Il-Banda Jugend Blasorchester ġejja mill-belt ta’ Leipzig li tinsab fil-lvant tal-Ġermanja, eżattament mill-provinċja ta’ Saxony qrib ix-xmajjar ta’ Elster. Din il-belt hija magħrufa sew għall-exhibitions kbar li ttella’, fejn tiġbed eluf kbar ta’ viżitaturi. Leipzig kienet ukoll għal xi żmien ċentru ta’ industrija tal-kotba. Din il-belt hija magħrufa b’mod partikulari għall-manifattura li tipproduċi, fost l-oħrajn strumenti ta’ preċiżjoni kbira, drappijiet, strumenti tal-mużika, birra, etċ.
Fis-seklu tmintax din il-belt ġiet imlaqqma Kleine Paris jew aħjar Little Paris, fejn saret ċentru ta’ letteratura klassika taħt il-kittieb Ġermaniż Johann Christoph Gettsched. Għadd ta’ nies prominenti studjaw ġewwa l-Università ta’ Leipzig, fost l-oħrajn insibu lill-filosofu Johann Gettlieb Fichte, il-poeta Johann Wolfgang von Goethe u l-kompożituri Robert Schumann u Johann Sebastian Bach, b’dan tal-aħħar ikun surmast direttur tal-orkestra u surmast tal-kor tal-knisja ta’ San Tumas, fejn illum jinsab midfun. Fis-seklu dsatax Leipzig saret waħda miċ-ċentri ewlenin tal-mużika fl-Ewropa. Il-kompożitur Felix Mendelson idderieġa kunċerti kbar fit-Teatru Drapers mill-1835 sal-mewt tal-istess surmast fl-1847. Aktar tard din il-belt rat it-twelid tal-leġġendarju kompożitur Richard Wagner.
Fit-tieni gwerra dinjinja din il-belt rat għadd ġmielu ta’ bumbardamenti mill-forzi alleati. B’kuntrast, fl-1989, dimostrazzjonijiet kbar ta’ paċi ġew miżmuma f’din il-belt fejn kienet indispensabbli għall-għaqda bejn il-Ġermanja tal-Lvant u dik tal-Punent biex saret il-Ġermanja kif nafuha llum. Il-popolazzjoni ta’ din il-belt hija ta’ madwar nofs miljun ruħ.