Mro George Martin A. (Mus.) L.C.M., S.M.O.S.J.

 

George MartinWara Mro Leonard Spiteri, laħaq Mro George Martin A. (Mus), L.C.M.,S.M.O.S.J. li dam surmast mill-1956 sal-1991. Kien iħobb il-banda daqs il-mimmi ta’ għajnejh. Beda l-karriera mużikali tiegħu ta’ età żgħira ħafna mal-Banda Queen’s Own tal-Isla u billi mill-bidu nett wera li għad javanza ħafna, il-Kumitat ta’ dak iż-żmien iddeċieda li jibagħtu għal studju avanzat taħt iċ-ċelebri Maestro Gaffarelli. Kien hawn li huwa żviluppa bħala wieħed mill-aqwa strumentalisti, fejn apparti strumenti mużikali oħrajn, huwa speċjalizza fil-French Horn.

 

Żmien wara huwa kompla jistudja taħt il-bravu Mro Carmelo Pace F.L.C.M.,L.R.S.M. għad-Diploma ta’ Associate of the London College of Music fejn ħa kors intensiv fl-Armonija, Kontrapunt, Fuga, Instrumentazzjoni, Kompożizzjoni u Storja tal-Mużika. Minbarra Surmast Direttur tal-Banda King George V, huwa kien ukoll għall-żminijiet twal Surmast Direttur ta’ diversi baned oħrajn bħal San Leonardu ta’ Ħal Kirkop, Queen’s Own tal-Isla u Vilhena tal-Furjana. Huwa dderieġa l-Banda Nazzjonali diversi drabi. Minbarra li Mro George Martin huwa tista’ tgħid wieħed mill-ewwel Maltin li ġie aċċettat membru tal-Performing Rights Society ta’ Londra, huwa kellu wkoll l-unur kbir li l-bijografija tiegħu ġiet imdaħħla fid-Dictionary of International Biography, dizzjunarju li huwa awtorità.

 

Il-kompożizzjoni tiegħu, minbarra numru kbir ta’ marċi brijużi u funebri, jinkludu erba’ Concert-Overtures, Fantasija Mużikali, Momente Romantique u żewġ Innijiet grandjużi għall-Banda, Solisti u Kor, wieħed lil San Leonardu u ieħor lil Santa Marija tal-Imqabba, li mill-1966, meta żżanżan, baqa’ jindaqq kull sena. Fl-4 ta’ Marzu 1974, Mro George Martin kien onorat għall-kapaċità tiegħu fil-qasam mużikali billi nħatar Kavallier di Grazia tal-Ordni Sovrana ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Fl-1981, f’għeluq il-ħamsa u għoxrin sena tas-Surmast George Martin bħala Direttur tal-Banda fl-Imqabba, saru festi speċjali. Is-Soċejtà Santa Marija, bħala turija ta’ apprezzament, ippreżentat bandiera ġdida tal-banda li ttellgħet għall-ewwel darba fl-10 ta’ Awwissu, jum li kien iddedikat lis-Surmast Martin.

 

Mro George Martin miet fl-24 ta’ Frar 1991 wara ħajja twila mal-banda. Jibqa’ mfakkar għall-Innu kapolavur ‘Lil Marija Mtellgħa s-Sema’.

 

Referenzi: Lia Carmen (1960 – ): Ġrajjiet is-Soċjetà Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V fl-Istorja ta’ l-Imqabba – Mqabba: Soċjetà Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ, 1997 xvu,236p.:29.2cm ISBN 99909-68-30-6 paġna 177.

Scroll to Top