Dun Lawrenz Zammit twieled fl-Imqabba fl-1863. Hu kien prokuratur tal-Knisja Parrokkjali u fil-perjodu li fih kien jamministra saru diversi opri sbieħ fil-knisja. Fosthom insibu l-pittura fil-koppla u l-irħam iffurmat f’artal. Dan l-irħam kien imsejjaħ “Malakite” li sfortunatament intilfu bit-tiġrif tal-istess koppla fl-attakk tal-għadu tad-9 ta’ April 1942.
Hi tassew ħasra li dak li ħadem għalih Dun Lawrenz spiċċa frak. Madankollu, Lawrenz jibqa’ mfakkar għal kitbietu, ewlenin fosthom kien it-tagħrif dwar l-Imqabba fl-1898 bl-isem ”Għat tilet ċentinarju tal erezjoni tal cnisia parrocchiali ta’ l’Imkabba fil festa solenni tal gloriusa assunzioni tal beata vergni maria fis-sena 1898”. Ktieb interessanti ieħor ta’ Dun Lawrenz kien iġib l-isem “Descrizioni storica tal cnisia parrochiali tal Imkabba”.
Kitbet Dun Lawrenz Zammit tefgħu dawl fuq il-passat dwar l-opri li għadna ngawdu sal-lum speċjalment fil-Knisja Parrokkjali u wkoll l-attività soċjo-reliġjuża tal-antenati Mqabbin.
Referenza: Charles Farrugia, L-IMQABBA Mal-Medda taż-Żmien, Pubblikazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba u l-Knisja Parrokkjali f’Għeluq l-Erba’ mitt sena mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Imqabba, Malta, 1998, pp 213.