Mro David Agius A. (Mus.) L.C.M., A. (Mus.) V.C.M. (Hons.) A.L.C.M.

 

Mro David Agius

David Agius inħatar Surmast mal-Banda Re Ġorġ V nhar it-23 ta’ Marzu 1997. Beda l-karriera mużikali tiegħu mal-Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar meta kellu biss 7 snin. Ħareġ idoqq għall-ewwel darba bil-klarinett fil-1982. Sentejn biss wara huwa ġie appuntat klarinett solista mal-istess banda. Matul il-karriera mużikali tiegħu, David daqq ma’ għadd ta’ baned Maltin u Għawdxin, fosthom il-Banda Nazzjonali. Kompla javvanza fl-istudji tiegħu, kemm fil-prattika kif ukoll fit-teorija għand diversi għalliema fosthom Mro Ronnie Debattista u Freddie Mizzi. Dawn l-istudji wasluh biex jikseb bl-unuri d-Diplomi A. (Mus.) V.C.M. A. (Mus.) L.C.M. u l-A.L.C.M.

 

David Agius illum il-ġurnata huwa magħruf sewwa fil-qasam bandistiku Malti, l-aktar għall-għadd ta’ marċi li kkompona, fosthom il-famużi ‘Santos’, ‘Al Pacino’ u ‘Censinos’. Fir-repertorju ta’ dan is-surmast huwa estenda biex ikkompona kompożizzjonijiet diversi fosthom fl-1999 ‘Festive Fantasy’, fl-2000 ‘Id-Domma ta’ l-Assunta’, fl-2001 ‘Kantata għal Sidtna Marija Omm tal-Grazzja’ u ‘Musical Impressions’, poema sinfonika fl-2005. Flimkien mal-Banda Re Ġorġ V, David Agius imexxi wkoll il-Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, li tagħha laħaq Surmast Direttur fis-sena 2000, wara li għamel numru ta’ snin iservi bħala Assistent Surmast. Ilu wkoll għal diversi snin jokkupa l-kariga ta’ Assistent Surmast mal-Banda Sant’ Elena ta’ Birkirkara. Mro David Agius iddistingwa ruħu wkoll internazzjonalment meta mexxa l-Banda San Mikiel, kien Assistent Surmast mal-Banda Sant’ Elena, kif ukoll daqq ma’ diversi baned Maltin u Għawdxin ġewwa għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja.

 

Fis-sena 2005, Mro David Agius mexxa l-Banda Re Ġorġ V waqt Programm Mużikali ġewwa t-Teatru Manoel fil-Belt Valletta. Propju fis-sena 2007 Mro David Agius mexxa lill-Banda Re Ġorġ V waqt Festival Internazzjonali għall-Baned ġewwa l-Provinċja ta’ Ruma fl-Italja magħruf aktar bħala ‘Festa del Socio’ fejn anke l-Banda kellha x-xorti ddoqq ġewwa s-Sala Nervi waqt udjenza mal-Papa Benedittu XVI.

 

Fil-ħajja professjonali tiegħu David Agius jokkupa l-kariga ta’ Senior Broker ma’ Kumpanija tal-Assigurazzjoni. David Agius huwa miżżewweġ lil Antonella, li hi wkoll mużiċista. Huma jgħixu ġewwa r-Rabat, Malta u għandhom tlett itfal, Mayron Jose’, Kieran u Quivan. Fis-sena taċ-Ċentinarju (2010) is-Surmast David Agius ġie kkummisjonat sabiex jikteb il-mużika għall-kanzunetta uffiċjali taċ-ċentinarju ‘Ċentinarju Tagħna Lkoll’. Il-Kumitat, membri u bandisti tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V jifirħu lis-Surmast David Agius bħala Surmast Direttur tal-Banda Re Ġorġ V u jawgurawlu aktar snin fit-tmexxija tal-Banda, kif ukoll aktar suċċessi fil-karriera tiegħu.