Mro Charles Schembri L.R.C.M.

 

Dwar is-Surmast Karmenu Schembri ftit li xejn nafu informazzjoni. Biss minn informazzjoni li għaddielna verbalment is-Sur Joseph Farrugia, Storiku u ex-President tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba, jidher li Mro Charles Schembri, iben Leone u Tereza, twieled nhar it-3 ta’ Awwissu 1912 fl-inħawi fejn illum insibu l-Parroċċa tal-Marsa u li sa dak iż-żmien kien għadu jifforma parti mill-Ħamrun. Fil-fatt Mro Schembri kien joqgħod f’dar San Pawl bin-numru 83 fi Triq Ħal Qormi ġewwa l-Ħamrun. Din it-triq tifforma parti minnha mal-Ħamrun u n-nofs l-ieħor mal-Marsa wara li l-Marsa saret parroċċa fis-sena 1913. Biss Mro Schembri dejjem kien iqis ruħu bħala Ħamruniż u l-indirizz dejjem kien jikkwotah bħala Ħamrun. Wara Mro Schembri mar joqgħod fil-Belt Valletta.

 

Wara li ta s-sehem u l-għajnuna tiegħu lis-Soċjetà meta ġiet iffurmata u mwaqqfa l-Orkestra Santa Marija, is-Surmast Schembri kien siefer lejn l-Ingilterra fis-sena 1951 sewwa sew fil-25 ta’ Awwissu 1951. Dan jista’ jiġi kkonfermat ukoll għaliex sas-sena 1948, Mro Schembri kien għadu jidher ismu fuq ir-reġistru elettorali. Minn hemm nifhmu li kien emigra lejn l-Awstralja għaliex martu Giuseppa flimkien ma’ uliedha Giuseppi, Fortunato u Antonio kienu emigraw lejn l-Awstralja fiż-żmien li Mro Schembri kien għadu l-Ingilterra. Minn dokument li nstab li fil-fatt huwa ittra mibgħuta lit-tifla Eleonora, jidher li Mro Schembri għamel xi żmien jistudja fl-Ingilterra u kellu l-aħħar eżamijiet mal-BBC. Fl-istess ittra, iħajjar lill-istess tifla biex jekk trid setgħet tmur tiżżewweġ fl-Ingilterra għaliex kif insibu miktub li ‘hawn ħafna knejjes u huma serji’. Mro Charles Schembri kien iżżewweġ lil Josephine xebba Cassar u kellhom tminn t’itfal, Tereza l-kbira (1933) (wara li żżewġet marret toqgħod Bormla), Eleonora (1934) (jidher li żżewġet u marret toqgħod l-Ingilterra), Carmelo (1935), Francis (1937), Emanuel (1939), Fortunato (1940), Giuseppi (1944) u Antonio (1951).

 

Referenzi: Informazzjoni mgħoddija verbalment mis-Sur Joseph Farrugia wara 16-il sena sħaħ ta’ riċerka kontinwa.