Leonard Spiteri

 

Leonard SpiteriLeonard Spiteri twieled l-Imqabba nhar it-18 ta’ Jannar 1930, iben Guzeppi u Marija xebba Debattista. Attenda l-Iskola Primarja tal-Gvern u l-Kulleġġ De La Salle. Daħal bħala apprentice joiner fit-Tarzna tal-armiraljat fl-1945.

 

Beda jitgħallem il-mużika u d-daqq tal-oboe fil-Każin Re Ġorġ V u ddebutta mal-Orkestra Santa Marija. Bandist regolari tal-Banda Re Ġorġ V mit-twaqqif tagħha fl-1947.

 

Fl-1953 ħadem bradella u bankun għall-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba. Din l-opra ġiet iddisinjata minnu stess bi stil kompletament ġdid għal dak li soltu naraw. Fl-istess sena ddisinja u ħadem il-bieb ta’ barra tal-Każin Re Ġorġ V. Fl-1950 beda l-istudji tiegħu tal-armonija u l-kontrapont għand is-Surmast Carmelo Costa u kkwalifika għad-Diploma A(Mus)LCM. fl-1953. Sadattant Leonard Spiteri ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda Re Ġorġ V, kariga li okkupa bejn l-1951 u l-1956. Inkuraġġit mill-ewwel suċċessi fl-istudji mużikali, iddeċieda li japprofondixxi b’iktar serjetà. Fl-1956 mar Londra u rreġistra bħala student mal-London College of Music u l-Guild Hall of Music and Drama fejn kien jattendi bħala evening classes student. Fl-1957 ikkwalifika għad-Diploma L(Mus)LCM. u għall-F.L.C.M. fl-1962. Sa fejn hu magħruf dan kien l-ewwel Malti li studja fil-London College of Music u mmerita dawn iż-żewġ diplomi.

 

Lura f’Malta fl-1964 kiteb innu “Lil Marija Assunta” għall-banda li tant kien ħadem għaliha – il-Banda Re Ġorġ V. Dan ir-rigal kien l-ewwel innu għall-vuċi pwerili li kellha s-Soċjetà Santa Marija għall-festa tal-parroċċa. Mill-mod kif bena din il-kompożizzjoni u l-maestrija fl-armonija, nibdew nifhmu l-abiltà ta’ dan is-surmast kompożitur. Indaqq l-ewwel darba mill-Banda Re Ġorġ V minn fuq iz-zuntier fi ħruġ il-vara ta’ Santa Marija min-niċċa nhar il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 1964, u kien kantat minn kor ta’ xebbiet tas-Soċjetà.

 

Fl-istess sena ħadem bankun fejn jitpoġġa s-salib u l-lanterni tal-fratellanza tar-Rużarju u fl-istess żmien ukoll irrinova l-bieb ta’ barra tal-każin. F’Novembru 1964 ġie mpjegat bħala full-time Visiting Master fil-mużika u l-craft mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fejn wara ġie stabbilit. Dam 27 sena f’dan l-impjieg sa ma rtira bl-età.

 

Fl-1965 ħa sehem kbir fid-dekorazzjoni tas-sala tal-każin tas-Soċjetà Santa Marija. Fuq disinn tas-Sur Guzè Galea, mir-Rabat, għamel il-forom għall-iskultura kollha tas-saqaf u wara ffurmahom u waħħalhom f’posthom. Mhux possibbli nelenka l-kontribut tiegħu, madanakollu biżżejjed ngħid li kien moħħ prinċipali wara x-xogħol.

 

Bejn l-1984 u l-1986 Mro Spiteri ddisinja u ħadem in-niċċa għall-istatwa ta’ San Bastjan. Din hi l-akbar xogħol fid-daqs li ħarġet minn idejh. Fuq disinn tas-Sur Frans Galea ħadem ix-xogħol tal-injam tal-pedestall waqt li l-abbozzi tal-bronż saru mid-disinjatur. F’dan ix-xogħol ta’ min japprezza d-disinn, konstruzzjoni, il-kwalità u metodu tal-interzja li jeħodna lura għal mijiet ta’ snin, xogħol li ma tantx jidher fil-knejjes ta’ San Bastjan, Ħal Qormi, fejn mar jgħix meta żżewweġ lil Josephine née Borg fl-1968.

 

Għad li għal dawn is-snin kollha għex barra minn raħal twelidu, Mro Leonard Spiteri kien baqa jħobb u jinteressa ruħu fl-Imqabba u b’mod partikulari fis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Huwa ħalla din id-dinja nhar it-28 ta’ Awwissu 2017.