Dun John Curmi twieled iż-Żurrieq fl-24 ta’ Settembru, tal-1956. Dun John hu iben Spiridione Curmi u Julia née Schembri (imsejħa minn Tax-Xuttu) li hija mill-Imqabba. L-iżgħar fost ħames aħwa, Dun John trabba ma’ ħutu Phyllis, Carrie, Josephine u Emmanuel. Hu ħa l-formazzjoni edukattiva tiegħu l-ewwel fl-Iskola tas-sorijiet taż-Żurrieq biex imbagħad kompla fl-Iskola Primarja tal-gvern tal-istess raħal. Kompla l-istudji tiegħu fl-iskola sekondarja tal-Liceo ġewwa l-Ħamrun u wara kompla is-Sixth Form tal-Belt Valletta. Daħal l-Università ta’ Malta fejn iggradwa fil-Baċellerat tal-Edukazzjoni (B.ed) u Baċellerat tal-Arti (B.A) fil-Filosofija. Minn hawn, kompla l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ tad-Dumnikani fir-Rabat fejn studja t-Teoloġija. Hu mar Ruma jistudja fl-Università Pontifikali Ġeorġjana fejn speċjalizza fil-Missjoloġija.
Dun John Curmi, sa minn età żgħira dejjem xtaq ikun qassis. Kien daħal bħala membru fis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl biex jikkultiva l-ħajra tiegħu biex ikun qaddej tal-Mulej. Ġie ordnat qassis fis-7 ta’ Lulju 1985 mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Ġużeppi Mercieca. L-ewwel quddiesa tiegħu saret fil-knisja arċipretali taż-Żurrieq fil-25 ta’ Awwissu tal-1985, fost il-ferħ kbir taż-Żrieraq u atmosfera ta’ festa, peress li kienet ġejja l-festa titulari ta’ Santa Katerina. Dun John jiftakar li kien akkumpanjat mill-Banda u xi nies jwadbulu l-fjuri tul il-proċessjoni mid-dar sal-knisja.
Fil-qadi ta’ dmirijietu, Dun John Curmi serva ġewwa s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fejn kien responsabbli mid-De Piro Youth Centre għal xi żmien. Kien Superjur ta’ Sant’Agata għal sitt snin. Wara dan kollu, Dun John Curmi għamel tliet snin sħaħ fil-missjoni l-Peru fejn kien jgħallem u jgħin lill-fqar ta’ dak il-pajjiż filwaqt li kien iwasslilhom l-Kelma t-Tajba u lil Kristu Ġesù.
Wara l-missjoni, Dun John Curmi qatta’ erba’ snin Ruma fir-raħal ta’ Vitinia. Hu ġie lura Malta wara sebgħa snin barra minn xtutna fejn serva fil-parroċċa ta’ Ħal Kirkop għal ħmistax-il sena sħaħ. F’dak iż-żmien kien ukoll ‘Chaplain’ tal-MCAST peress li Dun John Curmi kien jaħdem ħafna maż-żgħażagħ li tant għandu għal qalbu.
Dun John Curmi ingħata l-pussess uffiċjali bħala kappillan tal-Parroċċa tal-Imqabba nhar is-Sibt, 14 ta’ Frar, 2015, proprju f’Jum San Valentinu. Kemm ilu l-Imqabba jservi bħala Kappillan, Dun John jgħid li hija esperjenza sabiħa u li jħossu li l-poplu Imqabbi laqgħu bi ħġaru. Jgħid li huwa mimli ħeġġa u kuraġġ hekk kif qed isib ħafna kooperazzjoni min-naħa tal-għaqdiet politiċi u kulturali, kif ukoll mill-Kunsill Lokali.
Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba tixtieq tawgura lil Kan. Dun George Spiteri ħidma pastorali fejjieda fil-Parroċċa tal-Imqabba.
Ad Multos Annos