Louis Galea


Louis GaleaLouis Galea twieled fis-sena 1948, iben il-Fundatur tal-Banda Re Ġorġ V Guzeppi Galea. Fis-sena 1966 Louis Galea ġie maħtur bħala President tal-‘iStudents Catholic Guild’ fl-Università ta’ Malta. Sentejn wara, eżattament fis-sena 1968, bħala student kien wieħed mill-organizzaturi ewlenin tal-kampanja ‘Djar għall-Maltin’. Fis-sena 1971, ikkontesta għall-ewwel darba l-Elezzjoni Ġenerali, biss ma kienx ġie elett. Inħatar bħala President tas-Soċjetà fis-sena 1969 fejn dam f’din il-kariga sas-sena 1973. Huwa ġie maħtur bħala wieħed mill-Presidenti Onorarji tas-Soċjetà. Sa mis-sena 1976 Dr Louis Galea dejjem kien elett fl-Elezzjonijiet Ġenerali u eventwalment serva bħala l-ewwel Shadow Minister għas-Servizzi Soċjali u Xogħol, wara ġie maħtur Ministru tal-Politika Soċjali fis-sena 1987.

 

Fis-sena 1992 ġie mogħti t-tmexxija tal-Ministeru tal-Intern u Żvilupp Soċjali u fis-sena 1995 Ministru għall-Iżvilupp Soċjali. Bejn 1998 u 2003 Louis Galea serva bħala Ministru tal-Edukazzjoni u ħadem favur l-iżvilupp tal-potenzjal tal-poplu Malti fl-oqsma tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport u kien ikopri wkoll l-oqsma tat-taħriġ tul il-ħajja, politika dwar ix-Xjenza u t-Teknologija, Libreriji u Arkivji. Fis-sena 2008, l-Onorevoli Dr Louis Galea ġie maħtur bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Parlament filwaqt li fis-sena 2010 ġie nnominat sabiex iservi fil-Qrati tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.