Kappelli u Postijiet Oħra ta’ Interess

 

Il-Kappella ta’ San Bażilju

 

L-eqdem kappella li nsibu fl-Imqabba hija l-kappella ta’ San Bażilju. Hija wkoll l-unika knisja ddedikata lil dan il-qaddis f’Malta. Hija qadima ħafna u nbniet fis-sena 1486. Meta wieħed jifli ċerti dettalji tal-faċċata tal-kappella jinduna li dawn huma l-isbaħ xhieda tal-qedem tagħha. Fost dawn insibu l-għamla tal-bieb oriġinali u t-tieqa għamla ta’ warda li tidher fuq dan il-bieb. L-intern ta’ din il-knisja, iżda, huwa l-aqwa xhieda tal-qedem tagħha għaliex hi knisja mibnija fuq numru ta’ ħnejjiet li dawn m’humiex tondi iżda li jispiċċaw bil-ponta. Il-kwadru titulari jirrappreżenta lill-Missier Etern, lil San Ġużepp, lill-Madonna, lill-Bambin, lill-Erwieħ tal-Purgatorju, lil San Bażilju u lil Santu Rokku, il-qaddis protettur kontra l-pesta, b’tifkira ta’ dawk l-imsejkna li kienu ndifnu fiz-zuntier ta’ din il-knisja meta l-gżejjer tagħna ġew milquta b’dan il-flaġell fis-seklu sbatax. Il-kwadru fil-fatt kien sar bħala ex-voto wara li spiċċat il-pesta. Interessanti s-sena 1551 li tidher minquxa f’irħama ‘il fuq minn dan il-kwadru. Din qed tfakkar is-sena meta din il-knisja ġiet imbierka. Interessanti ħafna huwa artal laterali li jeżisti f’din il-knisja. Dan ukoll jitfa’ ħafna dawl fuq il-qedem ta’ din il-knisja. L-iskanell imtarraġ fuq in-naħa ta’ wara tiegħu hu repetut fuq in-naħa ta’ quddiem fil-mensa u bi gwarniċ tal-ġebel imiss mal-istess mensa; dawn huma kollha traċċi li juru l-qedem ta’ dan l-artal. Il-knisja kienet ġiet restawrata fl-1860. Biswit din il-kappella nsibu kappella oħra, iddedikata lil San Mikiel Arkanġlu, u quddiem dawn il-kappelli nsibu ċimiterju tal-vittmi tal-pesta tal-1675-1676.

sanbazilju01 sanbazilju02 sanbazilju03

Il-Kappella ta’ San Mikiel

 

Il-kappella ta’ San Mikiel tinsab fuq in-naħa tax-xellug ta’ dik ta’ San Bażilju u nbniet lejn l-1550 iżda fl-1669 reġgħet ittellgħet mill-ġdid. Din fiha artal wieħed biss. Biex wieħed jidħol ġo din il-kappella jrid jgħaddi minn fuq diversi oqbra li kienu jservu bħala ċimiterju għal dawk il-vittmi tal-pesta tal-1675-1676. Fl-1778, biex l-imsejkna midfuna f’dan iz-zuntier ma jintesewx, twaqqaf monument tal-ġebel li fuqu ġiet ukoll imnaqqxa din is-sena. Fost il-vittmi midfuna hawn insibu lil Dun Valerio Zammit, Dun Luca Zammit u l-Kappillan Dun Domenico Pace. L-għamla ta’ riliev minqux f’niċċa fil-faċċata tal-knisja ta’ San Mikiel, flimkien ma’ bank tal-ġebel li jinsab ħdejn il-knisja ta’ San Bażilju huma żewġ xhieda oħra tal-qedem ta’ din il-kappella.

sanmikiel01

Il-Kappella ta’ Santa Katerina

 

Il-kappella ta’ Santa Katarina nbniet ukoll lejn l-1550 iżda f’din is-sena, biswitha, tissemma knisja ddedikata lil San Pietru. Bid-digriet tal-Isqof Rull tas-sena 1759 dawn ġew imwaqqa’ u mċekkna fi knisja waħda taħt it-titlu ta’ Santa Katarina. Kien jieħu ħsiebha ċertu Marjan Agius. Meta miet dan ħalla biċċa art magħrufa bħala ‘Il-bur ta’ Santa Katarina’ biex mill-flus li jdaħħlu minnha jiċċelebraw il-festa ta’ din il-qaddisa bil-kant tal-Għasar u bil-quddiesa kantata. Din il-knisja, mibnija bi stil barokk, ġiet inawgurata nhar Lapsi tas-sena 1774 mill-Kappillan Dun Gwann Battista Tortella. Tinsab fil-pjazza tar-raħal. Bħalissa, għalkemm kienet ġiet restawrata, qiegħda tintuża biss bħala maħżen għall-bradelli tal-istatwi ta’ Santa Marija u tal-Madonna tal-Ġilju. Minn ġewwa din il-knisja hi mibnija fuq numru ta’ pilastri u mdawwra b’bosta skultura fil-ġebla Maltija. Il-kwadru titulari ta’ din il-knisja jiddomina fiċ-ċokon tagħha. Dan il-kwadru jirrappreżenta ż-żwieġ mistiku tal-qaddisa, flimkien ma’ Sant’Anna u San Ġwann Evanġelista. Fir-rokna tax-xellug tidher l-arma tal-familja Aquilina, il-benefatturi ta’ dan il-kwadru, li jidher li sar wara li din il-familja qalgħet xi grazzja billi hemm impittrin l-ittri VFGA.

santakaterina01 santakaterina02

Il-Kappella tad-Duluri

 

Il-kappella tad-Duluri kienet fiż-żmien taħt it-titlu tal-Assunta. Il-bidu tagħha jeħodna lura lejn is-seklu sittax. Kienet knisja żgħira wisq u fl-1680 ġiet mibnija mill-ġdid f’għamla aħjar. Dan wara li fl-ewwel ta’ Mejju l-Isqof Molina żar din il-kappella u ddeskriviha bħala zgħira wisq u qadima. Ix-xogħol daħlu għalih Dun Frangisk u Dun Rokku Agius. Iżda dlonk sfat mitluqa u wara madwar seklu u nofs l-Isqof Mattei taha lill-assessur tiegħu Dr Ganni Schembri, biex jirrestawraha. Dan tal-aħħar għamel sottoterran u fetaħha taħt it-titlu tad-Duluri. Ta’ min jgħid li din kienet ġuspatronat tal-Kanonku Pawl Pullicino. Hu ra li jinbena zuntier madwarha kif ukoll isiru l-balavostri. Fl-istess żmien inżergħu s-siġar taż-żebbuġ fiz-zuntier kif ukoll sar kampnar żgħir li ġie fornut b’qanpiena żgħira tal-bronż. Dr Schembri ra wkoll li jkun hemm dak kollu meħtieġ bħal gandlieri u l-istazzjonijiet tal-Via Sagra. L-artal kien imżejjen bil-pittura ta’ Antonio Grech. Monsinjur Pullicino kompla sebbaħ il-kappella tad-Duluri billi rregala lampier ibbanjat fil-fidda, ostensorju tal-fidda maħdum minn Belli ta’ Ruma u tapit. L-istess Monsinjur Pullicino rregala lampier tal-fidda maħsul bid-deheb lill-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba. Fil-fatt hu kien ordna dan il-lampier minn Pariġi. L-istatwa tad-Duluri li preżentement tinħareġ proċessjonalment fil-festa devozzjonali tad-Duluri saret bl-inizjattiva tal-Kappillan Dun Anton Vella. L-istatwa nħadmet mill-Imqabbi Glormu Dingli. It-tberik tal-istatwa sar nhar il-Ħadd 27 ta` Marzu 1977. Fl-istess żmien saret il-pittura tas-saqaf mill-Imqabbi Rosario Zammit. Din il-pittura tirrafigura s-seba’ duluri tal-Madonna. Illum il-ġurnata l-kappella tad-Duluri għadha miżmuma b’għożża liema bħalha. Din il-kappella hi l-unika kappella fl-Imqabba li minkejja l-oriġini bikrija tagħha għadha tiġbed devozzjoni qawwija minn nies tal-lokal. Kien proprju għalhekk li fis-sena tal-Ewkaristija nbidlet f’kappella tal-Adorazzjoni fejn matul il-ġimgħa kollha jkun hemm Ġesù Sagramentat espost għall-qima tal-poplu. Il-festa liturġika tad-Duluri, nhar il-15 ta’ Settembru, tiġi ċelebrata permezz ta’ quddiesa fil-pjazza ta’ quddiem din il-knisja.

kappelladuluri02 kappelladuluri03 kappelladuluri04 kappelladuluri01

Il-Kappella tan-Nazzarenu

 

Kappella oħra li nsibu fir-raħal tal-Imqabba hija l-kappella tan-Nazzarenu. Din tinsab ħdejn iċ-ċimiterju tal-istess raħal u nbniet bejn l-1910 u l-1911. Il-bennejja kienu Pawlu u Baskal Xuereb u fiha xogħol fil-ġebel mill-isbaħ. Fiha nsibu statwa ta’ Karmnu Mallia, li kien għamel ukoll l-istatwi l-antiki li jżejjnu l-pjazza fil-festa titulari. Il-festa kienet issir f’Lulju, iżda llum issiru tlett quddisiet fis-sena fiha: fil-ġranet qrib Jum l-Omm u Jum il-Missier u darba matul ix-xahar ta’ Novembru.

nazzarenu01

Il-Kappelli tal-Ħal Millieri

 

Qrib iċ-ċimiterju tar-raħal insibu żewġ kappelli oħra magħrufin aktar bħala ta’ Ħal Millieri. Dawn il-kappelli huma dik ta’ San Ġwann l-Evanġelista u dik tal-Lunzjata. Ħal Millieri kien jospità fih komunità żgħira li sas-sena 1700 lkoll kienu trasferew rwieħhom fl-irħula tal-qrib, fosthom l-Imqabba. Minkejja li huma qrib ħafna tal-Imqabba, dawn il-kappelli dejjem kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Parroċċa taż-Żurrieq.

Il-kappella ta’ San Ġwann kienet reġgħet ġiet mibnija fil-1640. Il-kwadru titular kien jirrapreżenta l-apokalissi kif deskritt minn San Ġwann li fih tidher ukoll Sidtna Marija. Din il-pittura kienet saret fis-seklu sbatax. Illum floku hemm pittura ta’ San Ġwann qiegħed jikteb. Quddiem din il-kappella nsibu salib tal-ġebel.

Il-kappella tal-Lunzjata x’aktarx li nbniet fil-1419. Fiha nsibu affreski ta’ Sant’Agata, San Lawrenz, San Bjaġju, San Ġwann, San Ġorġ u dak ta’ San Vinċenz. Din il-kappella tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u hija meqjusa bħala waħda fost l-aktar kappelli medjevali preservati tajjeb fil-gżejjer Maltin.

halmillieri01 halmillieri05

halmillieri02 halmillieri04 halmillieri06

Il-Katakombi tal-Mintna

 

Fl-1860 saret is-sejba mprezzabbli tal-Katakombi tal-Mintna. Dawn il-katakombi li huma maqsuma fi tlieta, ikopru b’kollox id-daqs ta’ 139 metru kwadru. Dawn il-katakombi, għalkemm fuq skala iżgħar, jixbhu lil dawk ta’ San Pawl fir-Rabat ta’ Malta. Fl-Imqabba nitgħaxxqu b’mejda famuża li kienet tintuża għall-agape miżmuma tajjeb ferm għax hija l-unika waħda sħiħa f’Malta; madwarha kienu jissieħbu l-insara għall-ikla ritwali. Fihom insibu ħafna oqbra mħaffrin fil-blat, imżejna bi ħnejja baxxa u tawwalija msejjħa acrosolium, għadd kbir ta’ toqob żgħar b’diversi forom għall-imsiebaħ taż-żejt, u importanti wkoll il-gandotti fejn kien jinġabar l-ilma li jnixxi mill-blat. Ta’ min isemmi li l-katakombi kienu jservu għad-dfin u għall-qima mill-insara.

katakombimintna02 katakombimintna03 katakombimintna04 katakombimintna01

Il-Ħajt tal-Matla

 

Il-ħajt tal-matla jinsab eżatt wara l-ġibjun u kien iservi bħala passaġġ biex wieħed jgħaddi lejn iċ-ċimiterju tar-raħal kif ukoll għal dawk ir-raħħala li kellhom l-għelieqi tagħhom fl-inħawi.

hajtmatla01 hajtmatla02

Sejba ta’ Qabar u Katakombi

 

Fis-16 ta’ Lulju 1935, matul xi xogħol fil-barriera magħrufa bħala Tan-Naxxari f’Bur Megħeż, il-ħaddiema nifdu ġo ħofra fil-blat u fiha nstab għadam ta’ ċriev, ipoppotami u volpi. Xi xogħol li kellu jsir f’Ta’ Kandja kixef qabar puniku u katakombi Kristjan f’Awwissu 1960.