Il-Presepju Ħaj

 

Is-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija minn dejjem kienet rinomata għall-attivitajiet oriġinali li ż-żgħażagħ membri fiha jorganizzaw b’mod kontinwu. Waħda mill-attivitajiet li għamlet suċċess kemm f’raħalna kif ukoll fuq livell nazzjonali hija l-attività tal-Presepju Ħaj li kompliet tagħni lis-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba bl-unuri fit-taqsimiet diversi tagħha.

 

Fis-sena 2006, is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija organizzat l-ewwel u l-uniku Presepju Ħaj fl-Imqabba. Wara bosta laqgħat u diskussjonijiet bejn iż-żgħażagħ u diversi membri oħra fis-Soċjetà, fasslet pjan konkret u realistiku li kellu jkun il-bidu tas-suċċess għal dak li llum huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar avvenimenti f’Malta fi żmien il-Milied.

 

L-ideat kienu ħafna u flimkien bħala grupp wieħed iż-żgħażagħ xammru l-kmiem għall-ħidma kontinwa li kienet ippjanata. Wara avveniment kbir bħal dan irid ikun hemm ħafna sigħat ta’ ħidma u preparamenti. Kull wieħed u waħda miż-żgħażagħ kellu inkarigu speċifiku f’diversi oqsma, fosthom il-pjanta tal-post u d-disinn tal-presepju, ix-xogħol fiżiku bħall-armar tal-kmamar, ix-xogħol fuq ir-rakkont, it-tqassim tal-karattri u l-ġbir tan-nies, il-ġbir tal-props, il-ġbir tal-kostumi, u fuq kollox nies inkarigati sabiex jagħmlu l-pubbliċità fuq il-mezzi kollha tal-midja. Kienu ħafna affarijiet li meta jingħaqdu f’daqqa setgħu jirriżultaw fis-suċċess li nkiseb.

 

Kif jgħid il-Malti, dak li tiżra’ taħsad! Wara ħafna jiem ta’ ħidma ħsadna l-frott tax-xhur u sigħat ta’ xogħol li għamilna flimkien. Huma r-ritratti u l-filmati li jixhdu r-riżultat finali ta’ dak li konna ilna naħdmu għalih. Ma kienx faċli li ssib ’il fuq minn 40 personaġġ li kellu l-ewwel Presepju Ħaj fl-2006 u li ta’ kuljum kienu jiġu jagħmlu l-parti tagħhom f’dawk il-jiem tant kesħin ta’ Diċembru. L-ispirtu armonjuż li nħoloq fil-Binja tal-Isptar il-Qadim fejn sar l-ewwel Presepju Ħaj daħħal lil kulħadd fl-atmosfera tal-Milied u rnexxielu jiġbed mijiet kbar ta’ nies minn madwar il-gżejjer Maltin kollha. Bla dubju ta’ xejn, mhux kollox kien ward u żahar, però s-Sezzjoni Żgħażagħ irnexxielha tilħaq il-miri ewlenin li fasslet u xtaqet.

 

Is-suċċess miksub fl-2006 ħeġġeġ lis-Sezzjoni Żgħażagħ biex is-sena ta’ wara, fl-2007, ittella’ t-tieni edizzjoni tal-Presepju Ħaj, din id-darba fuq skala ftit akbar. Żdied l-ammont ta’ personaġġi u aktar annimali fost tibdil ieħor. F’din it-tieni edizzjoni, is-Sezzjoni ġiet imħeġġa tapplika għall-kompetizzjoni tal-aqwa Presepji Ħajjin f’Malta. Is-Sezzjoni Żgħażagħ kienet determinata li tasal u ġġib unur ieħor fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija. L-istennija għal dan ir-riżultat kienet waħda kbira, u għal darb’oħra ż-żgħażagħ ġew ippremjati. Ġew dikjarati r-rebbieħa u ġew klassifikati fl-ewwel post għall-aqwa Presepju Ħaj fil-gżejjer Maltin. Dan is-suċċess ma setax jinkiseb kieku mhux għall-għajnuna ta’ ħafna membri u partitarji, li b’mod volontarju taw is-sehem tagħhom sabiex għal darb’oħra s-Sezzjoni rnexxielha tnaqqax isimha fl-istorja ta’ din is-Soċjetà mogħnija bl-unuri.

 

Il-Kumitat taż-Żgħażagħ ħaseb sabiex fl-2010 jerġa’ jorganizza xi ħaġa spettakolari għal żmien il-Milied, peress li s-Soċjetà Santa Marija kienet qiegħda tiċċelebra ċ-ċentinarju mit-twaqqif tagħha. F’dan il-Presepju Ħaj li ġie organizzat f’post prominenti barra, f’għalqa li tagħti għal fuq Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, ħadu sehem kważi mitt karattru, f’rakkont animat mill-Bibbja ta’ 30 minuta. Is-separju fuq it-tielet edizzjoni tal-Presepju Ħaj tela’ nhar l-20 ta’ Diċembru 2010 fejn b’nifs totalment ġdid, il-membri tal-kumitat daħlu għal sfida, mhux biss biex ikomplu fejn ħallew fl-2007, iżda wkoll għax raw li attività bħal din tħalli ħafna għaqda warajha. Din l-attività kienet biċċa uġigħ ta’ ras għaż-żgħażagħ ta’ Santa Marija peress li dan il-Presepju Ħaj kien fuq livell akbar mis-snin ta’ qabel. Fil-fatt din l-edizzjoni ġabet magħha sfidi ġodda bħal pereżempju ġbir ta’ props, ġbir ta’ karattri u ħjata ta’ lbiesi ġodda fost l-oħrajn.

 

Fl-20 anniversarju mit-twaqqif ta’ din is-sezzjoni, is-Sezzjoni Żgħażagħ ħasbet li tagħmel xi ħaġa akbar u iktar spettakolari mis-snin l-oħra. Il-Presepju Ħaj li organizzat fi Triq Ħal Kirkop issa kien mifrux fuq medda ta’ ’l fuq minn 1,400 metru kwadru t’art, b’aktar minn 100 personaġġ jipparteċipaw f’rakkont animat mill-Bibbja, meħud mill-Evanġelju ta’ San Luqa, li jibda miċ-Ċensiment sal-wasla tal-Maġi. Kien biss is-Sibt, 13 ta’ Ottubru 2012, proprju xahrejn biss wara l-jum annwali ta’ ċelebrazzjonijiet kbar fil-festa titulari, meta ż-żgħażagħ imbarkaw fuq dan il-proġett kbir. Kienu xahrejn u aktar ta’ sfida li turi l-qlubija u l-imħabba li ż-żgħażagħ titulari għandhom lejn il-Patruna tar-raħal tagħna, Santa Marija, meta kkonfermaw li l-motto tal-Imqabba jridu jwettquh tassew: “Biss bil-Ħila”. Il-fulkru taż-żgħażagħ kien is-Sur Jerry Ghigo li mingħajr l-għajnuna tiegħu u ta’ ħafna oħra żgur li s-Sezzjoni ma kinetx tasal biex torganizza attività ta’ din l-iskala fuq livell nazzjonali.

 

Waħda mill-ewwel sfidi li l-Kumitat taż-Żgħażagħ sab quddiemu kienet l-allokazzjoni tal-post fejn kien ser isir dan il-presepju. Wara ġranet u ġimgħat sħaħ ta’ tfittix, il-familja u l-aħwa Azzopardi offrew l-għalqa tagħhom fi Triq Ħal Kirkop sabiex setgħet tinbidel f’villaġġ tipiku li kien ser jilqa’ fih rappreżentazzjoni kbira tat-twelid ta’ Ġesù fl-ambjent tipiku ta’ raħal Malti. Tfasslet il-pjanta tal-Presepju Ħaj kif kien ġej, fost attrazzjonijiet uniċi bħall-vaska, il-pont u l-mitħna. Sadanittant, iż-żgħażagħ bl-għajnuna ta’ xi partitarji tas-Soċjetà Santa Marija bdew inaddfu l-għalqa, ix-xogħol beda tiela’ u baqa’ għaddej mingħajr waqfien, minn jum għal jum, sakemm waslet il-ġurnata tal-ftuħ.

 

Il-ftuħ uffiċjali tar-raba’ edizzjoni ta’ dan il-Presepju Ħaj sar fi Triq Ħal Kirkop, biswit l-għalqa fejn ittella’ dan il-Presepju, fil-21 ta’ Diċembru 2012. Dan il-ftuħ kien jikkonsisti fi Programm Vokali u Strumentali mill-Banda Re Ġorġ V li sar taħt il-Patroċinju tal-Prim Ministru ta’ Malta, dak iż-żmien Dr Lawrence Gonzi, fil-preżenza ta’ diversi mistednin distinti oħrajn fosthom ministri, deputati u kandidati taż-żewġ partiti politiċi, il-Wisq Reverendu Kappillan Dun Gorg Spiteri u l-kleru, rappreżentanti tal-għaqdiet Imqabbin u tal-viċinanzi, u membri mill-Kumitat Eżekuttiv u mill-bqija tal-għaqdiet fi ħdan is-Soċjetà. Kienu eluf ta’ Maltin u turisti li ħadu l-opportunità sabiex jaraw dak li ħolqu ż-żgħażagħ fl-ewwel ġurnata tal-ftuħ ta’ dan il-presepju. Huwa stmat li żaru dan il-villaġġ madwar 18,000 ruħ – unur għaż-żgħażagħ titulari Mqabbin.

 

Permezz ta’ dan il-Presepju Ħaj, is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tal-Imqabba ġiet onorata b’żewġ premjijiet nazzjonali. L-ewwelnett bil-kisba tal-ewwel post fil-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji ħajjin bl-akbar punteġġ mogħti mill-ġurija kemm ilha ssir il-kompetizzjoni, u t-tieni għall-fatt li ż-żgħażagħ ta’ Santa Marija kisru wkoll ir-rekord nazzjonali tal-akbar Presepju Ħaj f’Malta mogħti minn ‘The Malta Records’. Dan ikompli jagħmel lis-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba mhux biss soċjetà mogħnija bl-unuri, imma wkoll b’unuri f’diversi oqsma tagħha: fin-nar tal-ajru u tal-art, fil-banda, fl-armar mekkanizzat u wkoll fiż-żgħażagħ tagħha mimlijin ħidma ta’ ħila.

 

Referenzi: Programm tal-Festa Santa Marija 2013: L-Iżvilupp tal-Presepju Ħaj , paġna 163.

 Filmati