Carmel Zahra

 

Carmel ZahraIs-Sur Carmel Zahra twieled l-Imqabba nhar is-26 ta’ Ottubru 1948, iben Joseph Zahra u M’Grace née Zammit.

 

Ħa l-edukazzjoni primarja fl-Iskola Primarja tal-Imqabba u dik sekondarja fit-Technical Institute Paola. Minn età żgħira beda jaħdem fl-industrija tal-ġebel, l-ewwel bħala mpjegat ma’ missieru u wara bħala self-employed fl-istess industrija tiegħu. Fl-1984 għamel xi żmien qasir jaħdem bix-xarabank, sabiex wara sar importatur tal-inġenji wżati kif ukoll daħal fl-industrija tal-bini u artijiet. Fl-1998 sar Direttur maniġerjali tas-sala tat-tiġijiet Palazzo Nobile u llum huwa pensjonant.

 

Minn żogħżitu kellu ħerqa kbira lejn il-festa u wara xi żmien jgħin fid-delizzju tan-nar, xtaq li jkollu ħidma aktar diretta fis-Soċjetà. Għalhekk fil-1986 sar membru fil-Kumitat Eżekuttiv u bejn 1988-90 okkupa l-kariga ta’ segretarju tas-Soċjetà. Fl-1990 inħatar bħala president u żgur li qatt ma għaddielu minn moħħu li din il-kariga kienet ser tkun waħda dejjiema. Tant li sal-lum għadu jokkupa din il-kariga mingħajr ebda interruzzjoni.

 

Għandu esperjenza kbira fil-bini u għalhekk żgur li ma jistax jonqos li l-Presidenza tiegħu ma tkunx karetterezzata minn programm sħiħ ta’ tibdil strutturali fis-sede tas-Soċjetà kif ukoll tisbiħ tal-istess każin. Saru ħafna proġetti, fosthom it-tibdil tat-taraġ ewlieni biex dan sar tal-granit, il-bini tat-tieni maħżen u s-sala ta’ fuqu, ir-restawr tas-Sala Prinċipali u t-twettiq tal-proġett tal-pitturi varji u maestużi li jsebbħu lil din is-sala – il-Konvoj, Maria Regina, l-Arti u oħrajn. Ingħata l-bidu għall-bini tal-planċier u saru diversi tkabbir tal-armar u statwi ġodda li jkomplu jkabbru u jsebbħu l-festa ta’ Santa Marija. Impossibli li ssemmi kull ma sar matul dawn l-għoxrin sena. Imma l-akbar monument li ser jitħalla huwa l-estensjoni tal-każin, ħolma li ilha tberren fil-moħħ tal-president u li saret realtà, proprju rigal sabiħ għall-festi Ċentinarji.

 

Saru diversi żjarat minn ħafna personalitajiet distinti fosthom Presidenti ta’ Malta, Prim Ministri u Politikanti distinti, Arċisfqijiet ta’ Malta u Isqfijiet oħra, Ambaxxaturi u nies oħra prominenti fil-ħajja Maltija kif ukoll barranija. Kien hemm ukoll laqgħat mal-Familja Rjali Ingliża. Avveniment importanti kien il-ġemellaġ li sar mal-Corpo Bandistico ta’ Santa Vittoria in Matenano ta’ Ascoli Piceno, l-Italja, li wassal għar-rebħ tal-Unur prestiġġjuż ta’ Les Étoiles d’Or du Jumelage. Fis-sena 2007 il-Banda Re Ġorġ V kellha x-xorti li ddoqq għall-ewwel darba ġewwa s-sala Nervi quddiem udjenza mal-Papa Benedittu XVI.

 

Twieldu diversi fergħat fis-Soċjetà, fosthom il-Fergħa tan-Nisa, is-Sezzjoni Żgħażagħ, l-Għaqda tal-Armar, u tkabbret l-Għaqda tan-Nar. Dan kollu wassal għal diversi rebħ ta’ unuri minn dawn l-għaqdiet diversi, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali. Dan kollu kien strumentali biex is-Soċjetà Santa Marija tpoġġiet fi klassi ta’ Soċjetajiet kbar Maltin.

 

Propju nhar is-Sibt 23 ta’ Ottubru 2010, is-Sur Carmel Zahra ġie mogħti l-unur Ġieħ l-Imqabba 2010 għad-dedikazzjoni u s-sehem volontarju u attiv tiegħu b’risq il-festi fir-raħal. Dan l-unur jaħbat sewwa sew f’għeluq l-20 anniversarju minn meta s-Sur Zahra ġie maħtur bħala president tas-Soċjetà kif ukoll f’għeluq il-100 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà.

 

Huwa miżżeweġ lil Mary née Sciberras. Għandu tlett itfal u joqgħod fil-limiti tas-Siġġiewi.