Il-Bini tal-Estensjoni tal-Każin

 

Is-sena 1999 rat ħolma kbira ssir realtà. Sa mill-1934 il-President is-Sur Joseph Bugeja flimkien mal-kumitat u s-soċi tal-Każin Re Ġorġ V kienu diġà qegħdin iħossu l-ħtieġa li titkabbar is-sede tas-Soċjetà li kienet għadha kif inxtrat. Fl-1949 beda jinbena sular ieħor, iżda dan ma kienx biżżejjed. Il-ħtieġa għall-aktar estensjoni fil-konfini tal-każin baqgħet tinħass. Iżda dan qatt ma sar minħabba raġunijiet varji.

 

Għall-ħabrieki President is-Sur Carmel Zahra, flimkien mal-kumitat, dan il-għan kien prijorità. L-unika possibbiltà li kien fadal kienet li tinxtara l-proprjetà ta’ biswit il-każin Nru 41, 42, 43 Pjazza tal-Knisja mingħand is-Sinjura Tereza Zammit (il-Fakkina). Għalhekk ma kinitx sorpriża li meta ġietu l-opportunità tad-deheb, dan ħatafha bil-galbu u l-għaqal kollu. Bil-ħeġġa u l-ġenerożità tal-partitarji warajh, il-president flimkien ma’ sħabu s-segretarju Carmel Ellul u l-kaxxier Carmel Briffa resaq għall-kuntratt tax-xiri nhar il-11 ta’ Marzu 1999. Fil-preżenza tagħhom kien hemm ukoll is-Sur Benny Camilleri flimkien mas-Sinjura tiegħu Mary li għoġobhom jisilfu somma ta’ flus mingħajr imgħax. Wara dan il-kuntratt sar ieħor bejn il-każin u s-Sur Lawrence Schembri biex seta’ jsiru xi tpartit ta’ kmamar u l-faċċata. Fis-sena 2003, tlestew il-pjanti tal-estensjoni mill-Perit Dr Edwin Mintoff u dawk tal-faċċata mill-Perit Vince Centorino. Dawn il-pjanti, flimkien ma’ impressjonijiet artistiċi magħmula mis-Sur Omar Caruana, intwerew għas-sodisfazzjon tal-membri tas-Soċjetà sabiex min ried jagħmel xi suġġerimenti dan seta’ jagħmilhom bil-libertà kollha. F’ċirkustanzi bħal dawn, id-diskussjonijiet ma naqsux, iżda finalment il-pjanti tal-estensjoni ġew approvati fil-laqgħa ġenerali li saret fl-4 ta’ Mejju 2003. Il-permessi mal-MEPA saru fl-2004, u wara ħafna dewmien, diskussjonijiet u taqtigħ il-qalb, dawn finalment nħarġu fl-1 ta’ April 2008. Xi disinji mill-faċċata kellhom jinbidlu u fuq l-insistenza tal-istess Awtorità l-faċċata tal-pjan terran kellha tinbena fuq l-istess stil tal-faċċata oriġinali tal-post. Ma rridux ninsew li dan il-bini kien ser isir proprju fil-qalba tar-raħal u allura hija xi ħaġa normali li jkun hemm ħafna restrizzjonijiet u kundizzjonijiet marbuta mal-permessi maħruġa.

 

Issa t-tiġrija kienet kontra ż-żmien. Il-festi ċentinarji tas-sena 2010 kienu fil-qrib wisq. Għalhekk imħeġġa biż-żelu u d-determinazzjoni tas-Soċjetà kollha nbeda x-xogħol f’Ottubru 2008 mill-Kumpanija Zahra Ltd., li ntgħażlet bħala l-kuntrattur responsabbli għall-bini wara li saret l-evalwazzjoni tal-offerti magħmula minn diversi kuntratturi.

 

It-twaqqigħ tal-bini eżistenti sar metodikament u bil-galbu. Hekk ukoll sar it-tħammil u l-iskavar tal-art sabiex ikun jista’ jsir is-sotterran ħalli ’l quddiem dan jintuża bħala workshop u maħżen għall-affarijiet tas-Soċjetà. Hekk kif issaqqaf dan il-pjan, inbeda x-xogħol fuq il-pjan terran. Għar-raġunijiet ta’ loġistika x-xogħol inbeda minn ġewwa għal barra, bil-faċċata tinbena l-aħħar.

 

Min kien xettiku u beda jaħseb li dan il-proġett ambizzjuż kien jinsab fis-sħab, malajr biddel fehmtu hekk kif il-pjan terran beda jieħu l-forma. Dan is-sular tforna b’entratura alternattiva, taraġ sabiħ għas-sulari ta’ fuq, tojlits, kif ukoll b’sala kbira biex takkumpanja s-sala eżistenti t’isfel. Il-bar tal-każin għalhekk seta’ jiġi rilokat u mibni mill-ġdid fuq stil modern u mgħammar kif jixraq lis-Soċjetà.

 

Fl-ewwel sular inbniet sala kbira, attrezzata bi kċina, ħalli tintuża għall-attivitajiet soċjali li jkunu ppjanati matul is-sena. B’hekk is-sala prinċipali tal-każin, meqjusa bħala ġawhra artistika u ta’ valur imprezzabbli, ma tibqax isservi għal dawn l-attivitajiet iżda ssir l-attrazzjoni prinċipali tal-każin. Dan is-sular finalment tniffed mas-sede prinċipali permess ta’ taraġ bi ftit tarġiet.

 

Fit-tieni sular inbnew diversi kmamar li se jakkomodaw il-laqgħat regolari tal-Kumitat Eżekuttiv u dawk tad-diversi sottokumitati. Saru wkoll workshops imdaqqsin. Il-viżjoni tad-disinjaturi ma waqfitx hawn għax anke l-bejt se jkollu l-użu tiegħu. Hekk se jsir roof garden biex jakkomoda attivitajiet varji li jistgħu jsiru fil-ġranet sbieħ ta’ matul is-sena, speċjalment dawk sajfin. Is-sulari kollha huma mgħammra bit-tojlits u huma aċċessibbli għal kulħadd peress li minbarra taraġ konvenzjonali hemm ipproġettat li jsir lift ukoll.

 

Dan ix-xogħol ta’ bini sar kollu fl-iqsar żmien possibbli. Issa kien imiss li l-post jitlesta billi jsiru s-servizzi tal-ilma, dawl u drenaġġ, kif ukoll it-tikħil u t-tqegħid tal-madum. Hawnhekk tispikka l-ħeġġa tal-partitarji ta’ kull età u mingħajr distinzjoni. Żgħażagħ u partitarji maturi, membri tal-kumitat u ħafna oħrajn meddew idejhom għal din l-isfida tat-tkomplija. Dawk li ma setgħux jgħinu manwalment, ikkontribwew finanzjarjament. Biċċa xogħol bħal din mimlija spejjeż kbar kienet tirrikjedi ħafna u ħafna ġenerożità finanzjarja kemm mill-partitarji kif ukoll minn benefatturi tas-Soċjetà tagħna, speċjalment kuntratturi varji li għoġobhom jagħtu kontribut finanzjarju kbir billi fornew ħafna materja prima bħal konkos, planki u ħadid. Ħajr kbir imur lil kumpaniji Ballut Blocks Ltd, Denfar Ltd, Elbros Construction Ltd, Polidano Brothers Ltd, u Tar-Robba Ltd. Hawnhekk insemmi wkoll lil Benefattur ieħor li xtaq jibqa’ anonimu imma ismu jibqa’ mfakkar matul ż-żminijiet. Ta’ min jirringrazzja wkoll lill-partitarji u oħrajn li b’xi mod jew ieħor għenu finanzjarjament għax kienet kemm kienet l-offerta tagħhom aħna persważi li din ingħatat mill-qalb ġeneruża tagħhom u sforz l-imħabba li għandhom lejn is-Soċjetà Santa Marija. Il-partitarji li taw sehemhom jibqgħu mfakkra minn ġenerazzjoniet futuri għall-ġenerożità tagħhom. Fost dawk li meddew idejhom ma nistgħux ma nsemmux lil grupp taż-żgħażagħ li taħt is-superviżjoni ta’ partitarji akbar minnhom qattgħu ħin twil jaħdmu volontarjament biex seta’ jsir it-tqattigħ ta’ trinek, komunikazzjoni tad-drenaġġ u ħafna xogħol ieħor. Hekk għamlu Felix Galea, Joseph Briffa, Jeremy Mercieca, Jonathan Mifsud, Matthew Spiteri, Matthew Borg, Roderick Pace u ħafna oħrajn. Is-Sur Peter Psaila b’esperjenza kbira u megħjun minn oħrajn ħa ħsieb l-istallazzjoni tad-dawl u l-ilma. Ta’ dan is-Soċjetà tirringrazzjah mill-qalb. Grazzi wkoll għandha tmur għat-tqegħid tal-madum tat-tojlits li sar mis-Sur Andrew Zammit, u lis-Sur Pawlu Mifsud li lesta x-xogħol tat-tikħil tas-sala t’isfel. It-tikħil tal-estensjoni kien ser jieħu fit-tul minħabba l-kobor li hemm. Però bħalma diġà għidna l-qalb ġeneruża tal-partitarji tagħna hija kbira wisq. Għalhekk għal dawn l-ispejjeż tat-tikħil tal-appoġġi u l-kisi bil-ġibs kif ukoll tal-faċċata ndaħal is-Sur Martin Gaffarena li pprovda l-finanzi u l-ħaddiema u ta’ dan aħna wkoll irridu nirringrazzjawh bil-kbir.

 

Il-membri tal-kumitat ma qagħdux lura u l-preżenza tagħhom kienet il-ħin kollu ta’ nkoraġġiment għall-partitarji kollha. Minbarra x-xogħol manwali li għamlu, huma ħadmu wkoll bla heda minn wara l-kwinti biex setgħu jitlestew il-kuntratti, pjanti u disinni, permessi, jinstabu l-benefatturi kbar u jsir il-ġbir finanzjarju. Għalhekk grazzi kbira għandha tmur lejn il-ħabriek President is-Sur Carmel Zahra, is-Segretarju s-Sur Carmel Ellul, il-Kaxxier is-Sur Carmel Briffa, u d-Direttur tal-Każin is-Sur Anthony Farrugia, kif ukoll lejn il-Membri kollha tal-Kumitat Eżekuttiv u Sezzjonijiet varji li qegħdin fi ħdan is-Soċjetà, i.e. il-Fergħa tan-Nisa, is-Sezzjoni Żgħażagħ, l-Għaqda tan-Nar, u l-Għaqda tal-Armar. Dawn kollha b’xi mod jew ieħor ikkontribwew biex din il-ħolma ssir realtà.

 

Matul il-bini ta’ dan il-proġett kien essenzjali li l-ħajja ta’ kuljum tas-Soċjetà tibqa’ miexja normali kif ukoll kemm jista’ jkun titnaqqas l-inkonvenjenza lis-soċi u partitarji. Kien imperattiv li akkost ta’ kollox is-sede prinċipali tibqa’ miftuħa kuljum sabiex tibqa’ tilqa’ lill-membri tagħha u tipprovdilhom il-post xieraq ta’ mistrieħ. Għalhekk biex jintlaħaq dan il-għan kien deċiż li ż-żewġ binjiet jibqgħu momentarjament separati sabiex ix-xogħol tal-bini jibqa’ miexi b’ritmu mgħaġġel u mingħajr periklu. Ġunju 2009 kien iż-żmien opportun sabiex jitwaqqa’ l-ħajt li kien qed jifred iż-żewġ binjiet. Kien mument ta’ emozzjoni kbira hekk kif il-każin prinċipali ngħaqad mal-estensjoni l-ġdida. Kulħadd seta’ jammira l-kobor u d-dimensjoni ġdida li akkwista l-każin.

 

Wara dan l-avveniment issa kien jonqos l-aħħar battuti biex dan il-proġett hekk ambizzjuż jitlesta. Il-mira tal-kumitat dejjem kienet is-sena 2010 – is-sena tal-Ewwel Ċentinarju tas-Soċjetà tagħna lkoll. X’rigal isbaħ minn hekk stajna nagħtu lit-Titular tagħna Ommna Marija Assunta li b’qima kbira aħna niċċelebraw il-festa grandjuza tagħha fil-15 ta’ Awwissu ta’ kull sena? U x’rigal isbaħ minn hekk kien jixraq lil missirijietna, partitarji u benefatturi ta’ qabilna li proprju fl-1910 welldu din is-Soċjetà u li fl-1934 għanewha b’każin hekk sabiħ? Kienet tmiss lilna x-xorti li nkomplu nsebbħu dak li tawna ta’ qabilna billi għalenija dħalna għall-bini ta’ din l-estensjoni. Saru sforzi kbar biex ikun jista’ jibda jitpoġġa l-madum tal-art, granit tat-taraġ u poġġaman, xogħol tal-aluminju u injam sabiex jitlestew il-bibien ta’ barra u aperturi kif ukoll ix-xogħol taż-żebgħa L-ispejjeż dejjem kienu qegħdin jikbru. Imma anke r-ruħ u l-kuraġġ tagħna kibru u qamu għal din l-okkażjoni għax il-kontribuzzjonijiet ġenerużi baqgħu jsiru. Bdiet ukoll issir ir-rallokazzjoni tal-bar. Dan inbena mill-ġdid fuq stil modern u mgħammar b’aċċessorji ġodda u moderni. Il-ħsieb dejjem kien li l-partitarji jkollhom il-kumditajiet kollha – xi ħaġa li kienet tixraq għall-isforzi kbar li għamlu biex titlesta din l-estensjoni.

 

Sal-festa ta’ Santa Marija 2010 ħafna mix-xogħol kien tlesta u kulħadd seta’ jammira l-kobor u s-sbuħija tal-binja l-ġdida. Kien jonqos issa l-ftuħ uffiċjali tal-estensjoni. Il-ġurnata mistennija tħalliet għax-xahar ta’ Diċembru ħalli dan l-akbar avveniment jagħlaq il-festi taċ-ċentinarju. Kienet ix-xewqa wkoll ta’ bosta mill-partitarji li din l-estensjoni tiġi nawgurata mill-president tas-Soċjetà Santa Marija, is-Sur Carmel Zahra flimkien mal-membri tal-Kumitat u l-Fergħat tas-Soċjetà. Kienet xewqa raġonevoli ħafna meta wieħed iqis li l-moħħ prinċipali wara dan kollu kien proprju l-istess president. Kien il-Ħadd 26 ta’ Diċembru, l-aħħar Ħadd tas-sena 2010. Din kienet il-ġurnata tant mistennija li fiha s-Soċjetà Santa Marija laħqet il-qofol u l-quċċata tal-ewwel ċentinarju tagħha. Kienet il-ġurnata meta saret l-inawgurazzjoni tal-Estensjoni tas-Sede tas-Soċjetà. Il-ġurnata kienet waħda b’temp sabiħ u mżejna b’żiffa xitwija.

 

Kif kien xieraq bdejna ċ-ċelebrazzjonijiet b’quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Patruna tal-Imqabbin kollha Santa Marija. Wara, bil-parteċipazzjoni tal-partitarji sar marċ brijuż mat-toroq tar-raħal mill-Banda Re Ġorġ V. Tħawlet ukoll siġra f’Misraħ il-Missjoni ż-Żgħira sabiex tfakkar b’monument ħaj din l-okkażjoni u dan iċ-Ċentinarju. Ma’ tmiem il-marċ saru quddiem is-sede prinċipali diskorsi kommemorattivi mic-Chairman tal-Kummissjoni Dr Charles Sciberras u mill-President tas-Soċjetà s-Sur Carmel Zahra. Wara saret l-inawgurazzjoni uffiċjali mill-President tas-Soċjetà s-Sur Carmel Zahra fil-preżenza tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Fergħat tas-Soċjetà. It-tberik sar mill-W.R. Kappillan Dun Nazzaren Caruana. L-ebda kitba ma tista’ tiddeskrivi l-ferħ kbir li ħassew il-partitarji preżenti għal din iċ-ċerimonja hekk sinifikattiva. L-iskop u l-ħidma ta’ kulħadd intlaħqu proprju f’dan il-mument. Għalhekk kien xieraq li diversi mistednin distinti, soċi u partitarji attendew għar-riċeviment kif kienet titlob din l-okkażjoni hekk ferrieħa.

 

Din l-estensjoni waslet wara snin ta’ ħidma kbira kemm min-naħa tal-kumitat kif ukoll mis-soċi u partitarji biex minn ħolma saret realtà, proġett li nbeda f’Ottubru 2008 u tlesta f’temp daqshekk qasir sabiex ikun inawgurat proprju fis-sena taċ-ċentinarju. Dan juri biċ-ċar il-ħidma kontinwa u bla heda li għaddejja biha s-Soċjetà Santa Marija.

 

Wieħed jista’ jiddeskrivi dan il-proġett bħala l-isbaħ rigal li s-Soċjetà setgħet tagħti lis-soċi u l-partitarji sabiex ikun jista’ jitgawda minnhom u mill-ġenerazzjonijiet futuri, rigal xieraq fl-okkażjoni tal-Ewwel Ċentinarju 1910 – 2010.

 

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V terġa’ għal darb’oħra tirringrazzja lil kull min ipparteċipa kemm fiżikament jew finanzjarjament biex din il-ħolma saret realtà. Tħeġġeġ lil kulħadd biex jgħożż dan il-bini u jara li ma ssir l-ebda ħsara. Wara kollox din il-ġawhra ta’ każin inbniet b’ħafna sagrifiċċji kemm minn missirijietna kif ukoll minna wkoll. Jonqos x’isir biex inkomplu nżejnu u nlibbsu l-każin. Is-sehem tagħna lkoll huwa importanti biex jintlaħaq dan il-għan. Hemm diversi skemi kif wieħed jista’ jgħin finanzjarjament. Kull donazzjoni, żgħira jew kbira, ser tintlaqa’ bil-qalb għax aħna nafu li din ser tingħata mill-qalb u skont il-mezzi ta’ kull individwu.

 

Grazzi mill-qalb u prosit lis-Soċjetà Santa Marija.

 

Referenzi:
Programm Festa Santa Marija 2011; paġna 107 kitba ta’ Dr Charles Sciberras MD.

50 Sena Banda 1997 001