Joe Farrugia

 

Joe FarrugiaIs-Sur Joe Farrugia magħuf bħala l-Farell twieled iż-Żurrieq fis-26 ta’ Ottubru 1956. Għex għal diversi snin l-Imqabba u llum il-ġurnata joqgħod f’Ħal Tarxien. Sa minn età żgħira beda jaħdem fin-negozju, f’liema qasam illum għandu esperjenza kbira.

 

Is-Sur Joe Farrugia hu bniedem sportiv ħafna u sa minn ċkunitu kien attiv fil-futbol, fejn lagħab mal-Imqabba F.C. u aktar tard mal-Ħamrun Spartans u St. Patrick F.C. Fil-karriera sportiva tiegħu, Joe Farrugia ċċelebra mumenti sbieħ ma’ sħabu tat-tim, fosthom promozzjonijiet u esperjenza ma tintesiex meta l-Imqabba F.C. irnexxielhom jitilgħu mit-Tielet Diviżjoni għall-Premier b’43 logħba mingħajr megħluba.

 

Wara l-esperjenzi tiegħu bħala player, Joe Farrugia beda jinvolvi ruħu fil-festi, b’kollaborazzjoni mal-każini tal-banda li dejjem sabu l-għajnuna tiegħu. Joe kien ukoll inħatar President tas-Socjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba fis-sena 1985. Dam jokkupa din il-kariga sas-sena 1990. Joe kien ukoll involut f’diversi għaqdiet oħra b’mod regolari.

 

Joe Farrugia huwa miżżewweġ lil Nicolina u għandu tlett ulied, Philip, David u Annette. Sa minn età iżgħar Joe kellu wkoll interess fil-politika. Kien fis-snin disgħin meta ġie mħajjar sabiex joħroġ għall-politika mal-Partit Laburista. Fis-sena 1996 kien elett Membru Parlamentari u kien jifforma parti minn Gvern Laburista. Għall-numru ta’ snin, Joe kien ukoll kontributur regolari fuq il-ġurnali lokali.