Bedford Town Band minn Bedford, l-Ingilterra 2005

 

Fl-okkażjoni tal-festa tas-sena 2005, li fiha ġie mfakkar għeluq il-100 sena mill-fondazzjoni tal-Każin Santa Marija, li nistgħu ngħidu kien il-pedament għat-twaqqif tas-Soċjetà tagħna, għeluq is-60 sena minn meta l-każin tagħna żera’ ż-żerriegħa għall-attività mużikali ġewwa raħalna, u fl-aħħar iżda mhux l-anqas, għeluq is-7 sena mill-miġja tal-unur ‘Les Étoiles d’Or du Jumelage’ ġewwa raħalna, riżultat tal-ħidma tas-Soċjetà tagħna fl-isfera internazzjonali, il-kumitat ħaseb biex għal darba oħra nistiednu banda barranija sabiex tieħu sehem fil-festa ta’ Santa Marija, Patruna ta’ raħalna l-Imqabba.

 

Minn fejn ġejja din il-Banda

 

Kif wieħed mill-ewwel jinduna meta jaqra l-isem, din il-banda ġejja mill-belt ta’ Bedford. Din il-belt ħadet isimha minn Beda, kelma li ħarġet mill-Old English tal-perjodu Anglo Sassonu (Perjodu Pre-Era Normanna). Matul dan il-perjodu nsibu din il-belt diġà ċentru importanti ta’ kummerċ fl-Ingilterra. Bedford taf l-oriġini u l-iżvilupp tagħha lix-xmara Great Ouse. Huwa madwar din ix-xmara fejn insibu ċ-ċentru storiku ta’ din il-belt. Waqt li fl-imgħoddi kienet essenzjali għad-difiża, kummerċ u trasport, illum ix-xmara saret waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali ta’ Bedford. Din il-belt, flimkien mal-belt ta’ Kempston, tifforma ċ-ċentru urban tad-distrett Ingliż ta’ Bedfordshire. Imdawwrin ma’ dan iċ-ċentru nsibu mhux anqas minn 43 parroċċa, kull waħda minnhom tikkonsisiti f’raħal jew irħula ta’ kobor differenti. Ġeografikament Bedford tinsab madwar 50 mil bogħod minn Londra, fuq in-naħa tal-lvant tal-Ingilterra (East Anglia). Il-popolazzjoni llum tgħodd madwar 12,000 ruħ. Wieħed mill-aktar ulied famużi ta’ Bedford huwa John Bunyan li għex fis-seklu 17. Minn landier idur fit-toroq, Bunyan spiċċa biex sar predikatur u kittieb famuż. Qatta’ madwar 12-il sena minn ħajtu fil-ħabs ta’ Bedford fuq akkużi li ppriedka mingħajr liċenzja. Kien f’dan il-perjodu meta huwa kiteb għadd ta’ kotba, l-aktar wieħed famuż fosthom ikun ‘The Pilgrim’s Progress’. Aktar nies famużi minn Bedford huma John Howard, li baqa’ magħruf għar-riformi li wettaq fil-ħabsijiet, u Sir William Harpur, Lord Mayor ta’ Londra u fundatur ta’ waħda mill-akbar Għaqdiet Karitattivi ġewwa r-Renju Unit. Matul it-tieni gwerra dinjija Bedford saret magħrufa bħala ‘Liberty Town’ għal mijiet ta’ suldati minn għadd ta’ kampijiet tal-madwar. Bl-evakwazzjoni tal-BBC lejn il-belt fl-1942, Bedford saret ċentru ta’ divertiment. Riżultat ta’ dan Sir Henry Wood, fundatur tal-Promenade Concerts, u Glenn Miller, direttur tal-Big Bands Amerikan, għamlu żmien jagħtu shows kbar ġewwa Bedford. Ulied riċenti ta’ Bedford huma l-atleti Olimpiċi Brittaniċi Tim Foster u Paula Radcliffe, li segwew il-passi ta’ Harold Abrahams, rebbieħ tal-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tal-1924 u karattru prinċipali tal-film Chariots of Fire. Madwar Bedford wieħed isib għadd ta’ attrazzjonijiet turistiċi ddedikati lejn l-istorja ta’ din il-parti tal-Ingilterra. Fost dawn wieħed jista’ jżur Woburn Abbey, id-dar u Safari Park fejn fl-antik kienu jgħixu d-Duka ta’ Bedford. Post storiku ieħor insibuh fil-Parroċċa ta’ Goldington, ftit il-barra miċ-ċentru ta’ Bedford. Dan il-post fi żmien il-gwerra kien iservi bħala Ċentru Soċjali għas-suldati fi żmien il-gwerra (Reading and Recreation Club). Illum dan il-post huwa d-‘dar’ ta’ Bedford Town Band !

 

Xi Ftit Storja fuq din il-Banda

 

Fl-1893, artiklu ntitolat ‘Bands and Street Music’ deher fl-aġenda waqt laqgħa tal-Kunsill ta’ Bedford. Is-sindku dak iż-żmien kien issuġġerixxa li “Għalkemm kien hemm għadd ta’ baned ta’ ċertu livell ġejjin minn bliet fil-qrib, kien wasallu tagħrif li f’ċertu kompetizzjonijiet id-distrett ta’ Bedfordshire ma setax jippreżenta banda kapaċi tikkompeti ma’ baned ta’ distretti oħrajn” …….. “Bedford tista timxi fuq l-eżempju ta’ bliet oħrajn u tifforma banda li tista’ tkun attrazzjoni sabiex il-belt tħajjar aktar nies jiġu jgħixu fiha”. Dan il-kliem iġġenera għadd ta’ dibattiti u finalment wassal sabiex fit-13 ta’ April 1894, banda li qabel kienet iġġib l-isem ta’ Wesleyan Mission Band, saret “The Bedford Town Band”. L-ewwel dehra uffiċjali tal-banda saret nhar l-4 ta’ Mejju 1894 fi Grand Fete u f’Awwissu tal-istess sena l-banda rebħet l-ewwel kompetizzjoni tagħha.

 

Il-banda baqgħet tieħu sehem f’għadd ta’ funzjonijiet fosthom fil-festi li fakkru l-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja u għalkemm ħafna membri nqabdu suldati matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-banda kellha element sod biżżejjed sabiex tkun kapaċi ddoqq fl-okkażjonijiet ta’ Recruitment Rallies u tagħti għadd ta’ kunċerti lit-truppi. Fis-16 ta’ Novembru 1930 kienet ukoll mgħajjta sabiex iddoqq quddiem ġemgħa ta’ bejn 6,000 u 7,000 ruħ waqt kommemorazzjoni ta’ tifkira lejn dawk is-suldati li kienu mietu meta Airship R101 kien ikkraxxja ġewwa Beauvais, Franza. Matul is-snin li wasslu sa tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija l-banda kompliet tieħu sehem f’għadd ta’ festi pero’ naqset li tistabbilixxi ruħha fost l-aħjar baned ta’ Bedfordshire, sakemm fl-1948 Mr Reginald Crane laħaq Surmast tal-Banda. Sena wara, jiġifieri fl-1949, il-banda reġgħet laħqet il-livelli ta’ qabel bir-ritorn għar-rebħ f’kompetizzjonijiet mużikali. Dan is-surmast, bil-għajnuna ta’ grupp żgħir mill-banda u b’entużjażmu tajjeb, irnexxielu jaddotta sistema għat-tfal sabiex jitgħallmu jdoqqu xi strument. B’hekk irnexxielu jkompli t-tradizzjoni ta’ banda li baqgħet tagħmel unur lill-belt. Numru mit-tfal li tgħallmu taħt Reg Crane għadhom sal-lum idoqqu mal-Banda ta’ Bedford.

 

Wara l-mewt ta’ Reg Crane fl-1973, il-banda għaddiet taħt Terry Hext, li aktar tard sar l-għalliem ewlieni tal-Brass ġewwa Bedfordshire County. Dan is-surmast wassal lill-banda tilħaq livelli tajbin ħafna li wasslu sabiex Bedford Town Band tibda tavvanza fil-Brass Band Grading Scheme tal-Ingilterra. Fis-sena 2000 il-banda saħansitra kkwalifikat għall-Finals tal-Brass Band Championships tar-Renju Unit u daqqet ġewwa r-Royal Albert Hall f’Londra. Aktar riċenti l-banda rebħet il-Buckinghamshire Association’s Festival. Ma’ dawn l-impenji fil-kompetizzjonijiet il-Banda ta’ Bedford dejjem żammet l-appuntamenti tagħha f’kunċerti u servizzi oħrajn. Fl-2003 l-banda daqqet ġewwa Bamberg, belt fil-Ġermanja ġemellata ma’ Bedford. Fl-istess sena l-banda rrekordjat l-ewwel CD bl-isem ta’ ‘Spirit of Bedford’.

 

Tagħrif fuq il-Banda llum

 

Bedford Town Band illum hija parti minn organizzazzjoni awtonoma li tħaddan żewġ baned oħrajn, Bedford Town Concert Brass u Progress Brass. Progress Brass hija post dawk li jkunu għadhom kif tgħallmu l-prattika bażika fuq l-istrument rispettiv, simili għall-banda tal-alljevi kif aħna mdorrijin bihom hawn Malta. Wara perjodu ta’ esperjenza u aktar studji mużikali, dawn jiġu promossi fi ħdan il-Concert Brass, biex fl-aħħar meta jintlaħaq il-livell aċċettabbli, jidħlu fit-Town Band. Il-mużiċisti kollha tal-banda ma’ jirċievu l-ebda ħlas għas-servizz li jagħtu. Kull membru anzi jħallas ammont żgħir ta’ menswalità fis-sena li jikkontribwixxi daqs għaxra fil-mija lid-dħul annwali tal-banda. Il-bqija tad-dħul jiġi minn kunċerti u servizzi li l-banda tagħmel matul is-sena, kif ukoll minn attivitajiet oħrajn bl-iskop ta’ Fund Raising.

 

Matul is-sena din l-organizzazzjoni mużikali tkun impenjata uffiċjalment medja ta’ darba fil-ġimgħa permezz ta’ waħda jew aktar mill-baned fi ħdana. Kumitat maħtur kull sena jieħu ħsieb imexxi din il-banda. Il-President attwali huwa Paul Riggett. Paul, flimkien mat-tlett uliedu jdoqqu mal-Bedford Town Band. Paul Riggett imexxi kumpanija li timmanifattura strumenti mużikali (Sterling Instruments – www.sterlingbrass .co.uk), u li tagħmel manutenzjoni fuq kull tip ta’ strument tar-ramm. Is-servizz tiegħu mal-banda huwa għalhekk indispensabbli wkoll fir-rigward ta’ manutenzjoni tal-istrumenti li jintużaw mill-baned ta’ Bedford. Filwaqt li l-Bedford Town Band tikkompeti b’mod regolari fin-National Championships li jsiru fir-Renju Unit, ħaġa li titlob daqq ta’ Test Pieces differenti, il-bqija tar-repertorju jikkonsisiti f’mużika li l-pubbliku inġenerali jippreferi jisma. Dan ivarja minn mużika klassika, għal dik tradizzjonali, sa mużika aktar moderna (Glenn Miller, Beatles u Robbie Williams).

 

Is-Surmast Direttur

 

Is-Surmast li mexxa lill-banda ġewwa Malta huwa Chris North, li twieled ġewwa Huddersfield. Minħabba li ġej minn Yorkshire, Chris minn tfulitu kellu opportunità jsegwi l-aqwa Brass Bands li wieħed isib ġewwa r-Renju Unit. Fl-età ta’ 12-il sena huwa beda jistudja l-istrument tar-ramm Cornet u daqq ma’ Meltham Mills Band sa ma fl-1972 daħal mal-armata Ingliża bħala mużiċist. Kien waqt Tour mal-Banda Militari ġewwa l-Ġermanja li huwa ltaqa’ għall-ewwel darba mal-mara tiegħu Mary, li hija Maltija minn Santa Venera. Fl-armata Chris North laħaq sa Warrant Officer Class One u mexxa l-Banda ta’ Duke of Wellington’s Regiment (West Riding) bejn l-1987 u l-1993. Fl-1991 serva bħala Uffiċjal waqt il-gwerra tal-Golf.

 

Wara li temm il-karriera militari tiegħu, Chris North studja sabiex sar għalliem tal-mużika u minn dak iż-żmien kien involut fit-tagħlim u t-taħriġ tat-tfal fil-mużika. Fil-preżent huwa jgħallem il-mużika ġewwa Northamptonshire, distrett viċin Bedfordshire, filwaqt li jgħin madwar 150 tifel u tifla kull ġimgħa jipperfezzjonaw l-arti fid-daqq tal-Brass Instruments.

Bħala arranġatur u kompożitur Chris North kellu għadd ta’ xogħlijiet ippubblikati, fosthom ‘The Normandy Veterans Association March’, li ndaqqet ġewwa Cenotaph f’Whitehall matul festival annwali ta’ tifkira. Imexxi wkoll kumpanija li tippubblika l-mużika, Danetre Music (www.danetremusic.co.uk). Riċentament Chris North introduċa serje ta’ four part harmony ‘Flexiscores’, immirata lejn gruppi ta’ tfal li jistgħu jingħaqdu fi gruppi ffurmati minn kull tip ta’ Brass Instrument u filwaqt li jieħdu gost idoqqu flimkien, ikollhom għajnuna sabiex jipperfezzjonaw il-livell mużikali prattiku tagħhom. L-aktar xogħol riċenti tas-Surmast North huwa ‘Kampanjola’, arranġament ta’ danza folkloristika Maltija, magħmul apposta sabiex jindaqq ġewwa Malta mill-Bedford Town Band.

 

Bħala mużiċista Chris North daqq ma’ wħud mill-aqwa baned li nsibu fir-Renju Unit u fil-mument huwa meqjus bħala wieħed mill-aħjar mużiċisti fuq l-istrument Flugelhorn li nsibu ġewwa l-Ingilterra. Minbarra li jsib ħin jidderieġi l-Banda ta’ Bedford, Chris North huwa membru ma’ Ransome Band li fil-mument tinsab fis-17-il post fost l-aqwa Brass Bands tad-dinja. Ma’ din il-banda Chris jinsab kuntent idoqq u jikkompeti fuq l-ogħla livell mużikali.

 

2005bedfordbandtown01 2005bedfordbandtown02