Il-Banda Taljana Associazione Bandistica Cittadina di Cave, provinċja ta’ Ruma, Italja 2008

 

Iż-żjara tal-Banda Re Ġorġ V ġewwa l-Italja bejn it-3 u 9 ta’ Lulju 2007 saret possibbli wara kuntatti u koperazzjoni bejn is-Soċjetà Santa Marija u l-Banda Taljana Associazione Musicale Bandistica Città di Cave – Roma. Dawn il-kuntatti wasslu sabiex isir ftehim ta’ skambju mużiko-kulturali bejn is-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba u l-Banda Re Ġorġ V u din l-Assoċjazzjoni Mużikali Taljana. Il-Banda Re Ġorġ V ġiet mistiedna żżur l-Italja u tieħu sehem waqt Festival Internazzjonali tal-Baned li jsir waqt ‘La Festa del Socio’ organizzat ġewwa Cave (2007), filwaqt li l-Banda Taljana minn Cave ġiet mistiedna żżur Malta u tieħu sehem fil-festa ta’ Santa Marija fl-Imqabba (2008).

 

Il-Banda ta’ Cave twaqqfet fl-1992 minn grupp ta’ mużiċisti mill-belt. L-għan ewlieni wara t-twaqqif tal-banda kien illi jinvolvi tfal u żgħażagħ fid-dinja tal-mużika u li joħloq opportunitajiet ta’ skambji soċjo-kulturali ma’ entitajiet mużikali oħrajn kemm Taljani kif ukoll pajjiżi oħrajn Ewropej. Issa l-banda ilha taħdem għal ‘il fuq minn dawn l-aħħar 15-il sena, anke grazzi għan-nies kollha ta’ Cave li dejjem segwew, inkoraġġew u sostnew l-attività tal-banda. Bir-rieda, l-entużjazmu u l-passjoni lejn l-arti mużikali, il-membri ta’ din il-banda dejjem irnexxielhom jegħlbu kull sfida b’kuraġġ. L-ewwel 15-il sena raw lil din il-banda tikber kemm lokalment fl-Italja kif ukoll fl-isfera internazzjonali. Il-banda dejjem għamlet unur lill-belt ta’ Cave kull fejn daqqet. Ftit ftit il-banda kibret mużikalment anke grazzi għas-Surmast ħabrieki tagħha Mro Giuseppe Ambrosini li b’sens ta’ dover irnexxielu jidderieġi din il-banda dejjem ‘il quddiem sa mit-twaqqif tagħha. Dan grazzi wkoll għall-membri bandsiti kif ukoll għall-membri tal-Kunsill Amministrattiv li sa mill-bidu nett għarfu kif għandhom jissuperaw b’kuraġġ kull sfida li ġiet quddiemhom sabiex b’hekk irnexxielhom joħolqu realtà tant hekk sabiħa għall-belt ta’ Cave.

 

Sa mill-bidunett tal-eżistenza tagħha, fl-1994, il-banda ta’ Cave bdiet taħdem fl-isfera internazzjonali permezz ta’ żjara ġewwa l-Awstrija fejn daqqet viċin Salsburg fosthom fil-Palazz tal-Imperaturi fi Kremsmunster. Dan wassal ukoll għall-ewwel skambju mal-banda tal-post Awstrijak li żaru l-Italja s-sena ta’ wara fl-1995. Fl-1996 il-banda għamlet it-tieni avventura internazzjonali fl-Ungerija fejn sar ġemellaġġ mal-belt ta’ Balaton Maria Furdo. Il-banda hawnhekk tat kunċerti ġewwa Budapest u bliet u rħula oħrajn fil-viċin ta’ Balaton. Ħadet sehem ukoll fl-isfilata tradizzjonali matul il-Festival Tradizzjonali tal-Inbid flimkien ma’ għadd ta’ baned oħrajn, gruppi folkloristiċi, u majorettes. Fl-1997 il-banda reġgħet ħarġet mill-Italja biex tieħu sehem matul Festival Internazzjonali ieħor din id-darba ġewwa d-Danimarka. Dawn iż-żjajjar kollha kienu opportunitajiet għall-banda li ħallew memorji sbieħ kif ukoll servew sabiex dawk kollha li pparteċipaw skoprew ħbiberiji ġodda u esperjenzaw kulturi ġodda. Il-Banda ta’ Cave wkoll taħdem ħafna fil-qasam lokali Taljan permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet u kunċerti. Tieħu sehem fil-ħafna okkażjonijiet u festi li jsiru ġewwa Cave kif ukoll matul għadd ta’ okkażjonijiet oħrajn madwar l-Italja. Fis-sena 2000 il-banda għamlet ġemellaġġ mal-Banda ta’ Civezzano minn ġewwa Trentino. Il-banda daqqet ukoll ġewwa Villa Borghese f’Ruma, fi pjazza San Pietru ġewwa l-Vatikan, fil-Katidral ta’ Orvieto u fl-Awditorium Mużikali tal-Aquila fost oħrajn. Il-banda wkoll regolarment tagħti kunċerti flimkien mal-kor “Perosi” minn ġewwa Cave stess. Il-banda dehret ukoll kemm-il darba fuq it-televiżjoni Taljana bl-aħħar dehra tkun fuq Canale 5 f’April 2007 waqt il-programm popolari tal-Ħadd ‘Buona Domenica’.

 

Ir-repertorju ta’ din il-banda huwa wieħed vast ħafna u dejjem immirat sabiex jolqot il-gosti ta’ kulħadd. Il-banda tesegwixxi mużika klassika kif ukoll moderna. Tiffoka wkoll fuq mużika folkloristika Taljana. Fil-fatt il-banda wkoll għandha element li kapaċi jimprovizza ruħu fi grupp li jdoqqu u jkantaw mużika folkloristika u tradizzjonali Rumana. L-avveniment annwali tal-banda hija ‘La Festa del Socio’ li ssir bejn Ġunju u Lulju fejn il-banda tieħu l-okkażjoni sabiex testendi l-esperjenza tagħha fil-qasam mużikali, soċjali u kulturali.

 

Cave: Il-Belt minn fejn ġejja l-Banda

 

Il-belt tinsab madwar 40 kilometru ‘l bogħod mill-belt kapitali Taljana Ruma. Il-popolazzjoni attwali tlaħħaq madwar 10,000 ruħ. Jekk immorru lura fl-istorja nsibu li l-ewwel dokument li jsemmi l-isem tal-belt imur lura għas-seklu tmienja meta l-Papa Stiefnu II għadda t-territorju ta’ Cave u l-monasteri ta’ San Stiefnu u Santa Sabina lis-sorjiet ta’ San Circeo minn Ruma. Ċertament pero’ it-territorju ta’ Cave kien diġà ilu jeżisti sa minn ħafna snin qabel u x’aktarx kien okkupat mill-Prenestini. Jixhdu dan il-fatt għadd ta’ skoperti arkeoloġiċi ta’ vilel, toroq u oqbra Rumani li saru fit-territorju maż-żmien. Jingħad ukoll illi f’dawn iż-żminijiet il-mexxejja Prenestini kienu joperaw barrieri sabiex jipproduċu materja prima għall-bini. X’aktarx illi l-isem tal-belt oriġina minħabba din l-attività antika tal-belt. Dokumenti antiki oħrajn konservati mill-belt imorru lura għas-snin 1296 u 1307. Dawn juru statut jew sett ta’ liġijiet li kienu jiġu osservati min-nies tal-belt. Dawn kienu anke jirregolaw il-produzzjoni u l-bejgħ tal-lewż u qastan għas-suq ta’ Ruma. Dan jixhed attività agrikola antika tal-belt. Fil-fatt illum il-ġurnata għadna nsibu żona ta’ Cave fejn għad hemm siġar tal-lewż u qastan.

 

Fis-seklu 15 imbagħad Cave sofriet waqt battalji għall-poter bejn il-familja Colonna, ħakkiema f’dawk iż-żminijiet u l-Papat. Dan wassal sabiex Cave tkun assedjata u saħansitra mogħtija n-nar mit-truppi Franċiżi. Il-poter wara dik il-battalja għadda f’idejn il-Borgia pero’ mhux għal ħafna żmien minħabba li wara l-mewt ta’ Alessandro VI Borgia l-poter reġa’ waqa’ f’idejn Colonna. Is-16 u 17-il seklu kienu perjodi kemmxejn trankwilli għal Cave li wasslu sabiex l-attività ekonomika ta’ Cave tikber. Kienu perjodi wkoll meta nbnew għadd ta’ palazzi, skejjel u knejjes ġewwa l-belt. Lejn l-aħħar tas-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19 kienet inbniet il-linja ferrovjarja Roma-Fiuggi, li minħabba li kienet tgħaddi minn Cave reġgħet tat spinta oħra ‘l quddiem lill-ekonomija ta’ Cave. Kien dak iż-żmien ukoll meta minn Cave bdiet l-esportazzjoni tal-qastan u t-tabakk lejn l-Ewropa kollha.

 

Matul it-tieni gwerra mondjali Cave sofriet attakki mill-allejati minħabba li fil-viċin kienu stazzjonaw ruħhom xi suldati Ġermaniżi. Ħsarat tal-gwerra għadhom sal-lum il-ġurnata jidhru mal-faċċati ta’ xi bini tal-belt. Cave tal-lum hi ċertament ħafna differenti minn dik ta’ dari. Saret belt kemmxejn moderna anke minħabba għadd ta’ bini li tela’ fil-periferija tal-belt. L-ekonomija nbidlet kompletament. Il-parti l-kbira tal-ħaddiema ħallew l-għelieqi biex marru jaħdmu f’xogħlijiet oħrajn fil-kapitali Rumana. Anke l-attività artiġjanali llum il-ġurnata naqset ħafna mill-belt ta’ Cave. Fuq kollox hekk kif ġara fl-Italja kollha minħabba l-progress li sar fid-dinja tal-lum. Illum ġewwa Cave nsibu għadd ta’ skejjel tista’ tgħid għal kull livell ta’ studju. Hemm ukoll ċentru sportiv mill-aqwa. Twaqqfu wkoll diversi assoċjazzjonijiet li jinpenjaw għadd ta’ żgħażagħ f’attivitajiet kulturali u sportivi. Riċentament anke twaqqaf Museo della Civiltà Contadina li għandu skop ewlieni li jżomm ħaj milli jintilef dak kollu li jixhed il-ħajja antika tal-belt ta’ Cave.

 

Mużew ieħor f’Cave huwa dak iddedikat lill-artist minn Cave Lorenzo Ferri. Ġewwa l-mużew wieħed jista’ jara partijiet mill-ikbar Presepju tad-dinja permezz ta’ għadd ta’ statwi ġiganteski maħduma minn dan l-artist. Il-mużew jinsab anness mal-knisja kolleġġjata ta’ Santa Marija Assunta li nsibu f’Cave. Ġewwa Cave wkoll insibu numru ta’ knejjes li nbnew matul is-snin u li jixhdu l-patrimonju reliġjuż u artistiku tal-belt: il-knisja ta’ San Carlo Borromeo, li fiha nsibu xi pitturi li jmorru lura lejn is-seklu 18 riċentament restawrati; l-knisja ta’ San Stiefnu Pro-martri, li hi l-parroċċa minn fejn ġejja l-Banda ta’ Cave; knisja oħra tas-seklu 18 huwa s-Santwarju tal-Madonna del Campo li hi l-Patruna ta’ Cave; l-knisja ta’ Santa Maria Vecchia li hija parti mill-kolleġġjata tas-seklu 9. Ma din il-knisja nsibu wkoll oratorju dedikat lill-Annunzjata u li hu sede tal-fratellanza tal-Annunzjata li twaqqfet fl-1614; fl-aħħar insibu s-Santwarju ta’ San Lawrenz, it-tieni Patrun ta’ Cave. Din hi x’aktarx l-iktar knisja antika ta’ Cave. Dokumenti juru li din il-knisja kienet inbniet fis-seklu 10.

 

La Festa del Socio: Il-festa annwali tal-Banda ta’ Cave

 

Din il-festa ilha ssir sa mis-sena tat-twaqqif tal-banda. Hija riżultat ta’ mħatra li kienu għamlu grupp ta’ membri mill-banda li llum minn sempliċi ċajta kibret f’avveniment internazzjonali. Dan l-avveniment għen ħafna sabiex il-Banda ta’ Cave tikber kemm fil-qasam kulturali kif ukoll f’dak mużikali. Il-festa bdiet bħala avveniment soċjali għall-membri tal-banda. Huwa għalhekk l-isem li ngħata oriġinarjament ‘Festa del Socio’. Matul is-snin pero’ din il-festa kibret biex illum saret Festival Folkloristiku u Internazzjonali li jlaqqa’ l-kultura Taljana ma’ oħrajn varji Ewropej.

 

Il-festa ssir bejn Ġunju u Lulju ta’ kull sena u tkun mifruxa fuq perjodu ta’ 7 t’ijiem. Matulha jkun hemm għadd ta’ kunċerti mill-banda lokali ta’ Cave u baned oħrajn Taljani u Esteri li jiġu mistiedna minn sena għal sena sabiex jipparteċipaw. Matul il-festa jkun hemm ukoll għadd ta’ attivitajiet folkloristiċi u soċjali maħsuba sabiex jattiraw lil nies ta’ kull età. Isiru wkoll laqgħat ta’ diskussjoni u seminars fuq temi varji kif ukoll kunċerti minn mużiċisti u kantanti magħrufa fil-qasam mużikali Taljan. Għall-ewwel darba d-diriġenti organizzaturi tal-festa, fl-okkażjoni tal-15-il sena mit-twaqqif tal-banda u mill-bidu ta’ din il-festa, iddeċidew li jgħollu l-festa għall-Festival Internazzjonali li ser jinkludi parteċipazzjoni minn pajjiżi differenti tal-Ewropa. Kull banda tirrappreżenta l-pajjiż Ewropej minn fejn ġejja. Għal Malta kien hemm il-Banda Re Ġorġ V; għall-Ingilterra kien hemm il-Banda ta’ St. Keverne minn Cornwall; kien hemm naturalment il-Banda ta’ Cave bħala rappreżentanta tal-Italja u żewġ baned oħrajn, waħda mill-Ġermanja u oħra minn Franza. Fi kliem l-organizzaturi ta’ dan l-avveniment: “Din hi okkażjoni fejn aħna niskopru użanzi u kulturi ġodda ta’ reġjuni oħrajn Taljani kif ukoll, minn żmien riċenti, ta’ pajjiżi oħrajn Ewropej. Hija okkażjoni wkoll fejn aħna niltaqgħu u ngħaddu ftit żmien flimkien f’sens ta’ allegrija u ħbiberija, dejjem bil-għajnuna tal-arti mużikali, xi ħaġa komuni li tgħaqqad kulturi differenti flimkien”. Baned mistiedna matul is-snin li ilu jsir dan l-avveniment, kienu għadd ta’ baned u gruppi folkloristiċi Taljani u oħrajn internazzjonali mid-Danimarka, l-Awstrija, l-Ungerija u r-Rumanija.

 

Fis-sena 2007, l-festa ġiet organizzata bejn it-2 u t-8 ta’ Lulju. Matul il-ġimgħa tal-festa kien hemm wirjiet artistiċi u folkloristiċi, daqq ta’ baned u għeluq grandjuż bil-baned kollha partċipanti jingħaqdu flimkien biex daqqew l-Innu tal-Ewropa f’sens ta’ għaqda u ħbiberija.

 

2008cave01 2008cave02

Scroll to Top