Il-Bradella tal-Vara Titulari Santa Marija

 

Fit-12 ta’ Jannar 1927 ġie ppreżentat rikors fil-Kurja tal-Arċisqof li jġib in-numru 70/1927 fejn l-Imqabbin Mikiel Zammit (il-Mejlaq) u martu Grazia Inguanez urew li xtaqu li jkunu l-benefatturi tal-bradella għall-vara Titulari ta’ Santa Marija. Il-ġbir għall-qabar tal-fidda kien diġà beda jsir u għalhekk inħass il-bżonn li kellha ssir ukoll bradella biex il-vara tkun kompluta minn kollox. Fit-22 ta’ Frar 1927 Mons. Arċisqof Mauro Caruana aċċetta t-talba li kienet saritlu fir-rikors. Wara li l-Imgħallem Abram Gatt ta’ Bormla lesta d-disinn, ġie deċiż li x-xogħol tal-injam tal-bradella kellu jsir mis-Surmast Manwel Buhagiar ta’ Ħal Tarxien waqt li l-Appostolat magħmulin mis-sycamore li huwa njam qawwi ħafna, ġie ordnat l-Awstrija għand id-ditta Ferdinado Stuflesser. Il-bradella dak iż-żmien swiet is-somma globali ta’ £194.6s.2d. Ix-xogħol esegwit fl-injam minn Mastru Buhagiar sewa £153.

 

Il-bradella l-ġdida u l-qabar tal-fidda ġew inawgurati s-Sibt 11 ta’ Awwissu fl-1928. Il-vara tal-Assunzjoni ġiet meħuda proċessjonalment mill-kappella tad-Duluri għall-knisja tal-Parroċċa, fost briju kif kien jixraq. Għal din l-okkażjoni, għall-ewwel darba fir-raħal, inħaraq murtal ta’ erba’ bombi magħmul minn Censu Galea (id-Derek).