li dejjem tellgħet din il-banda matul is-snin li dam imexxiha, l-ammont sabiħ ta’ mużiċisti li ħarreġ u għallem, in-numru kbir ta’ marċi, innu marċi u, saħansitra, l-Innu tal-istess banda, li huwa kkompona u rregala hekk kif ħa l-bakketta f’idejh fl-1991. Fi żmienu, il-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba bdiet tkun mistiedna tagħmel mhux biss servizzi ta’ marċi imma saħansitra Programmi Mużikali f’diversi bliet u rħula Maltin kif ukoll barra minn xtutna: infatti nsibu li fl-1996, il-Banda esegwiet erba’ Programmi Mużikali fl-Italja, fir-reġjun tal-Marche, u li kienu strumentali biex fl-1998, l-istess banda rebħet l-unur prestiġjuż u sal-lum uniku għal Malta, dak ta’ Les Étoiles d’Or du Jumelage, mogħti mill-Unjoni Ewropea.

 

Bħala kompożitur, insibuh ikkompona ‘l fuq minn erbgħin marċ – sew brijużi kif ukoll sinfoniċi, reliġjużi u funebri – Poema Sinfonika kif ukoll żewġt Overtures: xogħolijiet li ndaqqu minn diversi baned sew Maltin, Għawdxin u anke barranin kif ukoll ħafna kompożizzjonijiet oħra li għad iridu jinstemgħu għall-ewwel darba fil-pubbliku. Fl-1998, huwa rebaħ kompetizzjoni mnehdija mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba għall-isbaħ u l-aħjar kompożizzjoni li kellha tkun l-Innu Uffiċjali ta’ raħal twelidu. Sena wara, f’kompetizzjoni mnehdija mill-Filarmonica Nazionale La Vallette sabiex tfakkar il-125 anniversarju mit-twaqqif ta’ din is-Soċjetà, huwa kiseb it-tielet post minn fost ‘il fuq minn 20 kompożitur ieħor Malti, bil-marċ ‘125th Anniversary’. Aktar riċenti, preċiżament f’Lulju 2008, l-kompożizzjoni tiegħu bl-isem ‘Exultia 125!’ ġiet ikklassifikata fit-tieni post waqt il-konkors Nazzjonali tal-Marċi organizzat mill-Banda San Lawrenz tal-Birgu.

 

Fil-frattemp, ikkompona u għamel l-arranġamenti ta’ mużika aktar leġġera u moderna u ħadem, fost l-oħrajn, ma’ diversi kantanti sew ġodda kif ukoll stabbiliti Maltin. Biex insemmu eżempju wieħed marbut mas-Soċjetà, m’hemmx għalfejn immorru lura wisq għaliex fl-2007, sabiex jitfakkar għeluq il-ħmistax-il sena mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, huwa kien ġie kkommisjonat sabiex jikkomponi l-mużika tad-diska kommemorattiva ntitolata ‘Qalb Żagħżugħa Waħdanija’, fuq lirika ta’ Nicholas Baldacchino u interpretata minn Eleanor Cassar.

 

Il-professjoni t’Inġinier u dik ta’ surmast reġgħu twaħħdu meta fl-2004, Mro Camilleri kien ġie avviċinat mill-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetà Karmelitana u Banda Queen Victoria taż-Żurrieq sabiex jieħu ħsieb proġett innovattiv għall-pajjiżna: dak tal-Musical Fountains. Fil-fatt, għal dawn l-aħħar snin, fil-Programmi Mużikali annwali li din l-istess banda tesegwixxi matul il-ġimgħa tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq, żdied dan l-element ta’ ilma “jiżfen” għan-noti mużikali ħierġa mill-banda, fi sfond ta’ qawsalla ta’ kuluri ġejjin minn effetti speċjali tad-dawl, kollox sinkronizzat mal-mużika.

 

Għalkemm il-professjoni u l-impenji l-oħra familjari tiegħu jeħdulu ħafna mill-ħin tal-ġurnata, xorta waħda jsib dawk il-mumenti biex permezz tal-pinna mużikali u versatili tiegħu, jibqa’ jpaxxi l-widna tal-amiraturi tal-marċi u mużika bandistika oħra Maltin b’kompożizzjonijiet varji, iżda li kollha nistgħu ngħidu għandhom dak it-timbru uniku ta’ dan is-surmast Imqabbi.