Il-Banda Re Ġorġ V

Nhar Ħadd il-Palm tal-1947, eżattament fid-29 ta’ Marzu, il-Banda Re Ġorġ V għamlet l-ewwel Programm Mużikali tagħha taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joseph M. Barbara. Minn meta twaqqfet, il-Banda Re Ġorġ V kellha bħala surmastrijiet, diretturi, u oħrajn, lil Mro Leonard Spiteri (1951-1956), Mro George Martin (1956-1991) u Mro Anthony Camilleri (1991-1997).

 

Okkażjonijiet speċjali li baqgħu mniżżlin b’ittri tad-deheb fl-istorja tas-Soċjetà bil-parteċipazzjoni tal-Banda Re Ġorġ V kienu l-Proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunzjoni (1950); iċ-ċelebrazzjonijiet speċjali f’għeluq il-50, 75 u 100 Sena mit-Twaqqif tas-Soċjetà (1960, 1985 u 2010); għeluq il-50 Sena mill-Miġja tal-Konvoj ta’ Santa Marija (1992); għeluq il-50 Sena mit-Twaqqif tal-Banda (1947); għeluq l-400 Sena mit-Twaqqif tal-Parroċċa (1998); ir-rebħ tal-unur Les Étoiles d’Or du Jumelage (1998) u għeluq il-50 Sena mill-Proklamazzjoni tad-Domma (2000). Fis-sena 1996 is-Soċjetà permezz tal-Banda Re Ġorġ V fetħet orizzonti ġodda internazzjonali permezz ta’ għadd ta’ kuntatti u skambji ma’ baned minn pajjiżi differenti. Dawn l-iskambji wasslu għall-ġemellaġġ storiku li l-Banda Re Ġorġ V għandha mal-Corpo Bandistico di Santa Vittoria in Matenano, għaż-żjara tal-banda fl-Italja (1996), u sabiex għadd ta’ baned barranin iżuru r-raħal tal-Imqabba għall-festa ta’ Santa Marija. Paġna oħra tnaqqxet fl‐istorja tas‐Soċjetà f’Lulju 2007 meta l‐Banda Re Ġorġ V kienet impenjata għat‐tieni darba barra minn xtutna proprju ġewwa Cave, il‐provinċja ta’ Ruma l‐Italja għall-okkażjoni tal-Festival Internazzjonali għall-Baned imsejjaħ bħala Festa del Socio – Cave, 2007. Dan kien it‐tieni ġemellaġġ li l‐Banda tagħna għamlet. Il‐Banda Taljana mill‐belt ta’ Cave f’Ruma kienet il-mistiedna tal‐unur għall‐festa ta’ Santa Marija fl‐Imqabba tas‐sena 2008.

 

Is-surmast direttur attwali tal-banda huwa Mro David Agius li ilu jokkupa din il-kariga minn Marzu tal-1997. F’Ottubru 2018, il-Kumitat Eżekuttiv flimkien mal-Kummissjoni Banda ħatru lil René Camilleri bħala Assistent Surmast Direttur tal-Banda. Sabiex tkompli l-ħeġġa għall-mużika permezz tal-banda, din is-Soċjetà toffri tagħlim tal-mużika b’xejn lill-alljevi. It-tagħlim isir kull nhar ta’ Sibt f’ħinijiet adekwati mingħand Mro David Agius kif ukoll mingħand Mro René Camilleri ġewwa s-swali tal-każin.

 

Banda Plancier Banda Group Banda Tejatru Banda Gemellagg50 Sena Banda 1997 001 2000-31-10 - Banda Re Gorg V Akkademja Muziko Letterarja Knisja Mqabba

 Filmati