La Semana Santa de Espana fl-Imqabba (28 ta’ Marzu – 9 ta’ April 2023)

Din il-wirja tofri esperjenza differenti minn wirjiet oħra tradizzjonali li nsibu kważi f’kull belt u raħal madwar Malta u Għawdex, hekk kif hija wirja li tiffoka kompletament fuq il-Ġimgħa Mqaddsa fi Spanja.

 

Il-wirja tikkonsisti fil-fuq minn 200 vari żgħar repliki ta’ dawk li naraw fl-ibliet Spanjoli, kolla imlebbsin ilbies maħdum minn drapp fin u rakkmat permezz ta’ ħajt tad-deheb u anka tal-fidda, xogħol artistiku u artigjanali maħdum minn voluntiera Mqabbin, partitarji tal-istess Soċjeta’ Mużikali.

 

Insibu wkoll ritratti tal-purċissjonijiet li jsiru fl-ibliet Spanjoli, pitturi u anke xi ilbies li jintuża waqt dawn il-proċessjonijiet, kollozzjoni ta’ minjaturi ta’ bandalori u medaljuni. Il-wirja tkun akkumpanjata minn filmati u mużika Spanjola.

 

Din il-wirja hija organizzata mis-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tal-Imqabba u għandha is-sapport tal-Ambaxxata Spanjola f’Malta.