Les Étoiles d’Or du Jumelage – 1998

 

Huwa unur li s-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V ingħatat fl-1998 mill-Unjoni Ewropea, bħala mertu għall-ħidma li saret bejn is-snin 1996 u 1997 waqt il-ġemellaġġ bejn il-Banda Re Ġorġ V u l-Banda mill-Provinċja ta’ Ascoli Piceno fl-Italja, Corpo Bandistico Cittadino di Santa Vittoria in Matenano. Wara ż-żjara reċiproka tal-Banda Taljana ġewwa Malta fl-1997, is-Soċjetà flimkien mal-Banda ‘Ġemella’, issottomettiet rapport dettaljat lill-Unjoni Ewropea rigward dak kollu li sar waqt dawn iż-żewġ azzjonijiet tal-Ġemellaġġ. Wara evalwazzjoni ta’ aktar minn 4,000 rapport, il-ġemellaġġ tal-Banda Re Ġorġ V kien wieħed minn għaxra li ntgħażel sabiex jirċievi l-premju li ngħata nhar it-13 ta’ Novembru 1998 waqt ċerimonja li saret f’Ferrara l-Italja. Il-premju jikkonsisti fi plakka kommemorattiva flimkien ma’ ċertifikat iffirmat mill-President tal-Unjoni Ewropea nnifsu. L-Unjoni Ewropea, li tqis il-ġemellaġġi bħala fattur ewlieni li jgħin għal aktar għaqda bejn il-pajjiżi Ewropej, tonora kull sena permezz tal-‘Les Étoiles d’Or’ lil dawk il-Ġemellaġġi li l-aktar ikunu ħadmu b’risq din l-għaqda.

 

Is-Soċjetà tħossha grata lejn il-Kunsill Lokali tal-Imqabba li kien ta’ appoġġ waqt dan il-Ġemellaġġ, kif ukoll lis-Sur Alfred Galea, li kien l-organizzatur ewlieni waqt dan il-Ġemellaġġ. Is-Soċjetà Santa Marija flimkien mar-raħal tal-Imqabba għandhom għalfejn ikunu kburin bħala l-ewwel u l-uniċi għaqda u raħal Malti qatt onorati bl-Les Étoiles d’Or du Jumelage.

 

 

 Dokumenti