Giovanni Ghigo

 

Giovanni Ghigo

Ganni Ghigo twieled l-Imqabba fl-1901, iben Nikola u Guzeppina mwielda Caruana. Wara li ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola tal-Imqabba, Ganni għadda għall-klassijiet ogħla fl-Iskola taż-Żurrieq. Attenda skola preparatorja għall-eżami tad-Dockyard immexxija minn Mr McKay f’Bormla. Għadda mill-eżami tad-Dockyard u għamel apprendistat ta’ shipwright. Ganni ħaddan is-sengħa b’entużjażmu u dan kien providenzjali għas-Soċjetà.

 

Wara l-ewwel gwerra dinjija, bdiet tinħass fost is-soċji x-xewqa li jiżdied sostanzjalment l-armar tal-festa. Ir-responsabbiltà tal-kostruzzjoni waqgħet fuq Ganni Ghigo li ħa ħsieb jordna d-disinji. Hu kien intefa’ b’ruħu u ġismu fuq ix-xogħol tal-armar. Wara li l-ewwel inħadmu l-pedestalli ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, kien imiss dawk tal-appostli, tal-anġli fi Triq il-Parroċċa u tad-dawl. Wara dan kollu ħarġet l-idea li ssir statwa tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna. Ganni Ghigo kien talab disinn lill-magħruf Abram Gatt li kien ukoll superjur tiegħu fit-tarzna. Hekk twieled il-pedestall kapolavur magħruf aktar bħala l-‘Kolonna’.

 

Ganni Ghigo żżewweġ lil Marija Stella xebba Mallia fl-1925 u kellhom ħames ulied; Dun Joseph Ghigo S.J. Lic. Phil, Lic. Theol. B.Sc. Econ. (Lond), Attilio, Karmenu, Piju u Vince. Fis-sena 1934 mar joqgħod Raħal Ġdid iżda matul il-gwerra ġie joqgħod l-Imqabba fl-istess dar li kellu qabel. Wara Ganni reġa’ mar joqgħod Raħal Ġdid iżda regolarment kien imur il-każin bir-rota, xemx u xita, nhar ta’ Ħadd, festi u meta kien ikun hemm bżonn. Inħatar president fis-sena 1949 u baqa’ fil-kariga sal-1953 meta rtira minħabba saħħtu. L-aħħar ħidma imperattiva tiegħu kienet l-idea tat-tkabbir tal-każin fl-1946. Il-bini li kien jikkonsisti f’sala fl-ewwel sular u kolonnar fil-portiku beda meta Ganni kien għadu President tas-Soċjetà. Hu kellu s-sodisfazzjon li jara l-portiku u s-sala prinċipali lesti għall-festi kbar li għamlet is-Soċjetà fl-okkażjoni tad-defenizzjoni tad-Domma tal-Assunzjoni.

 

Referenzi: Programm Festa Santa Marija 2000; Trijunvirat Amministrattiv, paġna 29 kitba tas-Sur Joseph Farrugia.