Dun Nazzaren Caruana

 

Dun Nazzaren CaruanaDun Nazzaren Caruana twieled il-Mellieħa nhar it-22 ta’ Frar 1947, iben Toni u Guzeppa xebba Debono. Ġie ordnat qassis mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi nhar l-20 ta’ Lulju 1974. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet ġewwa raħal twelidu stess bħala viċi-kappillan sakemm fl-1985 ġie msejjaħ sabiex jaqdi dmirijietu bħala kappillan tal-parroċċa ġar tagħna ta’ Ħal Kirkop fejn dam hemmhekk ħames snin. Bejn l-1990 u s-sena 2000 serva bħala kappillan ta’ Ħal Lija sabiex fis-sena 2000 sar kappillan tal-Parroċċa tal-Kunċizzjoni ġewwa l-Ħamrun.

 

F’Awwissu tas-sena 2004 proprju ftit wara l-festa ta’ Santa Marija, Dun Nazzaren beda l-ħidma pastorali tiegħu fostna l-Imqabbin. Il-pussess uffiċjali bħala kappillan tal-Parroċċa tal-Imqabba ħadu f’Ottubru 2004. Fl-ewwel messaġġ li kiteb bħala kappillan tal-Imqabba ddeskriva lil Alla bħala ‘Alla tas-Sorpriżi’. Ma’ kulmin tkellimna fejn ħadem Dun Nazzaren, kulħadd kelma waħda, “Kappillan dħuli u ħabrieki ħafna”. Dan urieh bil-fatti tul it-tminn snin li Dun Nazzaren dam fostna l-Imqabbin. Dun Nazzaren wera li ser iwettaq il-missjoni tiegħu bl-akbar serjetà. Ħa ħsieb sabiex mill-ewwel jiltaqa’ mal-għaqdiet tar-raħal u jsir jaf il-kultura tagħna, filwaqt li jisma’ lil kulħadd. Kien bniedem veru ta’ Alla u kellu l-akbar virtù, dak tas-Silenzju. Fil-funeral stess ġie deskritt mill-Predikatur Dun Frans Abdilla li ħa ħsieb il-parroċċa fin-nuqqas tal-kappillan, bħala ‘bniedem qaddis, u eżemplari’.

 

Matul iż-żmien li dam fostna bħala kappillan, Dun Nazzaren imbarka fuq diversi proġetti ta’ restawr u manutenzjoni. L-ewwel proġett kien dak tal-bini ta’ dar tal-knisja li fiha tilqa’ lill-kappillan tal-parroċċa. Insemmu r-restawr tal-kappella tad-Duluri u dawk ta’ San Bażilju u San Mikiel, dawn tal-aħħar bil-għajnuna tad-Dipartiment tal-Infrastruttura. Inbidel iz-zuntier u sar il-ħadid mill-ġdid mad-dawra tal-istess zuntier tal-knisja. Dan reġa’ beda jingħalaq propju kif kien isir fl-imgħoddi. Dun Nazzaren ħa ħsieb li jirrestawra l-antiporti kollha tal-knisja kif ukoll inżebgħet il-knisja kollha minn ġewwa. Ftit tas-snin ilu neħħa wkoll l-arzelli tal-ġebel li kien hemm mad-dawra tal-koppla għaliex kienu fi stat perikoluż. L-aħħar proġett li sar kien il-manutenzjoni tal-irħam tal-pavimentar kollu tal-knisja fejn anke kellu jinbidel l-irħam isfar kollu minħabba l-istat li kien fih. Is-somma għal dan ix-xogħol laħqet is-€7,500.

 

Propju taħt il-Kappillan Dun Nazzaren, fuq inizjattiva tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V bdiet tiġi organizzata l-preżentazzjoni tat-tfal u trabi lil Alla quddiem Ommna Marija. Fil-fatt l-ewwel preżentazzjoni tat-tfal saret matul il-festa titulari ta’ Santa Marija tal-2005. Minn dakinhar din l-attività sabiħa bdiet tiġi organizzata ta’ kull sena matul iż-żewġ festi tar-raħal. Minbarra din l-attività kienet propju fuq inizjattiva ta’ Dun Nazzaren li bdiet tinfetaħ kuljum il-kappella tad-Duluri fejn fiha jkun hemm Ġesù espost għall-adorazzjoni. Ta’ min jgħid li Dun Nazzaren qatt ma kienet tgħaddi ġurnata li ma kienx iżur din il-kappella għall-adorazzjoni personali bil-ħin preferut ikun dejjem dak tal-4:00pm. Inizjattiva oħra li ntroduċa dan il-kappillan kienet it-tqarbin mill-lajċi stess. Din kienet ta’ għajnuna kbira meta tqis in-numru limitat ta’ qassisin fil-Parroċċa tal-Imqabba.

 

Kien propju nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012, meta waqt quddiesa organizzata għal Jum il-Missier ġewwa l-iskola Primarja tal-Imqabba dehru l-ewwel sintomi. Dun Nazzaren ħassu ħażin u kellu jittieħed l-isptar għall-osservazzjoni. Filgħaxija stess intbagħat lura d-dar imma propju jumejn wara sewwa sew il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju 2012 reġa’ ħassu ħażin waqt il-quddiesa tat-8:00am. Minn dakinhar il-kappillan ma reġax ġie l-Imqabba. Wara li ttieħed l-isptar mar fid-Dar tal-Kleru ġewwa Santa Venera għall-mistrieħ.

 


Dun Nazzaren Caruana miet nhar it-Tnejn 9 ta Lulju 2012 wara nofsinhar (4:30pm) ġewwa l-isptar Mater Dei. Dakinhar stess ġiet organizzata quddiesa b’sufraġju għal ruħu fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba fis-6:30pm u kienet immexxija minn Dun Frans Abdilla u l-kleru Mqabbi; Rev. Carmelo Zammit O.P., Rev. Trevor Fairclough u Rev. Manwel Caruana flimkien ma’ Rev. Kan. Jonathan Farrugia. Il-funeral sar il-Ħamis 12 ta’ Lulju 2012 fejn l-ewwel kien espost fil-kappella ta’ San Bażilju u wara sar korteo sal-knisja. Il-quddiesa presente cadavere saret ġewwa l-knisja tal-Imqabba ddedikata lill-Assunzjoni tal-Madonna. Il-quddiesa bdiet fis-2:30pm u kienet immexxija minn Mons. Lawrence Gatt flimkien ma’ diversi saċerdoti oħra wħud minnhom ex-kappillani tal-parroċċa. Preżenti wkoll l-Arċisqof Emeritus Mons. Guzeppi Mercieca u n-Nunzju Appostoliku Monsinjur Tommaso Caputo. Wara l-quddies iż-żewġ baned fi ħdan iż-żewġ soċjetajiet mużikali tal-Imqabba ngħaqdu flimkien fl-aħħar tislima lill-mexxej spiritwali tal-parroċċa propju f’egħluq it-8 snin li kien ilu magħna u akkumpanjaw lil Dun Nazzaren sa tarf ir-raħal. Ma setax jonqos li l-Imqabbin isellmu lil dan il-kappillan bil-ħruq ta’ diversi murtali tal-bomba bħala sinjal ta’ rispett. Wara ġie meħud f’raħal twelidu tal-Mellieħa fejn sar it-talb tal-Għasar u d-difna fil-qabar tas-saċerdoti. Hawnhekk ġie wkoll milqugħ miż-żewġ baned tal-lokal li daqqew marċi funebri. Filgħaxija mbagħad ġiet organizzata quddiesa ġewwa s-Santwarju tal-Mellieħa b’sufraġju għal ruħu. L-għaqda li Dun Nazzaren ġab ġewwa l-Imqabba dehret bil-fatti u kien maħbub minn kulħadd. Dan jixhduh id-diversi bnadar mezza lasta fuq il-bjut tad-djar.

 

Grazzi Dun Nazzaren ta’ dak kollu li għamilt mal-poplu tal-Imqabba. Nitolbuk li mis-sema fejn qed tgawdi lil dak li ħabbejt u minn ħdejn Ommna Marija tas-Sema, tibqa’ tħares il-Parroċċa tal-Imqabba, li qatt ma tneħħiet minn taħt il-kura u d-direzzjoni spiritwali tiegħek. Grazzi Dun Nazzaren.