Mro Giuseppe Maria Barbara A. (Mus.) L.C.M.

 

Giuseppe BarbaraGuzeppi Barbara minn Marsaxlokk, twieled fl-1918 u beda l-karriera mużikali tiegħu fl-1935 meta daqq l-ottavin mal-Banda Beland taż-Żejtun. Huwa studja t-teorija għand Mro J. Worley u taħtu għamel kors regolari tal-Advanced Grade. Studja armonija u kontrapont taħt Mro Vincent Costa ta’ Birkirkara u kiseb id-diploma ta’ Associate tal-Kulleġġ Mużikali ta’ Londra (A.Mus. L.C.M.).

 

Fl-1945, ħa taħt it-tmexxija tiegħu l-Banda Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq u fl-1946 organizza u kabbar il-Banda King George V tal-Imqabba. Fl-1956 ħa taħt idejh il-Banda Holy Trinity tal-Marsa u biha wettaq Innu tiegħu f’ġieħ it-Trinità Mqaddsa, versi tal-poeta msemmi Dun Frans Camilleri u li kien milqugħ b’tifħir mill-pubbliku u mill-ġurnali. Fl-1960 beda jidderieġi l-banda San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq.

 

Xogħolijiet mużikali għandu ħafna. Barra minn għadd ta’ marċi brijużi u oħrajn funebri, għandu l-Innu grandjuż f’ġieħ Santa Marija Assunta, versi tal-Imqabbi Patri Ġiżwita Joseph Ghigo, u li ndaqq għall-ewwel darba fit-13 ta’ Awwissu 1949 mill-Banda King George V tal-Imqabba. Dakinhar l-Overture Odette indaqq ukoll għall-ewwel darba mill-istess banda u kiseb suċċess. Għandu wkoll Fantasija għall-klarinett in Mi Bimoll u Overtures: Persicaria u Madame D’Honneur. Il-mużika tiegħu twettqet minn diversi baned. Huwa dam surmast tal-banda tal-Imqabba mill-1947 sal-1950.

 

Referenzi: Lia Carmen (1960 – ): Ġrajjiet is-Soċjetà Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V fl-Istorja ta’ l-Imqabba – Mqabba: Socjetà Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V, 1997 xvu,236p.:29.2cm ISBN 99909-68-30-6, paġna 175.

Scroll to Top