Ċentru Artistiku fis-Sala Prinċipali tal-Każin

 

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba minn dejjem kellha għal qalbha l-kultura u dejjem rat kif għamlet biex tkattar il-kultura f’raħalna. Dan ilha tagħmlu u għadha tagħmlu b’mod regolari bit-tagħlim b’xejn tal-mużika biex tkompli trawwem din il-kultura fit-tfal tagħna. Dan it-tagħlim imur lura għal qabel it-tieni gwerra dinjija li wassal biex fil-1945 fl-Imqabba jkollna l-ewwel Orkestra Mużikali li ġiet mibdula f’banda kif nafuha llum fis-sena 1947. Biss il-kumitati dejjem ħasbu biex ma jiqfux biss fuq il-kultura mużikali imma anke jkattru l-element tal-arti u l-pittura. Wara li saret manutenżjoni tas-sala prinċipali tas-sede tas-Soċjetà u kompliet ġiet imsebbħa bi tlett linef kbar, ġie deċiż sabiex din is-sala tinbidel f’ċentru uniku artistiku ġewwa l-Imqabba. L-iskop kien li din is-sala timtela’ kollha pittura tal-istess artist.

 

Illum il-ġurnata ftit issib swali mżejna mill-istess pittur. L-għażla waqet fuq il-bravu famuż Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi li huwa wkoll Għawdxi. Kienet is-sena 1992 meta fl-okkażjoni t’għeluq il-50 anniversarju mill-Konvoj ta’ Santa Marija u tal-George Cross, saru ċelebrazzjonijiet speċjali. Sar il-kxif tal-pittura tal-Konvoj ta’ Santa Marija mill-E.T. President Emeritus ta’ Malta Dr Censu Tabone u tbierket mill-Vigarju Ġenerali Emeritus Mons. Carmelo Xuereb. Din l-ewwel pittura tinsab fuq in-naħa tax-xellug tas-sala ewlenija tal-każin. Bla dubju din kienet tirrapreżenta lil Santa Marija li tiddomina fuq il-gżejjer Maltin u fl-istess ħin tifkira ta’ ħamsin sena qabel meta fit-Tieni Gwerra Dinjija nhar il-festa ta’ Santa Marija daħal f’Malta l-Konvoj magħruf bħala ta’ Santa Marija. Fil-fatt din il-pittura hija maqsuma fi tlett partijiet. Fuq in-naħa tal-lemin insibu xeni tal-bastiment Ohio dieħel fil-Port il-Kbir ta’ Malta li wassal f’Malta provista tal-ikel, u nkluż ajruplani tal-għadu jwaddbu l-bombi. Fuq in-naħa tax-xellug insibu skultura ta’ anġlu jżomm f’idejh l-arma tal-Imqabba, faxx dijagonali ta’ lewn il-fidda fuq sfond aħmar biex jorbot din il-ġrajja mas-Soċjetà tagħna li tiċċelebra l-festa titulari ta’ Santa Marija. Fin-nofs xena tal-Madonna Mtellgħa fis-Sema mill-anġli u l-kerubini tiddomina fuq Malta u fuq l-Imqabba bħala Protettriċi tagħna lkoll. Ma jistax jonqos element importanti u sinifikattiv. Dawn huma tlett ġebliet li jirrapreżentaw l-element Imqabbi dak tal-ġebla tal-barrieri u li minnhom tinqata’ l-ġebla tal-franka. Biss in-numru tlieta jirrapreżenta t-tlett għoljiet ta’ Għawdex, il-gżira li minnha ġej l-artist.

 

Fis-sena 1998 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 sena minn meta l-Imqabba nqata’ minn ma’ Bir Miftuħ u sar parroċċa, il-Fergħa tan-Nisa fi ħdan is-Soċjetà daħlet għall-proġett ambizzjuż u ħalset l-ispejjeż fuq pittura oħra faċċata tal-istess pittura eżistenti tal-Konvoj. Din il-pittura dejjem tal-istess pittur Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi, hija tal-Madonna fil-Glorja. Tirrapreżenta lill-Madonna fil-Ġenna bix-xettru f’idejha tisħaq ras is-serp li jirrapreżenta l-ħażen, fost diversi personaġġi kemm mit-Testment il-Qadim kif ukoll il-Ġdid, kollha b’xi konnesjoni ma’ pajjiżna. Insibu pereżempju lil San Ġuzepp fuq ix-xellug tal-Madonna u San Ġwann il-Battista kif ukoll lil San Pietru u San Pawl, u San Ġorġ.

 

Fis-sena 2000 bħala tkomplija ta’ dan il-proġett tal-millenju sar il-kxif ta’ erba’ pitturi u dekorazzjonijiet oħra fl-istess sala, dejjem xogħol l-istess artist. Tnejn minn dawn il-pitturi nkixfu fil-bidu tas-sena tal-millenju mill-E.T. President Emeritus ta’ Malta Dr Guido Demarco. Dawn jirrapreżentaw l-Iskultura u l-Pittura. Fil-fatt naraw mara bi statwa ċkejkna ħdejha (skultura) u oħra li qed tpitter. Fl-istess sena, f’Awwissu 2000, inkixfu ż-żewg pitturi l-oħra. Din id-darba dawn jirrapreżentaw il-Mużika u l-Letteratura. Fil-fatt insibu mara li qed iddoqq arpa u fil-pittura l-oħra mara li qed taqra l-kotba. Dawn il-pitturi nkixfu mill-Amabaxxatur Ingliż għal Malta li kien il-mistieden tal-unur għall-festa ta’ dik is-sena. Dawn l-erba’ pitturi fuq il-ġnub tas-sala ġew imdawwrin b’dekorazzonijiet reliġjużi profani li jkomplu jsebbħu din is-sala. Hekk il-ħitan kollha ta’ din is-sala ġew imsebbħa mill-id tal-istess artist Għawdxi l-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi. Dawn il-pitturi ġew imħallsin minn diversi benefatturi tas-Soċjetà li isimhom jinsab fuq plakka taħt kull pittura.

 

Fis-sena 2005 il-Kumitat Eżekuttiv ħass il-ħtieġa li titkompla tissebbaħ din is-sala, fejn ikkummissjona lill-istess pittur Għawdxi sabiex isiru tliet pitturi oħra għall-parti ċentrali tas-saqaf. Hawnhekk insibu xeni tan-natura flimkien ma’ numru sabiħ ta’ anġli.

 

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fejn is-Soċjetà fakkret għeluq il-100 sena mill-formazzjoni tagħha fis-sena 2010, inkixfu tliet pitturi oħra fiċ-ċentru tas-saqaf. Dawn huma pitturi kumplimentari ta’ xeni ta’ rilassament sabiex ma jtellfux l-attenzjoni minn fuq is-sitt pitturi eżistenti fuq il-ħitan tas-sala.

 

Fl-2012 tkomplew isiru aktar pitturi, din id-darba erba’ pitturi oħra għall-parti tax-xellug tas-saqaf. Dawn il-pitturi huma fuq l-istess stil u jikkumplimentaw dawk li kienu tlestew seba’ snin qabel fuq il-parti ċentrali tas-saqaf.

 

Il-Kumitat Eżekuttiv stinka u anke għamel viżta għand il-pittur fl-istudio tiegħu f’Għawdex sabiex fis-sena 2013 il-ħolma tagħna ssir realtà u dan il-proġett ambizzjuż jkun jista’ jiġi konkluż, biex b’hekk is-sala ssir tassew ċentru tal-arti. B’hekk dan iċ-ċentru artistiku fil-qalba tar-raħal fil-Palazz Santa Marija jkun komplut b’ilbies xieraq sabiex inkomplu ngħollu isem is-Soċjetà tagħna … is-Soċjetà t’Ommna Santa Marija fid-dar tal-Banda tagħna mogħnija bl-isem tar-Re Ġorġ V.

 

Dur dawra fiċ-Ċentru Artistiku fis-Sala Prinċipali tal-Każin bil-mod diġitali fuq is-sit maltain360.com

 Filmati