Dun Jonathan Farrugia, iben Joseph u Josephine xebba wkoll Farrugia twieled nhar id-19 ta’ Settembru 1978. Jonathan Farrugia, il-fustani fost żewġ ħutu bniet, Rosienne l-kbira u s-Sopran Frances Catherine, irċieva s-sagrament tal-magħmudija nhar it-22 ta’ Ottubru 1978 ġewwa l-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq. Jonathan irċieva s-sagrament tal-Ewwel Tqarbina fit-2 ta’ Ġunju 1985 ġewwa l-istess knisja. Irċieva s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof nhar l-14 ta’ Ottubru 1988 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija Assunta fl-Imqabba.
L-ewwel edukazzjoni li ħa kienet ġewwa l-Kulleġġ De La Salle, il-Birgu fis-sena 1984 fejn baqa’ hemm hekk sal-klassijiet tas-sixth form sas-sena 1996. Bejn l-1996 u l-2000, Jonathon kompla bl-istudji tiegħu ġewwa l-Università ta’ Malta, fejn iggradwa fil-Baċellerat tal-Arti bl-Unuri (B.A. Hons) fit-Taljan. F’Lulju 2000 attenda għal kors ta’ speċjalizzazzjoni fit-Taljan fil-Fondazione Giorgio Cini ta’ Venezia. Bejn is-snin 2001-2004 kompla bl-istudji ġewwa l-Università ta’ Malta, fejn iggradwa fil-Baċellerat fit-Teoloġija u Studju Umani (B.A. Theol. & Hum. Stud.). Ta’ min isemmi wkoll li fil-gradwazzjoni kien ikkummisjonat jagħmel id-diskors tal-okkażjoni f’isem l-istudenti. Bejn l-2005 u l-2007 Jonathan temm il-kors maġġuri tat-Teoloġija u gradwa b’Summa Cum Laude (first class degree) S.Th.B. mill-Università ta’ Malta filwaqt li fi s-sena 2007 beda l-kors tal-Liċenzjat fit-Teoloġija. Bejn l-2006 u l-2008 kien il-President tal-Għaqda Studenti tat-Teoloġija.
Il-passatempi ta’ Jonathan huma l-mużika, it-teatru u r-riċerka. Beda jitgħallem idoqq fl-1984 fl-Iskola tal-Mużika Johann Strauss. Xi snin wara beda jitgħallem il-klarinett fl-istess skola. Daqq għall-ewwel darba mal-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba fis-sena 1997 filwaqt li fl-2004 ingħaqad mal-Cappella Bugeja u daqq ma’ din l-orkerstra f’diversi knejjes fil-festi rispettivi tagħhom. L-ewwel darba li daqq ma’ din l-orkestra kien fit-Tridu tal-Festa Titulari ta’ Santa Marija fl-Imqabba. Festi oħra li daqq fihom jinkludu: Marija Bambina (ix-Xagħra), Is-Salvatur (Ħal Lija), il-Madonna tas-Sacro Cuor (Tas-Sliema), San Duminku (l-Birgu) u San Publiju (l-Floriana). Fejn jidħol it-teatru, Jonathan kien attiv ħafna, l-aktar fil-musicals bħal: Dellijiet (1994), Reġa’ Sebaħ (1994), Salad Days (1996), Jisimni Katarina (1997 u 2005), Lo Zingaro Barone (1997), Evita (1998), Les Miserables (1998), Anything Goes (1999) u La Vedova Allegra (1999), kif ukoll bosta drammi u kummiedji fil-MUSEUM u fis-snin tas-Seminarju. Kif isostni Jonathan innifsu, l-isbaħ esperjenzi kienu ma’ Lino Grech fid-dramm dwar San Ġorġ Preca “Agħtini l-Għajnuna” (1993), miegħu wkoll fid-dramm “Pasturi Jiċċaqalqu” (2005), u fil-musicals “Evita” u “Jisimni Katarina”.
Jonathan Farrugia kellu l-ewwel esperjenza ta’ riċerka meta kien qed jagħmel l-ewwel teżi tiegħu għal-lawrea fit-Taljan. Din kienet “Il romanzo cavalleresco: lo sviluppo, i temi, le techniche narrative”. Wara mbagħad sa mill-1999 beda jikteb fil-programmi tal-festi b’mod regolari. L-ewwel artiklu li kiteb kien dwar id-devozzjoni Marjana fl-Art Imqaddsa, u dan ġie ppubblikat fl-annwal tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba fl-1999. Minn dik is-sena sallum baqa’ jikteb ta’ kull sena f’din il-pubblikazzjoni. Festi oħrajn li minn żmien għal żmien kien kiteb xi artikli fl-annwal tagħhom huma: Il-Madonna tal-Karmnu (iż-Żurrieq), Santa Katarina V.M. (iż-Żurrieq), il-Madonna tal-Ġilju (l-Imqabba), L-Immakulata Kunċizzjoni (r-Rabat – Għawdex), Santa Marija (l-Gudja), San Ġużepp (Ħal Kirkop), San Nikola (s-Siġġiewi), Sant’Andrija (Ħal Luqa), l-Ġimgħa l-Kbira (Ħaż-Żebbuġ), Marija Bambina (l-Isla). Kiteb ukoll fir-rivisti lokali ‘It-Titular’ u ‘Il-Fjur’ u rivisti akkademiċi ‘Logos’ (Għaqda Studenti tat-Teoloġija) u ‘Solidarjetà’ (Studenti Demokristjani Maltin).
Wara li Jonathan ħass il-vokazzjoni tas-saċerdozju, daħal is-Seminarju ta’ Malta f’Settembru 2001. Matul is-sjuf tas-snin fis-Seminarju serva fil-Parroċċi ta’ Santa Marija Assunta (Mqabba), tal-Immakulata Kunċizzjoni (Bormla) u ta’ Santa Marija Assunta (Ħ’Attard) fejn baqa’ jaqdi dmirijietu wkoll bħala djaknu. Mar ukoll tliet darbiet għal ħames ġimgħat kull darba jagħmel xogħol volontarju mas-sorijiet ta’ Madre Tereza f’Palermo (2002, 2004, 2005). Jonathan ġie aċċettat bħala kandidat għas-saċerdozju nhar l-14 ta’ Frar 2006 fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar u ġie istitwit Lettur mill-Arċisqof Mercieca nhar l-20 ta’ Mejju 2006 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija Assunta fl-Imqabba. Ġie istitwit Akkolitu mill-Arċisqof Guzeppi Mercieca fit-30 ta’ Novembru 2006 fil-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi filwaqt li ġie ordnat Djaknu mill-Arċisqof Pawlu Cremona nhar l-4 ta’ Novembru 2007 fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fl-Imsida. F’kummenti li ta Dun Jonathan fir-rivista ‘Is-Seminarju’ qal: “Jekk ikolli nagħżel kelma, li fiha niġbor dawn is-seba’ snin li għaddejt fis-Seminarju, nagħżel il-kelma ‘ħolma’. Ħolma, għax taru; ħolma, għax kienu sbieħ; ħolma, għax ma ppjanajtx li nidħol għalihom!… Issa li għaddew, inħossni grat ħafna lejn Alla li għaraf ikellimni fl-episodji ta’ ħajti: t-tagħlim, il-volontarjat, l-iżbalji u n-nies li ltqajt magħhom. Dan kollu għeni biex nagħraf aktar Hu x’jixtieq minni, u ħallejtu jqawwini biex inġedded l-‘iva’ tiegħi kuljum, għall-imħabba lejh u lejn ħuti ta’ madwari.”
Dun Jonathan Farrugia ġie ordnat Saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona nhar il-Ħamis, 3 ta’ Lulju 2008 fl-imkien ma’ ħames djakni oħra, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Hu qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fil-kappella ta’ Santa Katarina fl-Imqabba nhar l-4 ta’ Lulju 2008. Dun Jonathan Farrugia ċċelebra l-ewwel quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija Assunta fl-Imqabba fit-2 ta’ Awwissu 2008.
Fl-aħħarnett, f’isem is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V u f’isem l-Imqabbin kollha, nixtieq nawgura lil Dun Jonathan Farrugia. Jalla l-Mulej Ġesù u l-Madonna jkomplu jħarsu lil dan il-qaddej t’Alla fil-ħidma pastorali tiegħu.
Ad multos annos