Carlo Sciberras

 

Carelo SciberrasCarlo Sciberras huwa mill-Imqabba u għandu 37 sena, iben Pasquale u Pauline Sciberras u hu t-tieni wild fost tlett aħwa. Ħa l-edukazzjoni primarja fl-iskejjel ta’ St. Catherine School tas-Sliema kif ukoll f’dik tal-Imqabba u dik sekondarja ġewwa St. Joseph Junior Lyceum, Paola.  Huwa kompla l-istudji Post-sekondarji ġewwa Liceo Paolino Vassallo u MCAST fejn studja fis-servizzi finanzjarji, accounts u marketing f’livelli avvanzati fejn ingħata ċ-Ċertifikat fis-Servizzi Finanzjarji kif ukoll Ċertifikat fil-Liġi Maltija għas-servizzi Finanzjarji. Carlo kompla wkoll l-edukazzjoni Terzjarja fejn studja fil-European Institute of Education fejn gradwa Diploma in Business Financial Management u aktar tard l- Malta Institute of Management f’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fejn gradwa b’ Higher Management Diploma for Change and Innovation in Tourism. Matul iż-żmien sabiex ikompli jaġġorna mal-iżvilupp kontinwu professjonali, huwa attenda bosta korsijiet li wassluh ukoll għal ċertifikati oħra fil-General Management, ‘Political Philosophy’ u ‘Public Speaking’.

 

Carlo Sciberras ħadem bħala bankier f’bank lokali, Amministratur Ġenerali ta’ kumpanija ta’ riklamar u marketing u bħalissa qiegħed fil-kariga ta’ Planning Specialist fis-settur tat-trasport pubbliku.

 

Il-passjoni tiegħu huma s-Soċjetà u l-festa u kull ħaġa li għandha x’taqsam magħhom kif ukoll iħobb l-istorja, il-kultura Maltija, qari ta’ bijografiji, isegwi programmi ta’ storja, is-safar u l-kulturi barranin. Hu jsegwi wkoll il-logħba tal-ballun speċjalment il-kampjonat Taljan u għandu simpatija lejn it-tim tal-Juventus. Fit-tfulija u l-adoloxxenza Carlo kien jifforma parti mill-iskwadri tal-Futbol fi ħdan l-Imqabba FC Youth Nursery u aktar tard Żurrieq FC Youth Nursery fejn lagħab u kkompeta fl-għola livell tal-Kampjonat Nazzjonali ‘Youth’ f’sezzjoni A.

 

Sa minn mindu kien għadu tifel Carlo kien jaffaxxina ruħu bis-sbuħija tal-Vara Titulari ta’ Santa Marija, u kien ukoll jieħu gost ħafna jkun preżenti waqt il-marċi u jara l-murtali. Hu jiftakar ukoll lin-nannu tiegħu Ġienju Sciberras li kien dejjem jgħidlu “qis li żżomm ma’ Santa Marija”. Peress illi dak iż-żmien kien għadu tifel ta’ madwar 7 snin kien ikun xi ftit mistħi li jidħol ġewwa l-każin waħdu pero jiftakar ukoll li ta’ dik l-eta’ ġieli kien imur il-każin ma’ Raymond Vella (il-Lapawl), u jiftakar li kull sena kien jagħtih xi flokk tal-festa. Carlo kien jintela bil-ferħ permezz tal-flokk tal-Festa! Meta laħaq l-eta’ tal-adoloxxenza beda jmur jgħin waqt l-armar fit-toroq u jiftakar li kienu hu, flimkien ma’ sieħbu Bevill Ghigo u xi adoloxxenti oħrajn, li kienu ġew mħeġġa biex jidħlu fil-Kumitat tas-Sezzjoni Żgħażagħ. Carlo ingħaqad bħala membru fis-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija fl-1999 u minn dak iż-żmien huwa baqa attiv fis-Soċjetà u fil-festa. Huwa dam fis-Sezzjoni Żgħażagħ sal-2009 u kien president ta’ din l-istess Sezzjoni Żgħażagħ mill-2004 sal-2009.

 

Matul is-snin tiegħu bħala President tas-Sezzjoni Żgħażagħ Carlo, flimkien ma’ sħabu żgħażagħ rnexxielhom idaħħlu bosta kunċetti nnovattivi fis-Soċjetà, fir-raħal tal-Imqabba kif ukoll f’ pajjiżna, fosthom il-Presepju Ħaj, La Semana Santa, l-Iskambju Kulturali, iċ-Ċenaklu Ħaj, it-Titular, il-Ġimgħa Marjana, il-Gwarniċun Mekkaniżżat, il-Bandalora Artistika kif ukoll l-ewwel spettakli ta’ briju organizzat u sinkronizzat mal-mużika fil-Marċ tat-Tielet Tridu.

 

Carlo Sciberras ingħaqad bħala membru fil-Kumitat Eżekuttiv fl-2004 fil-kariga ta’ Viċi Kaxxier sal-2008, fejn wara huwa kompla fil-kariga ta’ Viċi President sal-2013 kif ukoll fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali sal-2017, f’liema sena huwa ingħata l-kariga ta’ President tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V.
Matul din il-presidenza li waslet fir-raba sena tagħha, Carlo Sciberras flimkien ma sħabu membri tal-Kumitat Eżekuttiv iffoka b’mod partikulari fuq diversi proġetti fosthom ir-restawr u rinnovazzjoni tas-swali prinċipali u l-faċċata tas-sede tas-Soċjeta’, l-estenzjoni tal-binja tal-imħażen tal-armar kif ukoll il-planċier artistiku.