Kanonku Dun George Spiteri

 

Kan Dun George SchembriDun Gorg Spiteri għandu 55 sena u huwa miż-Żejtun. Hu iben Katerina née Fenech u Mikiel Spiteri (illum mejjet). Hu twieled nhar it-30 ta’ Novembru 1957 f’Ħal Tmiem (bejn iż-Żejtun u l-Bajja ta’ San Tumas). Dun Gorg kien l-ewwel wild tal-familja Spiteri. Hu għandu erba’ aħwa – Twanny, Anna, Raymond u Jimmy.

 

L-ewwel tagħlim skolastiku ħadu fil-klassi magħrufa bħala ta’ Miss Bugeja. Imbagħad beda jattendi l-iskola Primarja tas-sorijiet ta’ Madre Tereza Nuzzo magħrufa bħala tal-Qalb ta’ Ġesù. Wara kompla fl-iskola Primarja tal-Gvern taż-Żejtun u aktar tard attenda l-iskola Sekondarja tal-Gvern f’Kalafrana, Birżebbuġa.

 

Bħala passatempi, Dun Gorg iħobb imur jimxi fil-kampanja, iħobb jara films ta’ drama u azzjoni, u dilettant ukoll tal-ajruplani. Bħala wild iż-Żejtun iħobb ukoll jisma’ l-għana li huwa tant għal qalbu. Iħobb ukoll il-mużika klassika u tas-sittinijiet, b’mod speċjali l-kantanti Elvis, Cliff Richard, ix-Shadows u l-grupp Beatles.

 

L-ispirazzjoni tiegħu għas-saċerdozju b’mod partikulari ġiet min-nannu tiegħu Mattew li kien fratell fi ħdan il-Fratellanza tas-Sagrament fiż-Żejtun. Dun Gorg jgħid li ta’ 19-il sena ddeċieda li jidħol fis-Seminarju ta’ Ellen Hall f’Westminister, Londra. Wara tliet snin lesta kors b’suċċess u kompla l-istudju tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex. Hemmhekk dam erba’ snin li f’waħda minnhom mar fl-istat ta’ Louisiana, fl-Amerika, biex jagħmel kors ta’ infermier fi sptar privat.

 

Fl-1984 ġie ordnat djaknu fil-Katidral tar-Rabat, Għawdex, mill-Isqof Nikol Cauchi. Wara kompla l-istudji tiegħu fit-Teoloġija Pastorali fis-Seminarju Tal-Virtù, ir-Rabat, Malta.

 

Hu ġie ordnat qassis nhar is-27 ta’ Frar 1987 fl-età ta’ 29 sena mill-Arċisqof Guzeppi Mercieca fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt.

 

Dun Gorg s’issa serva fi tliet parroċċi f’Malta bħala Viċi Parroku, kif jgħidilna hu stess:
“Fl-1987 bdejt l-ewwel esperjenza tiegħi fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien sas-sena 1994. Wara ġejt maħtur biex nagħti l-għajnuna tiegħi fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp tal-Kalkara sas-sena 2004. Imbagħad inħtart biex inservi fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Pompej f’Marsaxlokk sas-sena 2012.”

 

Dun Gorg qatta’ xi żmien bħala Direttur Spiritwali tal-Kulleġġ San Tumas More. Kien ukoll Direttur Spiritwali taż-żewġ każini mużikali taż-Żejtun – dak tal-Għaqda Banda Żejtun u dak tal-Banda Beland. L-iktar parroċċa li kien għal qalbu fiha hi dik ta’ Marsaxlokk għax jiddeskrivi n-nies t’hemm bħala raħħala u sajjieda sempliċi, b’qalb kbira u ambjent sabiħ b’raħal bil-baħar u veduti mill-isbaħ.

 

Sfortunatament fiż-żmien li serva fil-Parroċċa ta’ Marsaxlokk kellu jgħaddi minn esperjenza xejn sabiħa: dik tal-għarqa tad-dgħajsa Simshar fejn kien involut direttament mal-familjari tal-vittmi. Kienu mietu ħames persuni.

 

Ikompli jirrakkonta Dun Gorg innifsu:
“S’issa bħala esperjenza fl-Imqabba, għalkemm għall-bidu kont xi ftit beżgħan, kienet tajba ħafna! Inħoss li bħala persuna ġejt aċċettat ħafna mill-Imqabbin u nħossni maħbub. Din hi esperjenza ġdida għalija bħala kappillan u għaldaqstant irrid nidra aktar l-ambjent, is-sistema u anke l-kultura. Qiegħed ħafna għal qalbi hawnhekk għax barra li huwa raħal pittoresk, huwa wkoll raħal nadif, sabiħ u arjuż.

 

L-aħbar li kont ġej hawn ħadtha b’sorpriża u min-naħa l-oħra bżajt għax jien għandi karattru low profile, mistħi u kwiet. Sorpriża oħra hija għax ġejt inservi f’raħal fejn jiġu ċċelebrati żewġ festi kbar. Napprezza wkoll li hawn ħafna nies jaħdmu għall-festi b’mod volontarju u b’tant sagrifiċċji.”

 

Il-Kappillan jgħidilna li ma tantx hu persuna li joħlom b’ħafna opri! Jixtieq li jibni ħbiberija akbar mal-parruċċani u li jkun jista’ jgħinhom kemm f’mumenti ta’ ferħ u anke ta’ niket. Jixtieq li ħafna aktar nies isiru ħbieb ta’ Ġesù. Ħaġa oħra importanti li jixtieq hi li jrawwem aktar għaqda u rispett bejn l-Imqabbin kollha.

 

Dun Gorg Spiteri jkompli jgħidilna:
“Qabel kollox inħossni kburi ħafna kieku jkun hawn żgħażagħ li jixtiequ jieħdu t-triq tal-vokazzjoni. Bħala parir li nagħti huwa li din hi avventura fis-sens li trid tiltaqa’ ma’ ħafna nies minn sferi differenti li jirrakkontawlek l-esperjenzi sbieħ u koroh tagħhom. Mill-banda l-oħra, il-vokazzjoni tagħtik sodisfazzjon speċjalment meta tkun tajt l-għajnuna jew il-parir tiegħek lil persuni fil-bżonn. Minn hawn nixtieq ukoll ngħid lil dawk il-ġenituri li uliedhom iħossu l-vokazzjoni, biex dawn jitolbu għalihom u jgħallmu lil uliedhom sens ta’ sagrifiċċju u responsabbiltà. Jiena kuntent ħafna li jien qassis u kieku nerġa’ nitwieled u jkolli l-għażla, nerġa’ nagħżel li nsir qassis.”

 

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba tixtieq tawgura lil Kan. Dun George Spiteri ħidma pastorali fejjieda fil-Parroċċa tal-Imqabba.

 

Ad Multos Annos

 Filmati