Patri Joseph Zahra OP 2003 –

Patri Joseph ZahraPatri Joseph Zahra twieled nhar il-25 ta’ Mejju 1974 u kien joqgħod ir-Rabat, Malta. Fit-8 ta’ Ġunju 1974, irċieva s-sagrament tal-Magħmudija u ġie mogħti l-ismijiet ta’ Joseph, Mario, Tarcisio u Paul. Patri Joseph Zahra beda n-Novizzjat mad-Dumnikani fil-25 ta’ Settembru 1992. Dakinhar irċieva l-Vestizzjoni Dumnikana u beda n-Novizzjat l-għada, fis-26 ta’ Settembru 1993. Nhar il-15 ta’ Ottubru 1994 irċieva l-Professjoni sempliċi (għal 3 snin) biex fis-16 ta’ Marzu 1995 ħa l-Lettorat. Fl-1 ta’ Mejju 1995 irċieva l-Akkolitat. Il-Professjoni Solenni saret nhar it-28 ta’ Settembru 1997. Fl-14 ta’ Lulju 2002 irċieva l-Ordinazzjoni Djakonali u fit-22 ta’ Lulju 2003 irċieva l-Ordinazzjoni Saċerdotali.

 

Patri Joseph Zahra rċieva l-edukazzjoni primarja, u kompla l-istudji tiegħu ġewwa l-iskola Giovanni Curmi Higher Secondary fejn dam sas-sena 1997. Wara kompla l-istudji tiegħu ġewwa l-Università tal-Ordni f’Bologna ġewwa l-Italja. Sa minn Novembru 2007 Patri Joseph Zahra ġie mibgħut sabiex jaqdi l-missjoni tiegħu ġewwa l-Parroċċa Matriċi tal-Belt Valletta li għandha s-sede fil-Bażilika ta’ Santa Maria ta’ Porto Salvo u San Duminku, wara li kien għamel żmien fi Gwardamangia. Preżentament Patri Zahra huwa wkoll id-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V wara l-mewt ta’ Patri Joseph Ghigo fis-sena 2003.

 

Ta’ min jgħid li kienet fuq inizjattiva ta’ Patri Joseph Zahra OP li bdiet titqajjem id-devozzjoni tal-Erbgħat ta’ Santa Marija fl-Imqabba. Fil-fatt illum il-ġurnata dan id-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà, flimkien ma’ nies dedikati oħra, jieħu ħsieb li jlaqqa’ diversi nies għat-talba tar-Rużarju meditat ġewwa s-swali tal-każin stess. Dan ir-Rużarju meditat isir kull nhar ta’ Erbgħa tul il-ħmistax-il Erbgħa qabel il-festa ta’ Santa Marija.