Il-Festa Titulari 2012

 

Fil-festa ta’ Santa Marija tal-2012 tfakkar kif jixraq is-70 sena tal-Konvoj ta’ Santa Marija, billi r-raħal tal-Imqabba kien wieħed mill-irħula l-aktar milqutin fit-Tieni Gwerra Dinjija, dan minħabba li jinsab qrib l-ajruport. Dawn il-memorji ġew imġedda permezz ta’ rikostruzzjoni piroteknika tal-Konvoj ta’ Santa Marija bil-logħob tan-nar, flimkien ma’ rakkont qasir u mużika adattata. In-nar tista’ tgħid kien kollu sinkronizzat mal-mużika. Saret ukoll wirja fis-sala prinċipali tal-każin dwar it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Konvoj ta’ Santa Marija, bil-għajnuna ta’ Leonard Azzoppardi.

 

Il-festa tal-2012 kienet ukoll ridemonsjonata minħabba l-mewt tal-Kappillan Dun Nazzaren Caruana li miet fid-9 ta’ Lulju 2012. Bħala turija ta’ rispett, diversi attivitajiet għal sena waħda biss ġew imnaqqsa jew ma sarux. Dawn kienu jinkludu:

 

i) il-koppla kienet mixgħula biss f’lejliet u nhar il-festa titulari;

 

ii) tul il-jiem tat-Tridijiet, il-Mutett fil-knisja kien bla orkestra;

 

iii) tul il-kwindiċina ntagħżlet ġurnata waħda fejn fiha saret quddiesa bis-sehem tal-għaqdiet kollha tal-Imqabba b’suffraġju għall-kappillan. Waqt din il-quddiesa saret ġabra li kollha kienet għall-benefiċċji tad-Dar tal-Providenza;

 

iv) 9 ta’ Awwissu 2012 – waqt ħruġ il-vara fuq iz-zuntier sar talb għal ruħ il-kappillan, inqrat poeżija ddedikata għalih u ndaqqu Innijiet Marjani biss. Fl-aħħar, il-banda ħarġet miz-zuntier bla ma daqqet marċi u marret Triq il-Madonna tal-Ġilju fejn il-marċ inbeda biss minn hemm;

 

v) 10 ta’ Awwissu 2012 – ma sar ebda ħruq tan-nar. Waqt il-Kunċert Vokali u Strumentali imtellgħa mill-Banda Re Ġorġ V, inqrat poeżija ddedikata lil Dun Nazzaren Caruana u saret minuta silenzju, indaqqet silta mużikali ddedikata lill-eks-Kappillan, u sar feature dwar Dun Nazzaren Caruana;

 

vi) 14 ta’ Awwissu 2012 – il-ħruq tan-nar ta’ lejlet il-festa ixxandar dirett fuq Net TV u hawnhekk reġgħat saret minuta silenzju b’rispett lejn Dun Nazzaren Caruana, u wara nqrat bijografija tiegħu fejn kollox kien ixxandar dirett fuq Net TV;

 

vii) 15 ta’ Awwissu – il-marċ ta’ nofsinhar ma sarx;

 

viii) wara li ndaqq l-Innu l-Kbir, il-banda waqfet u l-purċissjoni ħadet forma ta’ pellegrinaġġ bit-talb. Minn hawn ’il quddiem inħarqet biss il-kaxxa waqt dħul il-vara. Ebda ħruq ta’ nar ieħor ma sar u iktar minn hekk ma sarx il-marċ tradizzjonali tan-nar wara dħul il-vara;

 

ix) 16 ta’ Awwissu 2012 – ix-xalata u l-attivitajiet kollha relatati magħha ma sarux.

 

Jum il-Festa 15.08.2012

Purċissjoni bil-Vara

Nar tal-Ajru

 

Lejliet il-Festa 14.08.2012

Transalazzjoni Solenni tar-Relikwa

Nar tal-Ajru u tal-Art

 

It-Tielet Jum tat-Tridu 13.08.2012

Marċ Brijuż

Nar tal-Ajru u tal-Art

 

It-Tieni Jum tat-Tridu 12.08.2012

Marċ Brijuż

Nar tal-Ajru u tal-Art

 

L-Ewwel Jum tat-Tridu 11.08.2012

Marċ Brijuż

Nar tal-Ajru u tal-Art

 

Jum il-Banda 10.08.2012

Kunċert Vokali u Strumentali mill-Banda Re Ġorġ V

 

Jum il-Ħruġ il-Vara 09.08.2012

Ħruġ il-Vara fuq iz-Zuntier

 

Ritratti matul il-ġranet tal-Festa 2012

Esebizzjoni tat-Tieni Gwerra Dinjija

Armar ġdid għall-Festa

Preparament fin-Nar tal-Art

Minn ġol-Għalqa

Preparamenti għall-Festa

Logħob tan-Nar għall-Festa

Quddiesa ta’ Jum iż-Żgħażagħ

Preżentazzjoni tat-Trabi u Tfal lil Alla quddiem Santa Marija

Ħruġ il-Vara min-Niċċa