La Semana Santa España fl-Imqabba

 

Hemm ħafna x’tikteb fuq din l-akbar u l-eqdes ġimgħa tas-sena; is-Semana Santa. F’dawn il-ftit versi ħa nipprova ndaħħalkom fil-qrib ta’ din il-ġimgħa l-aktar importanti għalina l-insara, speċjalment kif tiġi ċċelebrata fil-belt Spanjola ta’ Sevilja. Is-sena l-oħra kelli l-opportunità mmur f’din il-belt tant sabiħa ta’ Sevilja (il-kapitali tal-Andalucia), biex nara dawn il-purċissjonijiet tant famużi fid-dinja. Għamilt hemm minn Ħadd il-Palm sal-Għid il-Kbir. Kienet ġimgħa sħiħa ta’ purċissjonijiet b’vari differenti, ’il fuq minn 116-il waħda. Dawn jirrappreżentaw xi misteri mill-Passjoni ta’ Ġesù. Dawn jissejħu Pasos u dawk tal-Verġni Marija bid-dmugħ f’għajnejha, b’diversi titli sbieħ Marjani jissejħu Bajo Palio. Id-Duluri taħt baldakkin irrakkmat bid-deheb u inkurunati, statwi tant sbieħ u rikki kollha mlibbsa bil-bellus irrakkmat, li jistrieħu fuq pedestal (Tronos) li jkun kbir u tawwali, jew skulturat fl-injam u indurat bid-deheb jew oħrajn li jkunu tal-fidda. Ma’ dawn il-purċissjonijiet jieħdu sehem eluf ta’ fratelli bix-xemgħat f’idejhom u lebsin bil-konfratija bil-kulur tal-Hermandad tagħhom. Numru kbir ta’ baned narawhom jakkumpanjaw dawn il-vari li jdoqqu marċi ferm sbieħ tal-okkażjoni. Però bla dubju ta’ xejn l-aktar mument importanti għalija kien meta rajt għall-ewwel darba l-istatwa tant għażiża ta’ Santa Maria de la Esperanza Macarena, inkurunata fil-31 ta’ Mejju 1964, meqjuma b’tant għożża fil-Bażilika ddedikata lilha. Statwa li ssaħħrek u li żgur tqabbiżlek demgħa xħin tħares lejha. Il-Macarena hija s-Sinjura u r-Reġina ta’ Sevilja. Jiena miktub fil-fratellanza Hermandad tal-Macarena u qed nieħu sehem fil-purċissjonijiet li jsiru fil-parroċċa tal-Imqabba (bil-munzetta Ħadra).

 

Fis-sena 2011 għall-ewwel darba ħadt sehem (bil-konfratija proprja tal-Macarena ta’ kulur aħdar u abjad) fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ssir fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tar-Rabat Malta, immexxija mill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Is-sena d-dieħla ħa niżdiedu b’4 fratelli oħra.

 

Is-sena 2011 kienet il-ħames darba li flimkien maż-żgħażagħ tas-Soċjetà Santa Marija, tellajna din il-wirja unika fil-gżejjer tagħna u li kienet suċċess kbir. Kellna diversi statwi ġodda fosthom l-Eżaltazzjoni tas-Salib maħduma Għawdex mill-istatwarju bravu Michael Cutajar Zahra, u l-vara ta’ meta Ġesù ġie mneżża’ minn ħwejġu, li Leonard Azzopardi ħadem mill-pedestall tagħha. Mal-vari ġa eżistenti żidna xi statwi oħra. Ħafna mill-istatwi komplejna nżejnuhom b’aktar rakkmu fl-ilbies tagħhom fejn komplew ħadu dehra isbaħ u aktar rikka.

 

Il-Monument sarulu 8 fjuretti sbieħ ħafna tal-ganutell, maħdumin minn Marisa Grech li nirringrazzjawha mill-qalb. Saru żewġ bradelli oħra tal-kewba minn Pawlu Muscat tal-Fgura, u pittura tal-Macarena minn Neville Attard ta’ Ħal Qormi. Nathalie Azzopardi ħadmet żewġ biċċiet pittura l-ġmiel tagħhom, dik ta’ Cristo el Rico u tal-Piedad ta’ Malaga. Nathalie u Leonard jaħdmu ħafna mill-qalb, senza interessi għal din il-wirja u ħaqqhom kull tifħir. Nirringrazzjaw ukoll lill-Kumitat tan-Nisa li ħietu l-purtieri tas-sala l-ġdida u ġew vera sbieħ. Grazzi ħafna u prosit lil Connie Farrugia tal-ħjata li tagħmlilna. Nirringrazzjaw ukoll lil Gulja Ghigo li mill-qalb tgħini biex narma u nżarma din il-wirja li żgur hi għall-qalb is-Soċjetà kollha. Nirringrazzjaw lil Frans Sciberras tal-għajnuna tiegħu u fl-aħħar u mhux l-inqas il-grazzi tmur lill-Kumitat Eżekuttiv li dejjem appoġġjani u kkuntentani f’dak kollu li jkolli bżonn biex flimkien naħdmu u nkomplu nibnu din il-wirja speċjali li tant tagħtina sodisfazzjon u li tkompli tgħolli l-isem tas-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba.

 

 

Riferenzi: Programm tal-Festa Santa Marija 2011: La Semana Santa Espana fl-Imqabba, paġna 135 kitba tas-Sur Michael Chetcuti

 Filmati