Patri Joseph Ghigo S.J. 1927-2003

 

Joseph GhigoPatri Joseph Ghigo S.J. twieled l-Imqabba fit-18 ta’ Mejju 1927. Missieru kien jismu Ganni Ghigo u ommu Marija Stella, imwielda Mallia. Ta’ tmintax-il sena daħal fin-Novizzjat tal-Ġiżwiti tan-Naxxar fl-ewwel ta’ Ottubru 1945, fejn sentejn wara, għamel l-ewwel voti fil-Kumpanija ta’ Ġesù. Studja l-filosofija fil-Kulleġġ ta’ Heythrop ġewwa Oxfordshire, fl-Ingilterra, minn fejn fl-1952 ġie lura Malta bħala Prefett. Hu beda jgħallem fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi ta’ Birkirkara. Imma s-sena ta’ wara, il-Provinċjal P. Savona bagħtu jkompli l-Prefettura fil-Kulleġġ Arici ta’ Brescia ġewwa l-Italja. Patri Joseph Ghigo S.J. studja t-Teoloġija fi Brussell, il-Belġju, fejn ġie ordnat saċerdot fil-Kulleġġ ta’ Saint Michel nhar il-15 ta’ Awwissu 1957.

 

F’Settembru tal-1958, beda l-aħħar sena ta’ formazzjoni, f’Saint Beuno’s College ġewwa Wales. Mill-1959 sas-sena 1963 mar jistudja fl-Iskola tal-Ekonomija ta’ Londra, fl-Ingilterra, fejn kiseb l-B.Sc fl-Ekonomija fl-1963. L-ewwel xogħol li għamel Patri Joseph Ghigo S.J. kif irritorna minn Londra kien xogħol pastorali fir-Residenza tal-Isla li kienet għadha kif fetħet is-sena ta’ qabel.

 

L-aktar ħaġa li għaliha jibqa’ msemmi Patri Ghigo hi propju l-kitba, l-iżjed fuq suġġetti soċjali. Fil-fatt kien rabat ismu mar-rivista ‘Problemi tal-lum’ li dam imexxiha bħala editur b’waqfa qasira, mill-1965 sa l-1998. Ta kontribuzzjoni siewja ħafna fit-tagħlim tal-Malti u kien saħansitra President tal-Akkademja tal-Malti.

 

Patri Ghigo kien intiż ħafna fuq l-Art Imqaddsa u ħafna kienu dawk li mexxa f’pellegrinaġġi lejn Ġerusalemm. Kiteb diversi kitbiet fosthom, ‘Alla Ħabb’ u ‘Ejjew u Taraw’, li rebbħuh premji letterarji. Sakemm miet kellu lest għall-pubblikazzjoni ktieb ieħor fuq San Ġużepp li għalih għamel ħafna riċerka. Kien membru ta’ diversi bordijiet, fosthom membru tal-Bord tal-Għoti tal-Ismijiet tat-Toroq ta’ Malta u Għawdex. Għal diversi snin kien ukoll id-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba. Kull sena kien jikkontribwixxi billi jikteb artikli sbieħ fuq il-Madonna fil-ktejjeb annwali tas-Soċjetà.

 

Patri Joseph Ghigo S.J. miet ta’ 76 sena, li 57 sena minnhom għexhom bħala Ġiżwita. Miet nhar il-Ħadd 20 ta’ Lulju 2003 u ġie midfun fin-Naxxar.