Il-Knisja Parrokjali Santa Marija

 

Meta l-Imqabba twaqqfet bħala parroċċa, il-funzjonijiet kienu jsiru fil-knisja ta’ San Bażilju li kienet ewlenija fir-raħal u akbar minn dik tal-Assunta. Il-knisja ta’ San Bażilju baqgħet taqdi lill-poplu Mqabbi sakemm ittellgħet il-knisja fil-post fejn hemm il-Knisja Parrokkjali llum. X’aktarx li l-knisja l-qadima kienet imtellgħa minn ċertu Mikiel Zammit u din kien fiha ħames altari. Il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Assunta fl-Imqabba ħadet il-post ta’ żewġ knejjes, waħda ddedikata lil Santa Marija u oħra li kienet magħrufa bħala tal-Viżitazzjoni. Oriġinarjament dawn iż-żewġ knejjes ingħaqdu flimkien bil-bini ta’ kursija bejniethom u hekk saret l-ewwel Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Assunta fl-Imqabba. Dan seħħ lejn is-sena 1607 meta nsibu l-ewwel difna reġistrata f’din il-knisja. Din serviet għal madwar 80 sena meta bdiet tiġi maħtuta fis-sena 1686 biex bdiet tinbena l-Knisja Parrokkjali tal-lum. B’tifkira ta’ waħda mill-knejjes twaqqaf l-altar tal-Viżitazzjoni fil-korsija tal-knisja l-ġdida. Din bdiet tinbena wara l-Viżta Pastorali tal-Isqof Balaguer fis-sena 1663. Il-knisja tlestiet minn kollox fit-28 ta’ Ġunju tas-sena 1699.

 

L-ewwel Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija ġiet imwaqqa’ wara li ntemm il-bini fuq il-ġdida peress li l-ġdida kienet mibnija madwar il-qadima. Il-knisja li naraw illum saret fi żmien il-kappillan Dun Ang Mallia taħt id-direzzjoni ta’ Mastru Marju Briffa u ibnu Gamri. Din tlestiet fl-1699 iżda s-sagristija tal-lemin inbniet fl-1709. Il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Pellerano nhar l-20 ta’ Mejju 1774 bi flus il-qassis iben ir-raħal Dun Karlu Zammit li miet nhar is-7 ta’ Jannar 1795. Il-knisja hija sempliċi però għandha arkitettura sabiħa mmens. Din għandha forma ta’ salib Latin u hija magħmula minn kor, żewġ kappelluni u korsija. Ta’ min isemmi li l-knisja għandha kampnar wieħed. Barra l-altar maġġur insibu disa’ altari oħra. Il-knisja hija twila 114-il pied, mill-kappelluni hija wiesgħa 77 pied u mill-korsija 24 pied.

 

Il-koppla preżenti tal-knisja nbniet wara l-istraġi tal-aħħar gwerra dinjija mill-imgħallem Baskal Xuereb skond il-pjanta tal-perit Andrea Micallef. Il-kampnar għadu oriġinali kif kien mibni fis-seklu sbatax. Dan hu mgħammar b’seba’ qniepen. Dik li kienet magħrufa bħala l-kbira nħadmet fil-funderija ta’ Gakkin Triganza fl-1789 u ħallas għaliha l-Kappillan Dun Aloisio Bartilmew Caraffa (200 sterlina). It-tieni waħda saret fl-1800 bit-tħabrik tal-Kappillan Dun Indri Farrugia. Gulju Cauchi ħadem żewġ qniepen oħra fl-1876 u dawn swew 116-il sterlina. Waħda mill-qniepen tal-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba, li hija l-ikbar waħda fid-daqs, ġiet mogħtija minn Mikiel u Ganna Zammit fl-1931. Din hija magħrufha bħala l-qanpiena bl-isbaħ ħoss f’Malta u nħadmet mid-ditta Barigozzi. Fl-1965 żdiedet qanpiena oħra mogħtija mill-aħwa Monsinjuri Ganpatist u Angelo Ghigo. Din ħadet post waħda mġenġla u kienet maħduma mid-ditta Bianchi tal-Italja. Il-kampnar hu mgħammar b’arloġġ li tqiegħed fl-1758 u hu xogħol l-arluġġar Antonio Tanti, li iżda ġie mġedded għal kollox mill-Imqabbi Mikielang Sapiano. Fi Frar 2014 dan l-arloġġ beda jitħaddem bil-mod elettroniku, fis-sens li l-mażżri li jagħtu l-ħabel lil arloġġ jibdew jitilgħu ‘il fuq permezz ta’ apparat elettroniku minflok bl-idejn. Dan ix-xogħol sar kollu volontarjament minn Alfred Bezzina mill-Imqabba u l-ispejjeż involuti daħal għalihom hu stess.

 

Fil-knisja tal-Imqabba hemm meqjum il-ġisem imqaddes ta’ San Innoċenzju Martri. Dan kien meħud miċ-ċimiterju ta’ San Lawrenz f’Ruma u mogħti lill-knisja tagħna mill-Isqof Pellerano fl-1779. Fl-24 ta’ Ottubru 1779 dan inġieb mill-knisja ta’ San Ġwann Evanġelista f’Ħal Millieri. Il-libsa tiegħu kienet waħda rikka u x’aktarx li kienet opra ta’ Dun Salvatore La Corte Pajas ta’ Bormla. Minn meta nġieb fl-Imqabba sal-1942 dan il-korp kien jinżamm taħt il-mensa tal-altar tal-Immakulata u kien mill-fondi tiegħu stess li kien sar l-irħam ta’ dan altar. B’xorti ħażina fil-gwerra li għaddiet dan il-ġisem sagru tfarrak u minnu baqa’ biss xi fdalijiet li llum jinżammu fi statwa żgħira taħt l-altar tal-kor.

 

Kif diġà semmejna, din il-knisja għandha disa’ altari minbarra dak maġġur. Erba’ minnhom qegħdin fil-korsija u huma dedikati lill-Ispirtu s-Santu, lil Sant Antnin, lil San Pawl u lill-Viżitazzjoni. L-oħrajn jinsabu fil-kappelluni u huma dedikati lill-Kurċifiss, lill-Immakulata Kunċizzjoni, lill-Madonna tar-Rużarju u lill-Inkurunazzjoni tal-Madonna (magħruf ukoll bħala ta’ San Ġużepp). Fil-kor, wara l-altar maġġur, hemm l-altar li jagħti l-isem lill-knisja u lill-parroċċa, dak tal-Assunzjoni tal-Madonna. L-altar maġġur jiġi dekorat bil-gandlieri tal-injam fil-festa ad unur Santa Marija. Dawn kienu ġew skulturati minn Mastru Pawlu Bugeja fis-sena 1882.

 

Il-kwadru titulari ta’ din il-knisja tpitter minn Filippo Fortunazto Venuti, pittur Taljan li għamel bosta xogħlijiet f’Malta. Dan il-kwadru li hu fost l-aħjar xogħlijiet tiegħu tħallas minn Dun Salv Schembri u tbierek mill-Kappillan Dun Kalcidon Schembri fis-17 ta’ Diċembru 1896. Mad-dawra tal-bieb ewlieni tal-knisja wieħed jista’ josserva l-pittura magħmula minn Filippo Venuti fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin. Din tirrapreżenta l-profezija ta’ Marija Immakulata u t-tkeċċija ta’ Adam u Eva mill-Ġenna tal-Art.

 

L-aktar restawr riċenti, wara li ftit tas-snin ilu tneħħew l-arzelli minn mad-dawra tal-koppla, sar matul ix-xahar ta’ Mejju 2012, meta taħt il-Kappillan tal-Parroċċa Dun Nazzaren Caruana, ġie restawrat l-irħam tal-art tal-knisja kollha nkluż dak ta’ partijiet mill-presbiterju. L-irħam isfar inbidel kollu filwaqt li l-irħam kollu ġie llustrat mill-ġdid. Is-somma globali għal dan ix-xogħol kienet ta’ €7,500. Ta’ min isemmi wkoll li taħt Dun Nazzaren Caruana l-knisja ngħatat dehra isbaħ meta ġiet miżbugħha kollha kemm hi minn ġewwa filwaqt li saret manutenzjoni ġenerali fuq l-antiporti.

 

knisja 1 knisja 2a knisja 2b knisja 3 knisja 4 knisja 5 knisja 6 knisja 8 knisja 9 knisja 10 knisja15knisja 12 L-altar tal- Assunzjoni tal-MadonnaIl-Koppla u l-erba' pennakki Pittura Immakulata Kunċizzjoni

Lapida mal-ħajt tal-knisja li tfakkar il-vittmi tal-gwerra Daqqa ta' shampner fil-kantun lampier 1 lampier 2 lampier 3

 

Is-Salib tal-Pjazza, il-Pjazza u z-Zuntier tal-Knisja

 

Is-Salib ta’ ħdejn il-Knisja Parrokkjali qiegħed ifakkar lil Dun Angelo Mallia li kien kappillan tar-raħal bejn l-1667 u l-1690. Dan il-kappillan li tant tħabat u rsista biex iwaqqaf l-attwali knisja, ma kellux ix-xorti jara lesta għal kollox għaliex miet għal għarrieda fis-26 ta’ Jannar 1690 f’nofs il-pjazza tal-knisja, fejn kien qiegħed jitħadded mal-ħaddiema tal-bini tal-istess knisja fuq l-inċertezza tal-mewt. Il-poplu, b’tifkira perpetwa ta’ dan, u b’sinjal ta’ rikonoxxenza, bnielu fl-istess post fejn miet salib kbir tal-ħaġar bħala monument perenni ta’ dan il-kbir benefattur. Dan is-salib jinsab fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja quddiem il-każin tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, u fih madwar 11-il metru għoli u huwa magħmul minn ġebla tal-franka. Is-salib huwa elevat fuq tlett ċrieki, wieħed iżgħar mill-ieħor li jifforma taraġ. Fiċ-ċentru hemm pedestall solidu u fuq il-pedestall hemm kolonna sħiħa b’salib fuq sfera tal-ġebel. Fis-snin disgħin dan is-salib tal-pjazza ġie skedat, jiġifieri protett mil-liġi, mill-Awtorità tal-Ippjanar (MEPA), flimkien ma’ postijiet oħra fl-Imqabba.

 

Fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja nsibu l-istatwa tal-ġebel tal-Madonna tielgħa s-sema; dan għall-fatt li l-Imqabba hija ddedikata lill-Madonna taħt dan it-titlu. Din l-istatwa ġiet restawrata ftit tas-snin ilu, filwaqt li dan l-aħħar balal tal-ħadid mad-dawra tal-pedestall ħadu post dawk tal-ġebel wara li tnejn minnhom sfaw imkissra. Mad-dawra taz-zuntier insibu erba’ statwi oħra tal-ġebel li jirrappreżentaw lil San Ġwann Battista, ir-Redentur, l-Immakulata Kunċizzjoni u Santu Rokku. Dan iz-zuntier għad għandu stil tipikament antik billi hu mdawwar bil-ħadid u ħames kanċelli. Il-ħadid taz-zuntier kien restawrat riċentament mill-kappillan tar-raħal Dun Nazzaren Caruana. Il-pjazza hija ddominata mill-Knisja Parrokjali kif ukoll miż-żewġ każini: dak tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju u dak tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Il-faċċati ta’ dawn iż-żewġ każini huma ta’ żmien ta’ wara t-tieni gwerra dinjija. Fil-pjazza wkoll insibu żewg każini politiċi. Ta’ interess arkeoloġiku kbir huma d-dekorazzjonijiet u l-istil li nsibu fuq l-ewwel bini fi Triq il-Parroċċa. Dawn huma simili ħafna għal dawk tas-seklu tmintax. Ta’ min jgħid li taħt il-pjazza kollha nsibu ġiebja kbira li fiha jinġabar l-ilma tax-xita fix-xitwa. Din il-ġiebja kienet tħaffret biex jittieħed il-ġebel biex tinbena l-Knisja Parrokjali tar-raħal. B’hekk in-nies ta’ dak iż-żmien ma kellhomx il-problema ta’ distanza sabiex iġorru l-ġebel. Irridu nifhmu li dak iż-żmien ma kinux jeżistu l-kumditajiet tal-lum. Parti minn din il-ġiebja, eżatt quddiem Triq il-Parroċċa, ċediet ftit taż-żmien ilu minħabba l-piż ta’ trakkijiet kbar tal-ġebel li kienu jgħaddu minn Triq il-Parroċċa. Il-Kunsill Lokali ħa ħsieb li jerġa’ jirranġa din il-ġiebja u jsaqqafha mill-ġdid. Matul dan ix-xogħol wieħed seta’ jinnota l-arkati li bihom kienet ġiet imsaqqfa oriġinarjament din il-ġiebja. Illum din il-parti li sfrundat ġiet imsaqqfa bi planki tal-konkos.

Is-Salib ta' quddiem il-knisjaSan Ġwann Battista Ġesù Redentur Santu Rokku Il-Madonna tal-Kunċizzjoni L-Istatwa ta' Santa Marija fil-pjazzaL-Istatwa ta' Santa Marija fil-pjazza