Jum il-Festa – L-Erbgħa, 15 ta’ Awwissu 2018

7.00am Quddiesa letta mill-Kappillan Fr John P. Curmi.

 

8.00am Quddiesa letta minn Fr Trevor Fairclough.

 

8.00am Ħruq ta’ murtali tal-bomba u murtaletti.

 

9.15am Quddiesa konċelebrata solenni bil-paniġierku minn Kan. Dillon Bugeja. Iqaddes Fr Anton D’Amato. Mistednin l-għaqdiet soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali. 

 

9.30am Mad-daqq tal-Glorja jkun hemm ħruq ta’ murtali tal-bomba, kaxxa infernali u murtaletti bil-logħob.

 

11.15am Quddiesa letta minn Patri Joseph Zahra OP.

 

11.45am Ħruq ta’ murtali tal-bomba akkumpanjat mid-daqq tas-sirena, segwit minn ħruq ta’ murtaletti bil-logħob.

 

1.30pm Il-Banda Re Ġorġ V għal darb’oħra mmexxija minn Mro David Agius tibda l-marċ popolari ta’ filgħodu minn quddiem il-Każin għal madwar it-toroq prinċipali tar-raħal.

 

5.00pm Quddiesa letta mill-Kan. Dr Jonathan Farrugia.

 

6.00pm Għasar solenni minn Fr Anton D’Amato, Salve Reġina u innu.

 

6.00pm Il-Banda Peace tan-Naxxar taħt id-direzzjoni ta’ Mro Lino Pirotta tibda marċ minn Triq San Bażilju sal-Pjazza, tidħol fiz-zuntier tal-knisja u tilqa’ l-ħruġ tal-Vara artistika u devota ta’ Santa Marija b’innijiet Marjani. Wara l-banda tkompli takkumpanja l-Vara matul il-purċissjoni. 

 

7.15pm Purċissjoni bil-vara artistika, devota u titulari tal-parroċċa mmexxija mill-istess ċelebrant. Waqt il-ħruġ tal-Purċissjoni tal-vara titulari u artistika ta’ Santa Marija mnaqqxa fl-injam u mogħnija b’pedestall tal-fidda, jiġi sparat salut. Hekk kif il-vara devota tal-Patruna tal-Imqabba toħroġ fuq iz-zuntier u tindaqq l-‘Ave Maria’, tinħaraq musketterija u kaxxa infernali spettakolari li se tkun tinkludi ħafna baraxxijiet u logħob ieħor u li tkun maħruqa bis-sistema kompjuterizzata FireOne. Wara l-kaxxa infernali jkun hemm wirja kbira ta’ murtaletti bil-logħob li jakkumpanjaw il-purċissjoni titulari.Il-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq taħt id-direzzjoni ta’ Mro Alfred Farrugia L.Mus. L.C.M issellem il-Vara Titulari minn fuq il-planċier bid-daqq tal-Ave Marija u innijiet oħra. Tieħu sehem ukoll is-Sopran is-Sinjura Elenor Cassar. Wara l-istess banda tkompli b’marċ qasir.

 

8.45pm Malli l-Vara tasal quddiem il-Każin, il-Banda Queen Victoria mmexxija minn Mro Alfred Farrugia L.Mus. L.C.M tesegwixxi l-Innu l-Kbir lil Marija Mtellgħa s-Sema, kompożizzjoni tal-Kav. Mro George Martin, fuq kliem tal-W.R. Patri J.M. Ghigo. Jieħu sehem il-Baritonu Louis Cassar, it-Tenur Joseph Aquilina kif ukoll il-Kor Bel Canto taħt id-direzzjoni ta’ Mro Herman Farrugia Franz. Wara l-istess banda tkompli bil-Programm Strumentali.

 

9.30pm Hekk kif jiġi esegwit l-Innu lil Santa Marija Mtellgħa s-Sema wara li l-istatwa titulari tkun waslet quddiem is-sede tas-Soċjetà Santa Marija, isir ħruq ta’ kaxxa infernali, murtali tal-beraq pront u tal-kulur.

 

10.15pm Antifona u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.

 

10.30pm Hekk kif il-purċissjoni bl-istatwa tal-Patruna tal-Imqabba tkun se tidħol, isir ħruq ta’ kaxxa infernali tal-kulur. Wara, fil-knisja, tingħata l-Barka Sagramentali flimkien mal-partitarji u dawk kollha involuti fil-logħob tan-nar bħala ringrazzjament lil Santa Marija.

 

10.30pm Wara r-ringrazzjament ġewwa l-knisja mill-membri u ammiraturi tan-nar, il-Banda Re Ġorġ V mmexxija minn Mro David Agius A.Mus LCM, A.Mus VCM(Hons), ALCM tkompli tallegrana b’marċ qasir li jintemm quddiem is-Sede tas-Soċjetà.