Dwarna

Fl‐1905 twaqqaf l‐ewwel każin soċjali taħt l‐isem ta’ Santa Marija, bi President is‐Sur Paolo Caruana. Sabiex jibqa’ mfakkar l‐avveniment storiku tal‐Inkurunazzjoni tar‐Re Ġorġ V, fl‐1910, f’Malta kienu saru festi kbar u waqt dawn iċ‐ċelebrazzjonijiet, fil‐każin saret laqgħa ġenerali fejn ġie deċiż li l‐isem jinbidel minn Każin Soċjali Santa Marija għal dak ta’ Re Ġorġ V, bl‐ewwel President ikun is‐Sur Felic Zammit. L‐iskopijiet ewlenin li għalihom ġie mwaqqaf dan l‐ewwel każin soċjali fl‐Imqabba kienu:

 

1) Biex is‐soċji jkollhom fejn jiltaqgħu u jqattgħu l‐ħin liberu tagħhom;

2) Biex jieħdu ħsieb il‐ħtiġijiet tal‐festi esterni ta’ Santa Marija, Titular tal‐Parroċċa.

 

Fit‐23 ta’ Jannar, 1934 bit‐tħabrik tal‐President is‐Sur Guzè Bugeja, inxtara l‐każin preżenti u b’hekk żgurat ruħha l‐ħajja tas‐Soċjetà.

 

Għall‐ħabta tal‐1939, Guzeppi Galea li kien mużiċist tajjeb beda jgħallem il‐mużika fil‐każin bl‐iskop li jwaqqaf orkestra, iżda ġara li faqqgħet il‐gwerra u t‐tagħlim kellu jieqaf. Fis‐sena 1943, reġgħet bdiet issir il‐festa u fl‐1944, meta l‐qilla tat‐tiġrib tal‐gwerra kienet naqset mis‐snin ta’ qabel, l‐istess Guzeppi Galea reġa’ ntefa b’ruħu u ġismu għat‐tagħlim tal‐mużika fil‐każin tagħna biex flimkien mas‐surmastrijiet Charles Schembri, Antonio Mamo, Espedito Deguara, il‐Professur Pawlu Carabott u Francesco Azzopardi waqqaf l‐Orkestra ‘Santa Marija’. L‐ewwel Programm immexxi minn Mro Espedito Deguara sar ġor‐raħal fit‐12 ta’ Awwissu, 1945. Fl‐20 ta’ Ottubru, 1946, waqt seduta ġenerali, l‐Orkestra nbidlet f’banda, bl‐ewwel surmast ikun Mro J. M. Barbara. L‐ewwel Programm Mużikali twettaq nhar Ħadd il‐Palm ta’ sena wara, jiġifieri fid‐29 ta’ Marzu, 1947, b’għadd ġmielu ta’ bandisti tal‐post li fi tlett xhur bidlu l‐istrumenti minn dawk tal‐orkestra għal dawk ta’ banda kif nafuha llum. Din hija prova oħra ta’ kemm kien sod it‐tagħlim mużikali li ħadu dawn l‐ewlenin mużiċisti Mqabbin. Wara Mro J. M. Barbara, fl‐1951 il‐Banda għaddiet taħt it‐tmexxija ta’ Mro Leonard Spiteri, iben il‐Banda. Fl‐1956, Mro Leonard Spiteri emigra l‐Ingilterra u għalhekk il‐Banda għaddiet taħt it‐tmexxija ta’ Mro George Martin, li kellu ħajja twila mal‐Banda u żgur jibqa’ mfakkar għall‐Innu kapolavur ‘Lil Marija Mtellgħa s‐Sema’, fuq versi tal‐mibki Direttur Spiritwali tas‐Soċjetà l‐W.R. Patri J.M. Ghigo. Wara l‐mewt ħesrem ta’ Mro George Martin, fi Frar tal‐1991 il‐Banda għaddiet taħt it‐tmexxija ta’ iben ieħor is‐Soċjetà, jiġifieri Mro Anthony Camilleri. Dan ma kienx ikun possibli li kieku mhux għat‐tħabrik tal‐mibki ex-President Onorarju tas‐Soċjetà u wieħed mill‐ewlenin bandisti tal‐banda tagħna, is‐Sur Leonard Farrugia, li partikolarment ħadem bis‐sħiħ biex jgħallem il‐mużika fil‐każin tagħna.

 

Fl‐14 ta’ Novembru, 1948, waqt seduta ġenerali oħra ġie deċiż li l‐każin jitkabbar skond il‐pjanta ta’ Guzè D’Amato ta’ Raħal Ġdid. Ix‐xogħol inbeda fit‐12 ta’ April 1949 u b’sagrifiċċji li llum ma jitwemmnux ix‐xogħol intemm b’suċċess fit‐13 ta’ Mejju, 1951. F’Ġunju tal‐1952, benefattur kbir tas‐Soċjetà tagħna s‐Sur Lorenzo Ellul irregala statwa ta’ daqs naturali, maħduma fil‐ġebla Maltija mill‐iskultur famuż Marco Montebello u li tpoġġiet fuq il‐bini tal‐każin proprju fuq il‐faċċata fejn tiddomina mill‐għoli.

 

Sa minn meta nxtara u tkabbar il‐każin, sar ħafna xogħol ieħor bħall‐abbelliment tas‐sala prinċipali fl‐1964, u fl‐1981 ġiet irrestawrata u mżejna bi tliet linef mill‐isbaħ. Fl‐1989 infetħet uffiċjalment sala oħra maħsuba biex fiha jsiru l‐kunċerti tal‐banda. Barra dan, nhar it‐30 ta’ April, 1963 ġiet inawgurata kamra tan‐nar ġdida filwaqt li fil‐25 ta’ Ġunju 1984, ġiet irregalata biċċa art oħra mill‐aħwa Ghigo, li flimkien ma’ dik li nxtrat sena wara kienu strumentali biex is‐Soċjetà jkollha żewġ imħażen kbar għall‐bżonnijiet tagħha, u sala oħra kbira li nbniet fuqhom.

 

Matul Ottubru tal‐1990, saru diversi seduti ġenerali biex jiġi approvat ir‐reviżjoni ġenerali tal‐Istatut. Kien f’dan iż‐żmien li ġie deċiż li l‐isem tal‐każin ikun jiġbor fih l‐istorja kollha ta’ din l‐ewwel Soċjetà Mużikali Mqabbija, sa mit‐twaqqif tagħha, jiġifieri Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Kienet f’dik l-istess sena li s-Sur Carmel Zahra ġie maħtur bħala President tas-Soċjetà. Fl‐1991, bħal dejjem bl‐għajnuna tal‐benefatturi tas‐Soċjetà saru l‐armi tal‐ġnub fuq il‐faċċata tal‐każin u li nkixfu uffiċjalment nhar is‐Sibt, 10 ta’ Awwissu. Dawn l‐opri kienu mħallsa mill‐aħwa Ellul, li komplew fuq il‐passi ta’ missierhom. Nhar it‐13 ta’ Awwissu tal‐istess sena, ġie mżanżan pedestall, maħdum mill‐membru tagħna s‐Sur Pawlu Mifsud għal taħt l‐istatwa tal‐Papa Piju XII (xogħol l‐artist is‐Sur Renzo Gauci). L‐ispejjeż tal‐pedestall għamel tajjeb għalihom il‐President Onorarju tas‐Soċjetà s‐Sur Joseph Farrugia. Is-sena 1992 kienet waħda storika għas‐Soċjetà tagħna meta tfakkar bil‐kbir il‐Ġublew tad‐Deheb tal‐Konvoj ta’ Santa Marija. Taħt id‐direzzjoni tas‐Surmast Direttur preċedenti u iben is‐Soċjetà tagħna Mro Anthony Camilleri sar Programm Strumentali nhar il‐Ħamis, 30 ta’ Lulju, taħt il‐Patroċinju tal‐Eċċellenza Tiegħu Dr Censu Tabone, President ta’ Malta. Wara, sar il‐kxif tal‐Pedestall ta’ taħt Santa Marija ta’ fuq il‐faċċata tal‐każin (imħallas mill‐aħwa Ellul), tal‐lapida kommemorattiva u tal‐pittura tal‐Konvoj (imħallsa mill‐aħwa Ghigo).

 

Fis‐sena 1996 inkitbet paġna storika oħra fi ħdan is‐Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V fejn infetħu l-bibien għas-suċċessi permezz tad-diversi Relazzjonijiet Internazzjonali. Is‐Soċjetà tagħna ħasbet sabiex torganizza Ġemellaġġ mal‐Banda Taljana Corpo Bandistico ta’ Santa Vittoria in Matenano ġewwa Ascoli Piceno. Fis‐sena 1997 kien imiss it‐tieni parti tal‐Ġemellaġġ fejn il‐Banda ġemella kienet il‐mistiedna speċjali matul il‐festa ad unur Santa Marija. Dan il‐Ġemellaġġ kompla bis‐suċċess tiegħu meta fl‐1998 l‐Unjoni Ewropea ppremjat lis‐Soċjetà tagħna bl‐Unur uniku Les Étoiles d’Or du Jumelage, ġewwa Ferrara l‐Italja. Fis-snin ta’ wara kellna fostna l-Banda Jugend Blasorchester tal-Ġermanja (1998), il-Banda Filarmonika ta’ Larissa mill-Greċja (2000), il-Banda Kiryat mill-Iżrael (2001), il-Kfar Saba Community Concert Band mill-Iżrael (2001), il-Kor minn Iżrael, Alei Gefen (2002). Wara l-mewt ta’ Patri Joseph Ghigo fis-sena 2003, Patri Joseph Zahra ġie maħtur bħala d-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V.

 

Fis-snin ta’ wara kellna diversi baned oħra barranija mistiedna għall-festa ta’ Santa Marija, fosthom il-Bedford Town Band mill-Ingilterra (2005), il-Banda St. Keverne minn Cornwall mill-Ingilterra (2005), kif ukoll il-Whistling World Champion David Morris (2006), Surmast Amerikan minn Louisana Mro Andy (2007), St. Stythians Brass Band mill-Ingilterra (2007) u l-Banda Taljana Associazione Bandistica Cittadina di Cave, (2008). F’Lulju tas-sena 2007 il-banda tagħna kienet għamlet it-tieni mawra tagħha barra minn Malta sabiex tieħu sehem fil-Festa del Socio li ssir ġewwa Cave stess. Ta’ min isemmi wkoll li f’din il-mawra ġewwa l-Italja, il-Banda Re Ġorġ V kellha x-xorti u l-opportunità li ddoqq ġewwa s-Sala Nervi fil-Vatikan, waqt udjenza mal-Papa Benedittu XVI.

 

Fis-snin riċenti s-Soċjetà kompliet tkabbar dawn ir-relazzjonijiet internazzjonali meta fuq inizjattiva tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija ġie organizzat l-ewwel skambju kulturali fl-Imqabba ma’ grupp ta’ żgħażagħ Taljani minn Cirò.

 

F’Ġunju tas-sena 2005 is‐Soċjetà kienet mistiedna toffri spettaklu ta’ nar tal‐art bħala parti miċ‐ċelebrazzjonijiet tal‐25 anniversarju tal‐FECC (Federazzjoni Ewropea tal‐Bliet tal‐Karnival). F’Novembru l‐Banda Re Ġorġ V kienet l‐ewwel banda Mqabbija li esegwiet Program Strumentali ġewwa t‐Teatru Manoel, taħt il‐Patroċinju tal‐E.T. President ta’ Malta Dr Edward Fenech Adami. Fl‐istess sena l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija ġiet għal darba oħra mistiedna toffri spettaklu ta’ nar tal‐ajru sinkronizzat mal‐mużika bħala għeluq taċ-ċena offruta mill‐E.T. Reġina Eliżabetta II lir‐rappreżentanti tal‐pajjiżi tal‐Commonwealth (CHOGM), kif ukoll rappreżentanti tas‐Soċjetà ġew mistiedna għal riċeviment offrut mill‐E.T. Reġina Eliżabetta II fuq il‐Bastiment Navali HMS Illustrious. F’April tas‐sena 2006, l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija ħarġet bl‐unuri meta kienet ir‐rebbieħa tal‐Ewwel Festival Internazzjonali tan‐Nar ta’ Malta minn fost fabbriki tan‐nar kemm Maltin kif ukoll barranin. Fl‐istess sena, l‐Għaqda tan‐Nar offriet żewġ spettakli oħra fil‐Port il‐Kbir bħala parti minn konferenza ta’ Thomas Cook. Is‐swali komplew jissebbħu b’pitturi li jirrappreżentaw il‐Madonna fil‐Glorja, il‐Mużika, il‐Pittura, l‐Arti u l‐Iskultura. Proprju fis‐sena, 2006, ġiet inawgurata biċċa pittura oħra fis‐saqaf tal‐istess sala. Fil-ġranet tal-Milied, is-Sezzjoni Żgħażagħ organizzat għall-ewwel darba l-Presepju Ħaj ġewwa l-Bini tal-Isptar il-Qadim.

 

Is-sena 2007 kienet sena mpenjattiva għas-Sezzjoni Żgħażagħ fejn għall-ewwel darba ġewwa l-Imqabba ġiet organizzata l-wirja oriġinali ta’ vari ta’ Spanja – La Semana Santa. Il-ftuħ ta’ din il-wirja sar mill-E.T. Arċisqof ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona OP li kien għadu kif ħa l-pussess tiegħu ftit xhur qabel. Hawn is-Sezzjoni Żgħażagħ kienet strumentali sabiex saret din l-ewwel Viżta Pastorali tal-Arċisqof ġewwa l-Imqabba. F’Awwissu tas-sena 2007 l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija kkompetitiet għall‐ewwel darba barra minn xtutna matul il‐Kampjonati Mondjali tan‐Nar Caput Lucis li sar Val Montone viċin Ruma fl‐Italja fejn hemm l-Għaqda tan‐Nar Santa Marija kisbet l-ewwel post. Is-Sezzjoni Żgħażagħ fil-ġranet tal-Milied tal-istess sena organizzat ukoll it-tieni edizzjoni tal-Presepju Ħaj, ġewwa l-Bini tal-Isptar il-Qadim.

 

Lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2008 beda x-xogħol tat-twaqqiħ tal-post li kien jinsab biswit il-każin sabiex jagħmel spazju għall-Proġett tal-Estensjoni tal-Każin. Fis-sena 2009 is-Sezzjoni Żgħażagħ għall-ewwel darba fl-Imqabba, organizzat Ċenaklu Ħaj fis-sotteran tal-każin kif ukoll f’parti mix-xelter tal-każin.

 

Fis‐sena 2010, is‐Soċjetà ċċelebrat bil‐kbir l‐ewwel ċentinarju mit‐twaqqif tagħha. Kienu diversi l-attivitajiet li saru bħal, it-tnedija tal-Logo Uffiċjali – Mitt Sena għall-Imqabbin … Mużika, Kultura, Suċċess. Wara din kien imiss żjara mill-E.T. President ta’ Malta Dr George Abela segwita bl-attivita ‘9 t’April 1942 … Ġrajjiet l-Imqabba’, fejn għall-ewwel darba ġie miftuħ għall-pubbliku x-xelter li jinsab fil-każin. F’din is-sena l-Għaqda tan-Nar tal-Art ħadet sehem fir-IV Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art li ġie organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana nhar is-Sibt 24 ta’ April 2010. L-Għaqda tan-Nar tal-Art ġiet iddikjarata bħala rebbieħa ta’ dan il-festival wara li rebħet tliet kategoriji. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel ċentinarju mit‐twaqqif tas‐Soċjetà laħqu l-qofol tagħhom fil-21 ta’ Diċembru 2010 fejn ġie nawgurat il-proġett ambizzjuż, dak tal-estensjoni tal-każin.

 Filmati