Il-Palazz Santa Marija

 

Fit‐23 ta’ Jannar 1934, bit‐tħabrik tal‐President is‐Sur Guzè Bugeja, inxtrat dar fejn illum jinsab il‐każin preżenti u b’hekk żgurat ruħha l‐ħajja tas‐Soċjetà. Id-dar li kienet b’sular wieħed kellha entrata sabiħa b’żewġ kmamar kbar laterali bi twieqi għal barra. Wara l-entrata kien hemm spazju kbir b’taraġ li jagħti għal fuq il-bejt. Il-kċina kienet skont l-istil ta’ dak iż-żmien, bil-fuklari mgħottijin b’saqaf komunikat maċ-ċumnija għal fuq il-bejt. Fil-bitħa kien hemm siġar tad-dwieli u tal-frott irqiq. Il-kantina kienet taħt l-entratura u l-kmamar laterali. Quddiem id-dar kien hemm pilastri u kanċell tal-ħadid. Ta’ min wieħed jgħid li qabel din id‐dar li tinsab f’41, Pjazza tal‐Parroċċa, is‐Soċjetà tagħna kellha s‐sede tagħha fi tliet postijiet oħra, jiġifieri:

 

(i) L‐ewwel każin kien f’numru 2, Triq il‐Karmnu,
(ii) it‐tieni kien f’numru 30, Pjazza tal‐Parroċċa. u
(iii) it‐tielet kien f’numru 38, Pjazza tal‐Parroċċa.

 

Bejn l‐1939 u l‐1945, matul it‐Tieni Gwerra Dinjija, il‐bini tal‐każin serva bħala uffiċini tal‐Gvern, hekk kif servew diversi każini oħra f’Malta u baqa’ hekk sakemm għadda t‐tiġrib. Fl‐14 ta’ Novembru 1948, waqt seduta ġenerali oħra ġie deċiż li l‐każin jitkabbar skond il‐pjanta ta’ Guzè D’Amato ta’ Raħal Ġdid. Ix‐xogħol inbeda fit‐12 ta’ April 1949 u b’sagrifiċċji li llum ma jitwemmnux ix‐xogħol intemm b’suċċess fit‐13 ta’ Mejju 1951.

 

F’Ġunju tal‐1952, benefattur kbir tas‐Soċjetà tagħna s‐Sur Lorenzo Ellul irregala statwa ta’ Marija Assunta ta’ daqs naturali, maħduma fil‐ġebla Maltija mill‐iskultur famuż Marco Montebello u li tpoġġiet fuq il‐bini tal‐każin proprju fuq il‐faċċata fejn tiddomina mill‐għoli.

 

L‐ewwel 50 sena tal‐eżistenza tal‐ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija ġew iċċelebrati bil‐kbir fl‐1960, u biex jibqa’ mfakkar dan l‐avveniment, twaħħlet lapida kommemorattiva fl‐intrata tal‐każin. Sa minn meta nxtara u tkabbar il‐każin, sar ħafna xogħol ieħor bħall‐abbelliment tas‐Sala Prinċipali fl‐1964, u fl‐1981 ġiet irrestawrata u mżejna bi tliet linef mill‐isbaħ. Fl‐1989 infetħet uffiċjalment sala oħra maħsuba biex fiha jsiru l‐kunċerti tal‐banda.

 

Matul Ottubru tal‐1990, saru diversi seduti ġenerali biex jiġi approvat ir‐reviżjoni ġenerali tal‐Istatut. Kien f’dan iż‐żmien li ġie deċiż li l‐isem tal‐każin ikun jiġbor fih l‐istorja kollha ta’ din l‐ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija, sa mit‐twaqqif tagħha, jiġifieri Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Fl‐1991, bħal dejjem bl‐għajnuna tal‐benefatturi tas‐Soċjetà saru l‐armi tal‐ġnub fuq il‐faċċata tal‐każin u li nkixfu uffiċjalment nhar is‐Sibt, 10 ta’ Awwissu. Dawn l‐opri kienu mħallsa mill‐aħwa Ellul, li komplew fuq il‐passi ta’ missierhom.

 

Fit-30 ta’ Lulju tal-1992, taħt il‐Patroċinju tal‐Eċċellenza Tiegħu Dr Censu Tabone, President ta’ Malta sar il‐kxif tal‐Pedestall ta’ taħt Santa Marija ta’ fuq il‐faċċata tal‐każin (imħallas mill‐aħwa Ellul), tal‐lapida kommemorattiva u tal‐pittura tal‐Konvoj (imħallsa mill‐aħwa Ghigo) li tinsab fiċ-Ċentru Artistiku fis-Sala Prinċipali tal-Każin.

 

Matul dan l-aħħar snin il-bżonn ta’ iktar spazju fejn il-membri jkunu jistgħu jagħmlu l-ħtiġijiet b’risq il-festa beda jinħass iktar. Għalhekk f’Marzu tal-1999 inxtara l-post ta’ biswit il-każin fejn hawn seta jinbena l-proġett tal-Estensjoni tal-Każin. Dan il-proġett kien inawgurat nhar is-26 ta’ Diċembru 2010.