Surmast Amerikan minn Louisana, Mro Andy Isca 2007

 

2007mroandyisca01It-tieni mistieden internazzjonali tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V matul il-festa tas-sena 2007 kien Andy Isca minn ġewwa l-Istati Uniti. Tul is-sentejn jew tliet snin ta’ qabel kien diġà jeżisti kuntatt ma’ dan is-surmast Amerikan, snin li fihom Andy bagħat ammont ta’ mużika, kemm kompożizzjoni tiegħu u kemm mużika oħra ghall-banda. Fis-sena 2007 Andy għoġbu jżur Malta sabiex jesperjenza l-festa tagħna. Fil-fatt kien ukoll il-mistieden tal-unur waqt il-programm tal-10 ta’ Awwissu fejn kien ukoll mistieden jidderieġi l-Banda tagħna. Andy Isca twieled fi New York, iżda ilu għal diversi snin jgħix ġewwa Louisiana. Għandu żewġ Degrees fil-mużika mill-Università ta’ Louisiana, kif ukoll Dottorat mill-Konservatorju Amerikan tal-Mużika.

 

Andy għamel karriera bħala għalliem tal-mużika, karriera li fiha kiseb diversi unuri fosthom Laurea mingħand John Philip Sousa Foundation, unur li jingħata lil għaxar għalliema kull sena. Għamel żmien ukoll President tal-Association of American Concert Bands. Illum il-ġurnata Andy Isca jmexxi programm fuq KEDM Public Radio. Il-programm jismu Bandscape u jitratta mużika mill-aqwa baned tad-dinja. Dr Isca huwa s-Surmast Fundatur ta’ Riverside Concert Band u regolarment jiġi mistieden jidderieġi diversi baned madwar l-Istati Uniti. Għal tliet snin sħaħ Dr Isca mexxa l-American Winds Concert Band. Matul dawn is-snin huwa mexxa l-banda fi ħdax-il pajjiż differenti fl-Ewropa.