St. Keverne Brass Band minn Cornwall, l-Ingilterra 2006

 

Wara s-suċċess li s-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V kellha fis-sena ta’ qabel (2005) biż-żjara tal-Banda mill-Ingilterra Bedford Town Band, fis-sena 2006 ġiet mistiedna banda oħra mill-Ingilterra, St. Keverne Town Brass Band. Din il-banda hija l-aħħar banda li wieħed isib qabel ma jilħaq in-naħa tan-nofsinhar tal-Ingilterra. Id-dar ta’ din il-banda huwa r-raħal ta’ St. Keverne, li jinsab fuq l- imsejjħa Lizard Peninsula fir-reġjun Ingliż ta’ Cornwall. Għalkemm dan ir-raħal jinsab f’parti kemmxejn remota tal-Ingilterra n-nies tiegħu rnexxielhom iżommu l-banda ħajja għal aktar minn mitt sena. Aktar minn hekk, minn din il-banda mal-medda taż-żmien ħarġu għadd ta’ mużiċisti li għamlu suċċess f’oqsma different tal-mużika.

 

Mil-lat finanzjarju din il-banda hija indipendenti, jiġifieri m’għandha l-ebda għajnuna ta’ sponsors u l-membri jemmnu li bil-ħidma tagħhom huma qegħdin jipprovdu opportunitajiet tajbin lin-nies tal-peninsula minn fejn ġejjin. Biex tiġġenera l-finanzi tagħha l-banda torganizza għadd ta’ attivitajiet, l-aktar popolari tkun attività msejjħa Ox Roast li ssir kull sena fl-ewwel Erbgħa ta’ Awwissu. Din l-attività issa ilha ssir għal aktar minn 40 sena u matulha l-pjazza tar-raħal taqa’ f’idejn il-banda, u gendus sħiħ jiġi mixwi viċin il-knisja tar-raħal.

 

Fil-preżent il-banda tħaddan aktar minn 80 bandisti attivi maqsumin fi klassijiet għall-Beginners, Training Band, Youth Band u Senior Band, li riċentement irnexxielha tikseb suċċess konsiderevoli matul kompetizzjonijiet kemm fuq skala lokali, kif ukoll fi skala nazzjonali.

 

Matul il-mitt sena li ilha teżisti din il-banda, għalkemm ġejja minn raħal zgħir, irnexxielha tilħaq għanijiet li kultant jiġbdu l-għira ta’ baned ġejjin minn postijiet ferm ikbar. Xiehda ta’ dan huma l-kwartieri li din il-banda nawgurat fl-1971, li ġew estiżi fl-1996 biex illum tħaddan sala moderna għall-provi li toffri xena mill-isbaħ tal-English Channel. Matul is-snin ta’ eżistenza tagħha l-banda kisbet ukoll għadd ta’ suċċessi meta daqqet f’ħafna postijiet prestiġġjużi, fosthom Royal Albert Hall f’żewġ okkażjonijiet, waħda minnhom tkun waqt il-Cornish 1000 Voices Concert. Il-banda daqqet ukoll ġewwa l-Millennium Dome quddiem eluf ta’ nies u numru ta’ nies distinti. Fis-snin riċenti l-banda kellha ħafna stediniet minn madwar id-dinja u raġunijiet finanzjarji biss żammewha milli taċċettahom kollha. Dan kien ser ikun il-każ meta fl-2001 il-banda kellha bżonn aktar minn 20,000 Lira Sterlina biex tkun tista’ tieħu sehem f’Nova Scotia International Tattoo li jsir ġewwa l-Kanada. Madankollu, grazzi għall-ġenerożità tal-poplu u għall-ħidma kbira li saret mill-membri u partitarji tal-banda, l-għan intlaħaq u l-banda kisbet suċċess quddiem aktar minn 100,000 ruħ matul il-ġimgħatejn li għamlet fil-Kanada. Fl-2002 il-banda kisbet unur ieħor meta ġiet mistiedna tirrekordja CD ta’ mużika folkloristika li aktar tard ġiet ippreżentata personalment lir-Reġina Eliżabetta II meta din żaret Cornwall bħala bidu tal-Jubilee Tour li kienet għamlet madwar l-Ingilterra. Din is-CD wara nħarġet għall-bejgħ bil-qliegħ imur b’risq il-Queen’s Jubilee Charity Fund. Dan kollu wassal ukoll sabiex il-banda tiġi mistiedna ddoqq quddiem Buckingham Palace fl-okkażjoni tal-Jubilee Day bil-preżenza tal-familja rjali ftit metri ‘l bogħod mill-banda. Avveniment li ġie segwit minn madwar miljun ruħ.

 

Matul l-istorja ta’ St. Keverne Town Band kemm is-Senior kif ukoll il-Youth Band rebħu numru ta’ titli nazzjonali, total ta’ tmienja bejniethom. Biex banda ġejja minn post tant remot fl-Ingilterra jirnexxielha tagħmel dan is-suċċess kollu kien jeħtieġ ħafna xogħol min-naħa tal-membri, kif ukoll għajnuna kbira mill-poplu tal-post. Bħala grazzi ta’ dan kollu l-Banda ta’ St. Keverne tiddedika ħafna mix-xogħol tagħha biex tkun ta’ għajnuna lil ħaddiehor. Fil-fatt il-banda tagħti ħafna mill-qliegħ li tagħmel lil għadd ta’ istituzzjonijiet tal-karità. B’hekk il-banda tħoss li qiegħda tagħti xi ħaġa lura bħala ringrazzjament tal-għajnuna li tirċievi fil-ħidma tagħha mill-poplu.

 

L-aktar suċċessi riċenti ta’ din il-banda jkunu fl-2005 meta rebħet kull kompetizzjoni li ħadet sehem fiha matul is-sena, total ta’ sitta biex saret National Champion 2nd Section Band of Great Britain 2005. Fis-sena 2006 l-banda kkompetitiet fil-1st Section u rnexxielha tikseb it-tielet post fl-Area Championship li sar ġewwa Torquay, anke jekk il-banda kienet l-aktar waħda b’element żagħżugħ fil-kompetizzjoni.

 

Is-Surmast Direttur

 

Hawn Malta l-banda kienet immexxija minn Alan Retallack, li dak iż-żmien kien anke l-Manager tal-Banda għal 15-il sena konsekuttivi. Alan Retallack twieled u għadu jgħix sal-lum fir-raħal ta’ St. Keverne hekk kif għamlu ġenerazzjonijiet tal-familja tiegħu tul is-snin. Alan ingħaqad mal-banda fl-1963 meta segwa l-passi ta’ ommu li kienet mużiċista b’talent kbir u l-ewwel membru mara li qatt ingħaqdet mal-banda f’St Keverne. Beda l-karriera tiegħu fuq il-cornet qabel ma mexa għal strumenti oħra fi ħdan il-banda. Mal-banda daqq f’ħafna postijiet prestiġġjużi fosthom Royal Albert Hall Londra. Hu u l-mara tiegħu Marilyn għandhom 4 t’itfal li kollha f’xi żmien jew ieħor kienu membri mal-banda. Tnejn minnhom għadhom idoqqu llum il-ġurnata. Il-karriera tiegħu bħala direttur bdiet fl-1995. Mexxa l-banda f’għadd ta’ tours madwar l-Ewropa, kif ukoll ġewwa Royal Albert Hall ġewwa Londra.

 

Tagħrif fuq ir-raħal ta’ St. Keverne

 

Raħal mimli inizjattiva bi pjazza sabiħa mdawwra bi knisja ħelwa, żewġ pubs, uffiċju postali, u xi ħwienet. Iż-żmien tal-ikbar attività huwa s-sajf meta jkun hemm divertiment offrut mis-St. Keverne Band, u minn kor lokali magħmul mill-irġiel. Attivitajiet oħrajn jinkludu l-famuża Ox Roast, flimkien ma’ numru ta’ wirjiet ta’ fjuri, pitturi u storja. Issir ukoll Gymkhana, li hija kompetizzjoni sportiva bejn il-pubbliku li tinkludi anke horse riding. Kappella, sala parrokkjali, club tal-banda, Health Centre u, naturalment, skola jgħaqqdu komunità attiva.

 

Attività oħra antika u tradizzjonali ssir fil-Ġimgħa l-Kbira meta n-nies tal-post imorru jistadu għall-cockles (speċi ta’ shellfish) madwar ix-xmara Helford. Din hi tradizzjoni antika ferm li sservi sabiex familji u ħbieb jiltaqgħu flimkien.

 

Fost l-avvenimenti li ġraw fl-istorja ta’ dan ir-raħal insibu The Cornish Rebellion tal-1497, meta armata minn Cornwall, immexxija mill-ħaddied Michael Joseph An Gof minn St. Keverne, immarċjat lejn Londra biex tipprotesta kontra r-Re Enriku VII li kien għolla t-taxxi tal-Ingliżi minħabba l-gwerra fl-Iskozja. Matul il-mixja armata oħra minn Bodmin, immexxija minn Thomas Flamank, ingħaqdet magħhom. Naturalment l-Armata Rjali kienet aktar b’saħħitha u l-istorja spiċċat b’Michael Joseph u Flamank jiġu mgħallqa. Dawn it-tnejn baqgħu magħrufin bħala The Cornish Braveheart u llum il-ġurnata għadna nsibu żewġ statwi tal-bronż mwaqqfa fid-daħla tar-raħal sabiex ifakkru dan l-avveniment fl-istorja kif ukoll dawn iż-żewġt irġiel qalbiena.

 

Persuna oħra storika li twieldet ġewwa St. Keverne kien Charles Incledon, li twieled fl-1764. Dan kien irnexxielu jsir kantant famuż ġewwa Londra. Kien il-favorit tar-Re Ġorġ III u kien kantant regolari ġewwa Covent Garden, ġewwa Londra.

 

Fost il-postijiet storiċi u ta’ interess ġewwa St. Keverne insibu: Il-War Memorial li nbena fl-1920 f’nofs il-pjazza ewlenija tar-raħal. Dan il-monument kien riċentament restawrat. Il-knisja ta’ St Keverne li nbniet fis-seklu ħdax u li hija waħda mill-akbar knejjes ta’ Cornwall fejn tesa’ 850 ruħ bilqiegħda. Mill-kampnar tagħha tidher veduta ferm sabiħa ta’ Cornwall li f’ġurnata ċara twassal sa 70 mil bogħod. Ġewwa l-knisja nsibu għadd ta’ monumenti storiċi fosthom wieħed li jfakkar vittma fid-diżastru tat-Titanic. Maġenb il-knisja nsibu Churchyard, ċimiterju storiku fejn insibu midfuna għadd ta’ nobbli, kif ukoll salib tal-irħam li jindika oqbra komuni ta’ baħħara li mietu mgħarrqa fil-baħar viċin St. Keverne. Ħdejn il-bieb ta’ dan il-post insibu l-kanun tal-vapur HMS Primrose, li kien għereq fil-baħar viċin ir-raħal.

 

Bħalma diġà ġie msemmi aktar ‘il quddiem, avveniment annwali li jsir ġewwa St. Keverne huwa msejjaħ Ox Roast. Waqt din l-okkażjoni gendus jigi msajjar fil-pjazza tar-raħal. Din il-ħaġa kienet saret għall-ewwel darba f’ħafna postijiet fl-Ingilterra fl-1937, fl-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ VI. Fl-1953, fl-okkażjoni tal-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II kien hemm ħafna rħula Ingliżi li xtaqu jirrepetu din il-ħaġa għad unur ir-reġina ġdida. Minħabba li dan kien ftit żmien biss wara l-gwerra, il-Ministeru tal-Ikel fl-Ingilterra beża’ li jekk jiġri hekk il-ħażna nazzjonali tal-laħam setgħet tispiċċa. Għalhekk ħareġ ordni li biex ikollok permess tagħmel Ox Roast trid iġġib prova li kienet saret waħda fl-1937. St. Keverne kien fost 82 post fl-Ingilterra, u l-Uniku raħal minn West Cornwall li rnexxielu jġib permess biex b’hekk seta’ jagħmel Ox Roast fl-1953. Minn dakinhar din baqgħet issir kull sena fil-bidu ta’ Awwissu, u fis-snin riċenti saret waħda mill-attivitajiet annwali prinċipali ta’ St. Keverne Town Brass Band.

 

Messaġġ minn St. Keverne Town Silver Band

 

“Il-membri u partitarji ta’ St. Keverne Brass Band minn Cornwall jixtiequ jawguraw lill-Banda Re Ġorġ V kull suċċess fil-festa tal-2007. Il-festa tal-2006 kienet verament esperjenza memorabbli għalina lkoll. Il-merħba u l-ospitalità li urejtu magħna kienet xi ħaġa fantastika. Il-mawra tagħna f’Malta, b’mod partikulari l-festa ser jibqgħu fil-memorja tagħna. M’għandniex dubju illi baned oħrajn ser ikollhom ċans jifirħu flimkien magħkom. Nibgħatu l-awguri tagħna u mill-ġdid nirringrazzjawkom għall-esperjenza memorabbli”

St. Keverne Band

 

2006stkevernebrassband01 2006stkevernebrassband02