Pubblikazzjonijiet

 

Programmi tal-Festa

 

Sa mill-bidu nett is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V dejjem ħasset il-ħtieġa li żżomm kuntatt dirett mas-soċi u partitarji tagħha bl-iskop li tkun tista’ twassal aħjar il-messaġġ tagħha. Jekk inħarsu lura għas-sena 1973 insibu li l-kumitat ta’ dak iż-żmien kien ippubblika ktejjeb ċkejken bħala dak li llum insejħulu l-Annwal jew il-Programm tal-Festa. Dan kien jikkonsisti fi tnax-il paġna ta’ qies żgħir (A5), black and white. Il-faċċata kienet tkun dejjem simili li kienet tinkludi l-vara devota u artistika ta’ Santa Marija meqjuma fil-parroċċa tagħna. Kien jinkorpora fih il-programm tal-festa ġurnata b’ġurnata kif ukoll xi artikli qosra ta’ interess relatati mal-parroċċa u s-Soċjetà tagħna. Biż-żmien dan il-mezz ta’ komunikazzjoni beda jinkorpora fih il-messaġġi għall-ewwel tal-kappillan tal-parroċċa u aktar tard ukoll dawk tal-uffiċjali tal-każin.

 

Jidher li dan il-ktejjeb ċkejken kien jintlaqa’ tajjeb, tant li fis-sena 1984 il-kumitat ta’ dak iż-żmien deherlu li kellu jagħti xejra differenti lil dan il-ktejjeb. Deċiżjoni li waslet għall-ktejjeb kif nafuh illum. Il-qies tiegħu ġie mkabbar, filwaqt li żdiedulu n-numru ta’ paġni għal tnejn u tletin. Il-qoxra saret għall-ewwel darba bil-kulur u kienet ta’ materjal oħxon. B’hekk nistgħu ngħidu li l-ktejjeb li jiġi ppublikat matul il-ġimgħa tal-festa ngħatatlu xejra aktar denja ta’ ktieb li jinkorpora fih diversi artikli fosthom il-messaġġi u rendikonti ta’ dak li jkun sar fis-sena ta’ qabel. Minn din is-sena ‘l quddiem il-faċċata ta’ dan il-ktejjeb saret tkun dejjem fuq stil differenti. Propju llum, dan il-ktejjeb ingħatatlu dehra aktar professjonali mimli ritratti u artikli ta’ interess ġenerali bin-numru ta’ paġni jiżdied għal aktar minn 150 ta’ qies A4, fosthom diversi paġni bil-kulur. Sar ikun mistenni minn diversi dilettanti u saħansitra ssib min għandu d-delizzju li jġemma’ dawn il-programmi. Illum il-ġurnata dan il-ktejjeb qed ikun aċċessibli wkoll fuq is-sit uffiċjali tas-Soċjetà, www.santamarija.com.

 

Leħen iż-Żgħażagħ

 

Sa mit-twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija, lura għal Novembru 1993, l-għan prinċipali kien li tissaħħaħ il-komunikazzjoni bejn iż-żgħażagħ Imqabbin. B’dan l-għan f’moħħ l-ewwel kumitat bdiet tiġi ppublikata rivista żgħira bil-Malti intitolata ‘Leħen iż-Żgħażagħ’. Rivista li kienet l-ewwel tip tagħha f’raħalna minn żgħażagħ għal żgħażagħ. L-ewwel pubblikazzjoni ħarġet fix-xahar ta’ Lulju 1996. Ftit ġimgħat biss wara, f’Settembru tal-istess sena, l-istess Sezzjoni Żgħażagħ kienet strumentali sabiex is-Soċjetà tkun waħda mill-ewwel Soċjetajiet Mużikali li kellhom is-sit tagħhom.

 

Il-Ġawhra

 

Bil-għan li jintlaħqu dawk il-partitarji li ma jużawx il-midja soċjali iżda jużaw l-email, il-Kummissjoni WEB nehdiet Il-Ġawhra. F’din in-newsletter elettronika, li tintbagħat lill-partitarji kull xahar, wieħed isib ħafna informazzjoni utli, tagħrif dwar attivitajiet li hemm fil-qrib, kif ukoll ħoloq (links) għal ritratti u filmati ta’ attivitajiet passati.

 

It-Titular

 

Permezz tal-pubblikazzjoni “It-Titular”, is-Sezzjoni Żgħażagħ twassal artikli varji li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd, fosthom dwar l-istorja tal-Imqabba u l-ewwel Soċjetà Mużikali fir-raħal tagħna, l-arti, kitbiet Marjani u tagħrif ieħor. Minn għeluq l-anniversarju tal-20 sena Sezzjoni Żgħażagħ, saret bidla fil-format tal-ktieb, sabiex minn erba’ revisti f’sena twaħħad fi ktejjeb ikbar. Dan jitqassam fid-djar tal-familji Mqabbin darba fis-sena.

 

Il-Bord Editorjali f’isem is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija jixtieq jirringrazzja mill-qalb l-isponsers kollha li qed jgħinuna f’din il-pubblikazzjoni, l-artikolisti u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw l-għajnuna tagħhom f’din il-pubblikazzjoni.

Kalendarji

 

Il-Kalendarju hu pubblikazzjoni ta’ kull sena maħruġ mis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V li jitqassam fid-djar tal-partitarji. Dan iservi ta’ rikonoxximent żgħir lill-partitarji għall-ħidma volontarja li jkunu wettqu fis-Soċjetà. Il-format tal-kalendarju jkun magħmul bil-ħsieb li l-partitarji jkunu jistgħu jagħmlu użu tiegħu matul is-sena kollha.

 

Il-Kumitat jixtieq jirringrazzja mill-qalb l-isponsers kollha li qed jgħinuna f’din il-pubblikazzjoni, u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jagħtu l-għajnuna f’din il-pubblikazzjoni.

 

CD’s tal-Banda

 

Ic-CD’s tal-Banda huma mezz ta’ awdjo maħruġin mill-Banda Re Ġorġ V li jinkludu l-marċi brijużi li jindaqqu mill-banda matul il-ġranet tal-festa. F’dawn is-CD’s insibu marċi ta’ diversi kompożituri magħrufa.

 

DVD’s

 

Id-DVD’s tal-Festa u tan-Nar huma materjal awdjo-viżiv maħruġa kull sena mill-Għaqda tan-Nar u mis-Sezzjoni Żgħażagħ rispettivament. Dawn jinkludu l-aspetti kollha tal-festa; nar, nar tal-art, armar, banda, briju.

 

Il-Kumitat jixtieq jirringrazzja mill-qalb l-isponsers kollha li qed jgħinuna f’dawn id-DVD’s, u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jagħtu l għajnuna.

Merchandise

 

Minn żmien għal żmien id-diversi għaqdiet fi ħdan is-Soċjetà joħorġu diversi settijiet ta’ memorabilja sabiex dawn ikunu jistgħu jiffinanzjaw parti minn xi proġett u jkunu jistgħu itaffu mill-spejjeż li jiltaqgħu magħhom matul il-ħidma tagħhom.

 

Ktieb ta’ Storja

 

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V ħadet ħsieb li tippublika ktieb fuq l-Istorja tas-Soċjetà.  Dan il-ktieb mhuwiex biss dokumentazzjoni tal-ħajja tas-Soċjetà iżda jista’ jitqies ukoll bħala ġieħ lil dawk il-membri u l-attivisti kollha li matul dawn is-snin taw sehemhom fit-tmexxija tal-Każin u fl-organizzazzjoni tal-festi marbuta mal-Patruna tagħna.