Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti – L-aktar prodott Innovattiv 2013

Il-Membri ħabrieka tal-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija tal-Imqabba riedu joħolqu xi ħaġa differenti mis-soltu għal-lejliet il-festa tal-Assunta, u minn Mejju tal-2013 sal-14 t’Awwissu tal-istess sena, huma ħadmu fuq proġett kbir. Wara ħafna ħsieb u tħabbil il-moħħ, huma ddeċidew li r-reddiena li kienet ser tinħadem kellha tkun fuq bażi tridimensjonali, u mhux fuq bażi bidimensjonali bħalma normalment naraw. Fil-fatt, it-telespettatur seta’ japprezza l-mod kif ir-reddiena nfetħet u ħadmet b’mod mill-aktar preċiż anke fil-fond.

 

Din ir-reddiena fil-forma ta’ Kaxxa hi tqila 900 kg, armata fuq arblu ta’ 38 pied, b’sitt friegħi qishom umbrelel magħluqin, kull waħda ta’ dijametru ta’ pied wieħed. Dawn il-friegħi jiftħu bħal umbrella f’forma ta’ kaxxa bil-ġnub jitwalu għal 14-il pied. Dan sar b’mod preċiż u eżatt kif ippjanat permezz tal-fintuna mwaħħla mar-raddiena. Apparti l-mekkaniżmu, jidħol ukoll l-effett tal-gass li permezz ta’ taħlit differenti u aktar innovattiv ħareġ diversi kuluri u wriehom b’effett kreattiv.

 

Il-Ġurnata tat-Tnejn, 17 ta’ Frar, 2014 kienet ġurnata speċjali għall-partitarji kollha tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Uħud mill-membri tal-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija kienu ilhom xhur sħaħ jaħdmu sabiex jagħmlu ġieħ lill-Għaqda u lill-Patruna tagħhom, u fil-fatt, huma kisbu unur ieħor Nazzjonali permezz tar-rebħ tal-Premju tal-Artiġjanat Malti 2013. Il-proċess tal-applikazzjoni ma kienx wieħed faċli. L-applikazzjoni għal dan il-premju riedet tkun dettaljata, fejn il-membri tagħna riedu jikkonfermaw u Malti u fuq kollox innovattiv. Membri żgħażagħ li ħadmu fuq din ir-reddiena, inkoraġġuti minn membri fi ħdan il-kumitat eżekuttiv, ħadmu bla waqfien fuq din l-applikazzjoni, u fit-18 ta’ Ottubru, 2013 rappreżentanti tas-soċjetà tagħna daħlu l-applikazzjoni eżatt fil-ħin fid-dipartiment tal-kummerċ ġewwa l-Belt Valletta. L-istennija kienet waħda twila, però s-sodisfazzjonn kien wieħed kbir.

 

Fi Frar, membri fi ħdan l-Għaqda Nar tal-Art saru jafu li kienu fost il-finalisti għal dan il-premju kbir, iżda l-ħolma ma waqfitx hawn. Waslet il-ġurnata li tant bdew jistennew – l-għoti tal-premjazzjonijiet ġewwa l-Westin Dragonara Resort f’San Ġiljan nhar is-17 ta’ Frar, 2014. L-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija kisbet unur ieħor għas-soċjetà, għar-raħal tal-Imqabba u fuq kollox għall-Piroteknika Maltija fejn ġiet inkurunata bħala r-rebbieħa ta’ dan il-Premju tal-Artiġjanat Malti bħala grupp ta’ artiġġjana. B’hekk, l-artiġġjanat tipiku tal-logħob tan-nar tal-art tradizzjonali f’festa Maltija, b’din ir-raddiena tridimensjonali żviluppa b’mod sostenibbli ferm. Din ir-raddiena rawha eluf ta’ nies li attendew għall-wirja ta’ lejlet il-festa ta’ Santa Marija fl-Imqabba b’mod li ħalliet impatt kbir fuqhom minħabba l-effett kreattivi tagħha. Setgħu jaraw preċiżjoni fil-ħidma tagħha u l-innovazzjoni li tkompli tagħti l-ħajja lil-logħob tradizzjonali u artiġġjanali tan-nar tal-art.